21.7.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 193/196


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2022/1271

tal-21 ta’ Lulju 2022

li temenda d-Deċiżjoni 2014/512/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fil-31 ta’ Lulju 2014, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2014/512/PESK (1).

(2)

L-Unjoni tibqa’ soda fl-appoġġ tagħha għas-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukraina.

(3)

Fl-24 ta’ Frar 2022, il-President tal-Federazzjoni Russa ħabbar operazzjoni militari fl-Ukraina, u l-forzi armati Russi bdew attakk kontra l-Ukraina. Dak l-attakk huwa ksur sfaċċat tal-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina.

(4)

Fil-konklużjonijiet tiegħu tal-24 ta’ Frar 2022, il-Kunsill Ewropew ikkundanna bl-aktar mod qawwi possibbli l-aggressjoni militari mhux provokata u mhux ġustifikata tal-Federazzjoni Russa kontra l-Ukraina. Bl-azzjonijiet militari illegali tagħha, ir-Russja qed tikser b’mod serju d-dritt internazzjonali u l-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, u qed iddgħajjef is-sigurtà u l-istabbiltà Ewropea u globali. Il-Kunsill Ewropew appella għat-tħejjija u l-adozzjoni urġenti ta’ pakkett ta’ sanzjonijiet individwali u ekonomiċi ulterjuri.

(5)

Fil-konklużjonijiet tiegħu tal-24 ta’ Marzu 2022, il-Kunsill Ewropew iddikjara li l-Unjoni tibqa’ lesta li tagħlaq il-lakuni u tindirizza ċ-ċirkomvenzjoni attwali u possibbli tal-miżuri restrittivi diġà adottati kif ukoll li taġixxi bil-ħeffa b’aktar sanzjonijiet robusti kkoordinati kontra r-Russja u l-Belarussja biex ixxekkel il-kapaċitajiet tar-Russja li tkompli l-aggressjoni.

(6)

Fil-konklużjonijiet tiegħu tat-23 u l-24 ta’ Ġunju 2022, il-Kunsill Ewropew iddikjara li ser tkompli l-ħidma fuq is-sanzjonijiet, inkluż biex tissaħħaħ l-implimentazzjoni u tiġi evitata ċ-ċirkomvenzjoni.

(7)

Fid-dawl tal-gravità tas-sitwazzjoni, u b’risposta għall-aggressjoni militari tar-Russja kontra l-Ukraina, huwa xieraq li jiġu introdotti aktar miżuri restrittivi.

(8)

B’mod partikolari, huwa xieraq li jiġu pprojbiti l-importazzjoni, ix-xiri jew it-trasferiment diretti jew indiretti ta’ deheb, li jikkostitwixxi l-aktar esportazzjoni sinifikanti tar-Russja wara l-enerġija. Din il-projbizzjoni tapplika għad-deheb ta’ oriġini Russu, esportat mir-Russja wara d-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni.

(9)

Huwa xieraq ukoll tiġi estiża l-projbizzjoni tal-aċċess għall-portijiet għall-mgħalaq sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni sħiħa tal-miżura u tiġi evitata ċ-ċirkomvenzjoni.

(10)

Barra minn hekk, huwa xieraq li jitwessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni tal-projbizzjoni li jiġu aċċettati depożiti biex jiġu inklużi dawk minn persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi stabbiliti f’pajjiżi terzi u li l-maġġoranza tal-ishma tagħhom ikunu proprjetà ta’ ċittadini Russi jew persuni fiżiċi li jirrisjedu fir-Russja. Huwa xieraq ukoll li l-aċċettazzjoni ta’ depożiti għal kummerċ transfruntier mhux ipprojbit tiġi soġġetta għal awtorizzazzjoni minn qabel mill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali.

(11)

Huwa xieraq ukoll li jiżdiedu ċerti entrati mal-listi ta’ persuni ġuridiċi, entitajiet u korpi li jinsabu fl-Anness IV tad-Deċiżjoni 2014/512/PESK.

(12)

Barra minn hekk, huwa xieraq li jiġi ċċarat il-kamp ta’ applikazzjoni tal-projbizzjoni tal-akkwist pubbliku.

(13)

Sabiex jiġi salvagwardjat il-proċess tal-iffissar tal-istandards tekniċi industrijali tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO), huwa xieraq li tiġi permessa l-kondiviżjoni tal-assistenza teknika mar-Russja fir-rigward tal-prodotti u t-teknoloġija tal-avjazzjoni f’dan il-qafas speċifiku.

