|
20.7.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 191/81 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/1263
tad-19 ta’ Lulju 2022
li tittermina l-proċediment antisussidji li jikkonċerna l-importazzjonijiet ta’ sistemi ta’ elettrodi tal-grafit li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1037 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Unjoni Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), u b’mod partikolari l-Artikolu 14(1) tiegħu,
Billi:
1. PROĊEDURA
1.1. Bidu ta’ proċediment antisussidji
|
(1) |
Fl-4 ta’ Ottubru 2021, il-Kummissjoni rċeviet ilment skont l-Artikolu 10 tar-Regolament bażiku imressaq minn Graphite Cova GmbH, Showa Denko Carbon Holding GmbH u Tokai ErftCarbon GmbH (“l-ilmentaturi”). |
|
(2) |
Fit-18 ta’ Novembru 2021, wara li kellha konsultazzjonijiet mal-Gvern tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina fis-16 ta’ Novembru 2021, il-Kummissjoni Ewropea bdiet proċediment antisussidji fir-rigward tal-importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ sistemi ta’ elettrodi tal-grafit li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina. Hija ppubblikat Notifika ta’ Bidu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (in-“Notifika ta’ Bidu”) (2). |
|
(3) |
Fis-6 ta’ April 2022, il-Kummissjoni Ewropea imponiet dazji definittivi fi proċediment anti-dumping separat li jikkonċerna l-importazzjonijiet tal-istess prodott li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (3). |
1.2. Perjodu ta’ investigazzjoni u perjodu kkunsidrat
|
(4) |
Il-perjodu ta’ investigazzjoni kopra l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2020 sal-31 ta’ Diċembru 2020. Il-perjodu kkunsidrat kopra l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2017 sal-31 ta’ Diċembru 2020. |
1.3. Partijiet interessati
|
(5) |
Fin-Notifika ta’ Bidu, il-partijiet interessati ġew mistiedna sabiex jikkuntattjaw lill-Kummissjoni sabiex jieħdu sehem fl-investigazzjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni infurmat speċifikament lill-ilmentaturi, lill-produtturi u lill-assoċjazzjonijiet magħrufa tal-Unjoni, kif ukoll lill-Gvern tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina dwar il-bidu tal-investigazzjoni u stednithom jipparteċipaw. |
|
(6) |
Il-partijiet interessati kellhom l-opportunità li jikkummentaw dwar il-bidu tal-investigazzjoni u li jitolbu seduta ta’ smigħ mal-Kummissjoni u/jew mal-Uffiċjal tas-Seduta fil-proċedimenti kummerċjali. |
2. IL-PRODOTT LI QED JIĠI INVESTIGAT
|
(7) |
Il-prodott soġġett għal din l-investigazzjoni huwa l-elettrodi tal-grafit tat-tip użati għall-fran elettriċi, b’densità apparenti ta’ 1,5 g/cm3 jew aktar u b’reżistenza elettrika ta’ 7,0 μ.Ω.m jew anqas, kemm jekk mgħammar b’nipples kif ukoll jekk le (“il-prodott li qed jiġi investigat”). |
3. IRTIRAR TAL-ILMENT
|
(8) |
Fl-ittra tiegħu lill-Kummissjoni tad-9 ta’ Mejju 2022, l-ilmentatur irtira l-ilment tiegħu. |
|
(9) |
Skont l-Artikolu 14(1) tar-Regolament bażiku, il-proċediment jista’ jiġi tterminat, għajr jekk din it-terminazzjoni ma tkunx fl-interess tal-Unjoni. |
|
(10) |
L-investigazzjoni ma kienet żvelat ebda kunsiderazzjoni li turi li din it-terminazzjoni tkun tmur kontra l-interess tal-Unjoni. |
4. KONKLUŻJONI U DIVULGAZZJONI
|
(11) |
Il-Kummissjoni għalhekk ikkunsidrat li l-proċediment jenħtieġ li jiġi tterminat. |
|
(12) |
Il-partijiet interessati ġew infurmati b’dan u ġew mogħtija l-opportunità li jikkummentaw. |
|
(13) |
Il-Kummissjoni ma rċeviet ebda kummenti li jwasslu għall-konklużjoni li tali terminazzjoni ma tkunx fl-interess tal-Unjoni. |
|
(14) |
Din id-Deċiżjoni hija f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit permezz tal-Artikolu 25(1) tar-Regolament bażiku, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-proċediment antisussidji li jirrigwarda l-importazzjonijiet ta’ ċerti sistemi ta’ elettrodi tal-grafit li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina huwa b’dan itterminat.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Lulju 2022.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 176, 30.6.2016, p. 55.
(2) Notifika ta’ bidu ta’ proċediment kontra s-sussidji li jirrigwarda l-importazzjonijiet ta’ ċerti sistemi ta’ elettrodi tal-grafit li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU C 466, 18.11.2021, p. 6).
(3) IR-REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/558 tas-6 ta’ April 2022 li jimponi dazju anti-dumping definittiv u li jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti sistemi ta’ elettrodi tal-grafit li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU L 108, 7.4.2022, p. 20).