25.7.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 196/125


DEĊIŻJONI TAL-KUMITAT POLITIKU U TA’ SIGURTÀ (PESK) 2022/1295

tad-19 ta’ Lulju 2022

dwar il-konferma mill-ġdid tal-awtorizzazzjoni tal-operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea fil-Mediterran (EUNAVFOR MED IRINI) (EUNAVFOR MED IRINI/3/2022)

IL-KUMITAT POLITIKU U TA’ SIGURTÀ,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 38 tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2020/472 tal-31 ta’ Marzu 2020 dwar operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea fil-Mediterran (EUNAVFOR MED IRINI) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 8(3) tagħha,

Billi:

(1)

Fil-31 ta’ Marzu 2020, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2020/472, li stabbiliet u varat operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea fil-Mediterran (EUNAVFOR MED IRINI) għall-perjodu sal-31 ta’ Marzu 2021.

(2)

L-Artikolu 8(3) tad-Deċiżjoni (PESK) 2020/472 jipprevedi li, minkejja dak il-perjodu, l-awtorizzazzjoni tal-operazzjoni trid tiġi kkonfermata mill-ġdid kull erba’ xhur u li l-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà jrid itawwal l-operazzjoni sakemm l-iskjerament tal-assi marittimi tal-operazzjoni ma jipproduċix effett ta’ attrazzjoni fuq il-migrazzjoni abbażi ta’ evidenza sostanzjata miġbura skont il-kriterji stipulati fil-Pjan tal-Operazzjoni.

(3)

Fis-26 ta’ Marzu 2021, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2021/542 (2), li estendiet l-operazzjoni sal-31 ta’ Marzu 2023, soġġett għall-istess proċedura ta’ konferma mill-ġdid.

(4)

Il-Kmandant tal-Operazzjoni pprovda rapporti dwar il-fattur ta’ attrazzjoni għal kull xahar.

(5)

Jenħtieġ li l-awtorizzazzjoni tal-operazzjoni tiġi kkonfermata mill-ġdid għat-tmien subperjodu ta’ erba’ xhur tal-mandat tagħha u jenħtieġ li l-operazzjoni tittawwal skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-awtorizzazzjoni ta’ EUNAVFOR MED IRINI hija b’dan ikkonfermata mill-ġdid u l-operazzjoni hija mtawla għall-perjodu mill-1 ta’ Awwissu 2022 sat-30 ta’ Novembru 2022.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmula fi Brussell, id-19 ta’ Lulju 2022.

Għall-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà

Il-President

D. PRONK


(1)   ĠU L 101, 1.4.2020, p. 4.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/542 tas-26 ta’ Marzu 2021 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2020/472 dwar operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea fil-Mediterran (EUNAVFOR MED IRINI) (ĠU L 108, 29.3.2021, p. 57).