(14)

Sabiex jiġi żgurat l-aċċess għall-ġustizzja, huwa xieraq ukoll li tiġi introdotta eżenzjoni mill-projbizzjoni li wieħed jidħol fi kwalunkwe tranżazzjoni ma’ entitajiet pubbliċi Russi fejn din tkun meħtieġa biex jiġi żgurat aċċess għal proċedimenti ġudizzjarji, amministrattivi jew arbitrali.

(15)

Fid-dawl tal-pożizzjoni determinata tal-Unjoni li tiġġieled kontra l-insigurtà tal-ikel u tal-enerġija madwar id-dinja, u sabiex tiġi evitata kwalunkwe konsegwenza negattiva potenzjali għal dan, huwa xieraq li tiġi estiża l-eżenzjoni mill-projbizzjoni li jsiru tranżazzjonijiet ma’ ċerti entitajiet tal-Istat fir-rigward ta’ tranżazzjonijiet għal prodotti agrikoli u t-trasport taż-żejt lejn pajjiżi terzi.

(16)

F’termini aktar ġenerali, l-Unjoni hija impenjata li tevita l-miżuri kollha li jistgħu jwasslu għal nuqqas ta’ sigurtà tal-ikel madwar id-dinja. B’konsegwenza ta’ dan, l-ebda waħda mill-miżuri f’din id-Deċiżjoni jew minn dawk adottati qabel fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukraina ma jolqtu b’xi mod il-kummerċ fi prodotti agrikoli u tal-ikel, inkluż il-qamħ u l-fertilizzanti, bejn pajjiżi terzi u r-Russja.

(17)

Bl-istess mod, il-miżuri tal-Unjoni ma jipprevjenux lil pajjiżi terzi u liċ-ċittadini tagħhom li joperaw barra mill-Unjoni milli jixtru prodotti farmaċewtiċi jew mediċi mir-Russja.

(18)

Tenħtieġ aktar azzjoni mill-Unjoni biex ċerti miżuri jiġu implimentati.

(19)

Għalhekk jenħtieġ li d-Deċiżjoni 2014/512/PESK tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni 2014/512/PESK hija emendata kif ġej:

(1)

l-Artikolu 1aa huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 3 huwa emendat kif ġej:

(i)

il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(a)

it-tranżazzjonijiet li huma strettament meħtieġa għax-xiri, l-importazzjoni jew it-trasport dirett jew indirett ta’ gass naturali, titanju, aluminju, ram, nikil, palladju u mineral tal-ħadid minn jew li jgħaddi mir-Russja lejn l-Unjoni, pajjiż membru taż-Żona Ekonomika Ewropea, l-Iżvizzera, jew il-Balkani tal-Punent;”;

(ii)

jiddaħħal il-punt li ġej:

“(aa)

sakemm mhux projbiti skont l-Artikolu 4o jew 4p, it-tranżazzjonijiet li huma strettament meħtieġa għax-xiri, l-importazzjoni jew it-trasport dirett jew indirett ta’ żejt, inklużi prodotti petrolifiċi raffinati, mir-Russja jew minn ġo fiha;”;

(iii)

il-punt (d) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(d)

tranżazzjonijiet, inkluż il-bejgħ, li huma strettament neċessarji għall-istralċ, sal-31 ta’ Diċembru 2022, ta’ impriża konġunta jew arranġament legali simili li jkun ġie konkluż qabel is-16 ta’ Marzu 2022, li jinvolvu persuna ġuridika, entità jew korp imsemmija fil-paragrafu 1;”;

(iv)

jiżdiedu l-punti li ġejjin:

“(f)

it-tranżazzjonijiet li huma meħtieġa għax-xiri, l-importazzjoni jew it-trasport ta’ prodotti farmaċewtiċi, mediċi, agrikoli u tal-ikel, inkluż qamħ u fertilizzanti li l-importazzjoni, ix-xiri u t-trasport tagħhom huma permessi skont din id-Deċiżjoni;

(g)

tranżazzjonijiet li huma strettament neċessarji biex jiżguraw aċċess għal proċedimenti ta’ arbitraġġ ġudizzjarji, amministrattivi jew arbitrali fi Stat Membru, kif ukoll għar-rikonoxximFent jew l-infurzar ta’ sentenza jew deċiżjoni ta’ arbitraġġ mogħtija fi Stat Membru u jekk tali tranżazzjonijiet ikunu konsistenti mal-objettivi ta’ din id-Deċiżjoni u tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/145/PESK (*1).

