1.8.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 201/27


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2022/1334

tat-28 ta’ Lulju 2022

li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2016/610 dwar missjoni ta’ Taħriġ Militari tal-PSDK tal-Unjoni Ewropea fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (EUTM RCA)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 42(4) u l-Artikolu 43(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fid-19 ta’ April 2016, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2016/610 (1), li stabbiliet il-Missjoni ta’ Taħriġ Militari tal-PSDK tal-Unjoni Ewropea fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (EUTM RCA) b’mandat sad-19 ta’ Settembru 2018, 24 xahar wara li l-EUTM RCA laħqet kapaċità operattiva sħiħa.

(2)

Fit-30 ta’ Lulju 2020, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2020/1133 (2), li estendiet il-mandat tal-EUTM RCA sad-19 ta’ Settembru 2022.

(3)

Fit-12 ta’ April 2022, abbażi tar-Rieżami Strateġiku Olistiku tal- EUTM RCA u tal-Missjoni Konsultattiva tal-PSDK tal-Unjoni Ewropea fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (EUAM RCA), il-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (KPS) irrakkomanda li l-mandat tal-EUTM RCA jiġi estiż sal-20 ta’ Settembru 2023. Fil-11 ta’ Mejju 2022, il-KPS qabel li jenħtieġ li l-mandat tal-EUTM RCA jiġi aġġustat għas-sitwazzjoni fir-Repubblika Ċentru-Afrikana.

(4)

Jenħtieġ li d-Deċiżjoni (PESK) 2016/610 jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni (PESK) 2016/610 hija emendata kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 1, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Filwaqt li taħdem biex tintlaħaq il-mira li l-Forzi Armati Ċentru-Afrikani (FACA) jsiru modernizzati, effettivi u responsabbli demokratikament, l-EUTM RCA għandha tipprovdi:

(a)

pariri strateġiċi lill-Ministeru għad-Difiża tar-Repubblika Ċentru-Afrikana u lill-Persunal Ġenerali tal-FACA b’appoġġ għall-ħolqien ta’ forzi tas-sigurtà kapaċi taħt kontroll demokratiku li jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem, id-dritt umanitarju internazzjonali u l-istandards internazzjonali dwar kwistjonijiet dwar il-ġeneru, il-protezzjoni tal-popolazzjoni ċivili, aġenda dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà (WPS) u l-aġenda dwar it-tfal u l-konflitti armati (CAAC), kif ukoll pariri lill-istabbilimenti ta’ taħriġ għal uffiċjali kkummissjonati u mhux ikkummissjonati tal-FACA sabiex tinħoloq sistema edukattiva ta’ tmexxija kapaċi;

(b)

edukazzjoni għall-FACA f’oqsma mhux operattivi, inkluż id-drittijiet tal-bniedem, id-dritt umanitarju internazzjonali, kwistjonijiet dwar il-ġeneru, il-protezzjoni tal-popolazzjoni ċivili, il-protezzjoni tal-popolazzjoni ċivili, aġenda dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà (WPS) u l-aġenda dwar it-tfal u l-konflitti armati (CAAC);

(c)

jekk il-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà jiddeċiedi li l-kondizzjonijiet huma ssodisfati, taħriġ lill-FACA;

(d)

appoġġ għall-isforzi ta’ komunikazzjoni strateġika biex jitrawmu l-valuri tal-Unjoni, tiġi promossa l-azzjoni tal-Unjoni u jinkixef il-ksur u l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali mill-forzi barranin fir-Repubblika Ċentru-Afrikana.”;

(2)

fl-Artikolu 10, jiżdied il-paragrafu li ġej:

“5.   L-ammont ta’ referenza finanzjarja għall-ispejjeż komuni tal-EUTM RCA għall-perjodu mill-20 ta’ Settembru 2022 sal-20 ta’ Settembru 2023 għandu jkun ta’ EUR 7 813 000. Il-perċentwal tal-ammont ta’ referenza msemmi fl-Artikolu 51(2) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/509 (*1) għandu jkun 15 % f’impenji u 0 % għall-pagamenti.

(*1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/509 tat-22 ta’ Marzu 2021 li tistabbilixxi Faċilità Ewropea għall-Paċi, u li tħassar id-Deċiżjoni (PESK) 2015/528 (ĠU L 102, 24.3.2021, p. 14).”;"

(3)

fl-Artikolu 13, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   L-EUTM RCA għandha tintemm fl-20 ta’ Settembru 2023.”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ Lulju 2022.

Għall-Kunsill

Il-President

M. BEK


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2016/610 tad-19 ta’ April 2016 dwar Missjoni Konsultattiva Militari tal-PSDK tal-Unjoni Ewropea fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (EUTM RCA) (ĠU L 104, 20.4.2016, p. 21).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2020/1133 tat-30 ta’ Lulju 2020 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2016/610 dwar Missjoni ta’ Taħriġ Militari tal-PSDK tal-Unjoni Ewropea fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (EUTM RCA) (ĠU L 247, 31.7.2020, p. 22).