(*1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/145/PESK tas-17 ta’ Marzu 2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina (ĠU L078, 17.3.2014, p.16).”;"

(2)

l-Artikolu 1b huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Għandu jkun ipprojbit li jiġi aċċettat kwalunkwe depożitu minn ċittadini Russi jew persuni fiżiċi li jirrisjedu fir-Russja, persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi stabbiliti fir-Russja jew persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi stabbiliti barra mill-Unjoni u li d-drittijiet ta’ proprjetà tagħhom huma direttament jew indirettament proprjetà ta’ ċittadini Russi jew persuni fiżiċi li jirrisjedu fir-Russja għal iktar minn 50 %, jekk il-valur totali tad-depożiti ta’ dik il-persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp għal kull istituzzjoni ta’ kreditu jaqbeż EUR 100 000.”;

(b)

jitħassar il-paragrafu 4;

(c)

fil-paragrafu 5 jiżdied il-punt li ġej:

“(f)

neċessarja għall-kummerċ transfruntier mhux ipprojbit ta’ oġġetti u servizzi bejn l-Unjoni u r-Russja.”;

(3)

fl-Artikolu 1c, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Il-paragrafu 1 ma għandux japplika għal ċittadini ta’ Stat Membru, ta’ pajjiż membru taż-Żona Ekonomika Ewropea jew tal-Iżvizzera, jew għal persuni fiżiċi li għandhom permess ta’ residenza temporanju jew permanenti fi Stat Membru, f’pajjiż membru taż-Żona Ekonomika Ewropea jew fl-Iżvizzera.”;

(4)

fl-Artikolu 1g, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Għandu jkun ipprojbit il-forniment ta’ servizzi ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu lil jew fuq kwalunkwe ċittadin Russu jew persuna fiżika li tirrisjedi fir-Russja jew kwalunkwe persuna ġuridika, entità jew korp stabbilit fir-Russja.”;

(5)

fl-Artikolu 1h, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Għandu jkun ipprojbit li tingħata jew titkompla l-eżekuzzjoni ta’ kwalunkwe kuntratt pubbliku jew ta’ konċessjoni li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttivi 2014/23/UE (*2), 2014/24/(UE) (*3), 2014/25/UE (*4), 2009/81/KE (*5) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, kif ukoll l-Artikolu 10, il-paragrafi 1, 3, 6 punt (a) sa 6 (e), 8, 9 u 10, l-Artikoli 11, 12, 13 u 14 tad-Direttiva 2014/23/UE, l-Artikolu 7, l-ittri minn (a) sa (d), u l-Artikolu 8, l-Artikolu 10 punt (b) sa (f) u minn (h) sa (j) tad-Direttiva 2014/24/UE, l-Artikolu 18, l-Artikolu 21 punt (b) sa (e) u minn (g) sa (i), l-Artikoli 29 u 30 tad-Direttiva 2014/25/UE u l-Artikolu 13 punti (a) sa (d), minn (f) sa (h) u (j) tad-Direttiva 2009/81/KE, u t-Titolu VII tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 (*6), tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, lil jew ma’:

(a)

ċittadin Russu, persuna fiżika residenti fir-Russja, jew persuna ġuridika, entità jew korp stabbilit fir-Russja;

(b)

persuna ġuridika, entità jew korp li aktar minn 50 % tad-drittijiet proprjetarji tagħhom huma direttament jew indirettament proprjetà ta’ entità msemmija fil-punt (a) ta’ dan il-paragrafu; jew

(c)

persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp li jaġixxu f’isem entità msemmija fil-punti minn (a) jew (b) ta’ dan il-paragrafu jew taħt id-direzzjoni tagħha, inkluż, fejn dawn jammontaw għal aktar minn 10 % tal-valur tal-kuntratt, tas-sottokuntratturi, tal-fornituri jew tal-entitajiet li l-kapaċitajiet tagħhom huma invokati fis-sens tad-Direttivi 2009/81/KE, 2014/23/UE, 2014/24/UE u 2014/25/UE.

(*2)  Id-Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-għoti ta’ kuntratti ta’ konċessjoni (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 1)."

(*3)  Id-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 65)."

(*4)  Id-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali u li tħassar id-Direttiva 2004/17/KE (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 243)."

(*5)  Id-Direttiva 2009/81/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni tal-proċeduri għall-għoti ta’ ċerti kuntratti ta’ xogħlijiet, provvisti u servizzi minn awtoritajiet jew entitajiet kontraenti fl-oqsma tad-difiża u s-sigurtà, u li temenda d-Direttiva 2004/17/KE u d-Direttiva 2004/18/KE (ĠU L 216, 20.8.2009, p. 76)."

(*6)  Ir- Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).”;"

(6)

fl-Artikolu 1j, il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4.   Il-paragrafi 1 u 2 ma għandhomx japplikaw jekk it-trustor jew il-benefiċjarju jkun nazzjonal ta’ Stat Membru jew persuna fiżika li jkollha permess ta’ residenza temporanju jew permanenti fi Stat Membru, f’pajjiż membru taż-Żona Ekonomika Ewropea, jew fl-Iżvizzera.”;

(7)

l-Artikolu 1k huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4.   Il-paragrafu 1 ma għandux japplika għall-forniment ta’ servizzi maħsuba għall-użu esklussiv ta’ persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi stabbiliti fir-Russja li huma proprjetà ta’ persuna ġuridika, entità jew korp li huma inkorporati jew kostitwiti skont il-liġi ta’ Stat Membru, pajjiż membru taż-Żona Ekonomika Ewropea, jew tal-Iżvizzera, jew li huma kkontrollati biss jew ikkontrollati b’mod konġunt minnhom.”;

(b)

jiżdied il-paragrafu li ġej:

“6.   L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni bi kwalunkwe awtorizzazzjoni mogħtija skont il-paragrafu 5 fi żmien ġimagħtejn mill-awtorizzazzjoni.”;

(8)

l-Artikolu 3 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 3, l-ewwel subparagrafu, il-punt (f) huwa mħassar;

(b)

fil-paragrafu 3, it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Bl-eċċezzjoni tal-punt (g) tal-ewwel subparagrafu, fid-dikjarazzjoni doganali l-esportatur għandu jiddikjara li l-oġġetti qed jiġu esportati skont l-eċċezzjoni rilevanti stabbilita f’dan il-paragrafu u għandu jinnotifika lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ residenza jew ta’ stabbiliment tal-esportatur dwar l-ewwel użu tal-eċċezzjoni rilevanti fi żmien 30 jum mid-data meta sseħħ l-ewwel esportazzjoni.”;

(c)

fil-paragrafu 4 għandu jiżdied il-punt li ġej:

“(h)

maħsuba għall-iżgurar taċ-ċibersigurtà u s-sigurtà tal-informazzjoni għal persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi fir-Russja għajr għall-gvern u għall-impriżi tagħha li huma kkontrollati direttament jew indirettament minn dak il-gvern.”;

(9)

l-Artikolu 3a huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 3, il-punt (f) huwa mħassar;

(b)

fil-paragrafu 3, it-tieni subpragrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Bl-eċċezzjoni tal-punt (g) tal-ewwel subparagrafu, fid-dikjarazzjoni doganali l-esportatur għandu jiddikjara li l-oġġetti qed jiġu esportati skont l-eċċezzjoni rilevanti stabbilita f’dan il-paragrafu u għandu jinnotifika lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ residenza jew ta’ stabbiliment tal-esportatur dwar l-ewwel użu tal-eċċezzjoni rilevanti fi żmien 30 jum mid-data meta sseħħ l-ewwel esportazzjoni.”;

(c)

fil-paragrafu 4 għandu jiżdied il-punt li ġej:

“(h)

maħsub għall-iżgurar taċ-ċibersigurtà u s-sigurtà tal-informazzjoni għal persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi fir-Russja għajr għall-gvern u għall-impriżi tagħha li huma kkontrollati direttament jew indirettament minn dak il-gvern.”;

(10)

fl-Artikolu 4c, tiżdied il-paragrafu li ġej:

“4a.   L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni bi kwalunkwe awtorizzazzjoni mogħtija skont dan il-paragrafu fi żmien ġimagħtejn mill-awtorizzazzjoni.”;

(11)

fl-Artikolu 4d, jiżdied il-paragrafu li ġej:

“8a.   "Il-projbizzjoni fil-paragrafu 4, punt (a), ma għandhiex tapplika għall-iskambju ta’ informazzjoni bil-għan li jiġu stabbiliti standards tekniċi fil-qafas tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali fir-rigward tal-oġġetti u t-teknoloġija msemmija fil-paragrafu 1.”;

(12)

fl-Artikolu 4h, jiżdied il-paragrafu li ġej:

“4a.   L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni bi kwalunkwe awtorizzazzjoni mogħtija skont dan il-paragrafu fi żmien ġimagħtejn mill-awtorizzazzjoni.”;

(13)

l-Artikolu 4ha huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Għandu jkun ipprojbit li jingħata aċċess, wara s-16 ta’ April 2022, għall-portijiet u, wara d-29 ta’ Lulju 2022, għall-mgħalaq fit-territorju tal-Unjoni, għal kwalunkwe bastiment irreġistrat taħt il-bandiera tar-Russja, bl-eċċezzjoni tal-aċċess għall-mgħalaq għall-fini ta’ ħruġ mit-territorju tal-Unjoni.”;

(b)

fil-paragrafu 5, il-formulazzjoni introduttorja hija sostitwita b’dan li ġej:

“5.   B’deroga mill-paragrafu 1, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jawtorizzaw li bastiment ikollu aċċess għal port jew magħlaq, b’tali kundizzjonijiet li jidhrilhom xierqa, wara li jkunu ddeterminaw li l-aċċess huwa neċessarju:”;

(c)

jiżdied il-paragrafu li ġej:

“5a.   B’deroga mill-paragrafu 2, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jawtorizzaw bastimenti li jkunu biddlu il-bandiera Russa tagħhom jew ir-reġistrazzjoni tagħhom, għall-bandiera jew ir-reġistru ta’ kwalunkwe Stat ieħor qabel is-16 ta’ April 2022, li jaċċessaw port jew magħluq ta’ kanal, taħt tali kondizzjonijiet li jqisu xierqa, wara li jiġi determinat li:

(a)

kienet meħtieġa bandiera jew reġistrazzjoni Russa minn kuntratt; u

(b)

l-aċċess huwa meħtieġ għall-ħatt ta’ prodotti strettament meħtieġa għat-tlestija ta’ proġetti ta’ enerġija rinnovabbli fl-Unjoni, dejjem jekk l-importazzjoni ta’ dawn il-prodotti ma tkunx projbita mod ieħor skont din id-Deċiżjoni.”;

(d)

il-paragrafu 6 huwa sostitwit kif ġej:

“6.   L-Istati Membri kkonċernati għandhom jgħarrfu lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni bi kwalunkwe awtorizzazzjoni mogħtija skont il-paragrafi 5 u 5a fi żmien ġimgħatejn tal-awtorizzazzjoni.”;

(14)

fl-Artikolu 4j, jiżdied il-paragrafu li ġej:

“3a.   Il-projbizzjoni fil-paragrafu 1 ma għandhiex tapplika għal oġġetti ta’ lussu għall-użu personali ta’ persuni fiżiċi li jivvjaġġaw mill-Unjoni Ewropea jew membri tal-familji immedjati tagħhom li jivvjaġġaw magħhom, proprjetà ta’ dawk l-individwi u mhux maħsuba għall-bejgħ.”;

(15)

l-Artikolu 4m huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 5 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“5.   L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw, taħt il-kundizzjonijiet li jqisu xierqa, il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni tal-oġġetti u t-teknoloġija koperti minn dan l-Artikolu, jew l-għoti ta’ assistenza teknika jew finanzjarja relatata, wara li jkunu ddeterminaw li tali oġġetti jew teknoloġija jew il-forniment ta’ assistenza teknika jew finanzjarja relatata huma neċessarji:

(a)

għal skopijiet mediċi jew farmaċewtiċi, jew għal finijiet umanitarji, bħat-twassil jew l-iffaċilitar tat-twassil ta’ assistenza, inkluż provvisti mediċi, ikel, jew it-trasferiment ta’ ħaddiema umanitarji u assistenza relatata jew għal evakwazzjonijiet; jew

(b)

għall-użu esklussiv u taħt il-kotroll sħiħ tal-Istat Membru li jawtorizza u sabiex jissodisfa l-obbligi ta’ manteniment f’żoni li huma taħt ftehim ta’ kiri fit-tul bejn dak l-Istat Membru u l-Federazzjoni Russa.”;

(b)

jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin:

“5a.   Meta jiddeċiedu dwar talbiet għal awtorizzazzjonijiet għal skopijiet mediċi jew farmaċewtiċi skont il-paragrafu 5, l-awtoritajiet kompetenti ma għandhomx jagħtu awtorizzazzjoni għall-esportazzjoni lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fir-Russja jew għall-użu fir-Russja, jekk ikollhom raġunijiet validi biex jemmnu li l-oġġetti jista’ jkollhom użu aħħari militari.

5b.   L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni bi kwalunkwe awtorizzazzjoni mogħtija skont il-paragrafu 5 fi żmien ġimagħtejn mill-awtorizzazzjoni.”;

(16)

jiddaħħal l-artikolu li ġej:

‘Artikolu 4q

1.   Għandu jkun ipprojbit ix-xiri, l-importazzjoni, jew it-trasferiment, direttament jew indirettament, ta’ deheb jekk joriġina mir-Russja u jkun ġie esportat mir-Russja lejn l-Unjoni jew lejn kwalunkwe pajjiż terz wara t-22 ta’ Lulju 2022.

2.   Għandu jkun ipprojbit ix-xiri, l-importazzjoni, jew it-trasferiment, direttament jew indirettament, ta’ prodotti pproċessati f’pajjiż terz li jinkorporaw il-prodott ipprojbit fil-paragrafu 1.

3.   Għandu jkun ipprojbit ix-xiri, l-importazzjoni, jew it-trasferiment, direttament jew indirettament, ta’ ġojjelli tad-deheb jekk joriġinaw mir-Russja u ġew esportati mir-Russja fl-Unjoni wara t-22 ta’ Lulju 2022.

4.   Għandhom ikunu ipprojbiti:

(a)

l-għoti ta’ assistenza teknika, servizzi ta’ senserija jew servizzi oħrajn relatati mal-oġġetti u t-teknoloġija msemmijin fil-paragrafi 1, 2 u 3 u l-forniment, il-manifattura, il-manutenzjoni u l-użu ta’ dawn l-oġġetti, direttament jew indirettament fir-rigward tal-projbizzjoni fil-paragrafi 1, 2 u 3;

(b)

l-għoti ta’ finanzjament jew assistenza finanzjarja relatati mal-oġġetti msemmija fil-paragrafi 1, 2 u 3 għal kwalunkwe xiri, importazzjoni jew trasferiment ta’ dawn l-oġġetti, jew għall-forniment ta’ assistenza teknika, servizzi ta’ senserija jew servizzi oħra relatati, direttament jew indirettament fir-rigward tal-projbizzjoni fil-paragrafi 1, 2 u 3.

5.   Il-projbizzjoni fil-paragrafi 1, 2 u 3 ma għandhiex tapplika għal deheb li huwa meħtieġ għall-finijiet uffiċjali ta’ missjonijiet diplomatiċi, uffiċċji konsulari jew organizzazzjonijiet internazzjonali fir-Russja li jgawdu minn immunitajiet skont id-dritt internazzjonali.

6.   Il-projbizzjoni fil-paragrafu 3 ma għandhiex tapplika għall-ġojjelli tad-deheb għall-użu personali ta’ persuni fiżiċi li jivvjaġġaw lejn l-Unjoni Ewropea jew membri tal-familji immedjati tagħhom li jivvjaġġaw magħhom, proprjetà ta’ dawk l-individwi u mhux maħsuba għall-bejgħ.

7.   B’deroga mill-paragrafi 1, 2 u 3, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jawtorizzaw it-trasferiment jew l-importazzjoni ta’ oġġetti kulturali li jkunu b’self fil-kuntest ta’ kooperazzjoni kulturali formali mar-Russja.

8.   L-Unjoni għandha tieħu l-miżuri neċessarji sabiex tiddetermina l-oġġetti rilevanti li għandhom ikunu koperti minn dan l-Artikolu.”;

(17)

l-Anness IV huwa emendat kif jinsab fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Lulju 2022.

Għall-Kunsill

Il-President

M. BEK


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/512/PESK tal-31 ta’ Lulju 2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukraina (ĠU L 229, 31.7.2014, p. 13).


ANNESS

Fl-Anness IV tad-Deċiżjoni 2014/512/PESK, jiżdiedu l-entrati li ġejjin:

 

“Federal Center for Dual-Use Technology (FTsDT) Soyuz

 

Turayev Machine Building Design Bureau Soyuz

 

Zhukovskiy Central Aerohydrodynamics Institute (TsAGI)

 

Rosatomflot”.