|
20.7.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 191/61 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2022/1256
tal-15 ta’ Lulju 2022
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-226 sessjoni tal-Kunsill tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali fir-rigward tal-adozzjoni proposta tal-Emenda 48 għall-Anness 6, il-Parti I, tal-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 100(2) flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
Il-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (“il-Konvenzjoni ta’ Chicago”) li tirregola t-trasport internazzjonali bl-ajru, daħlet fis-seħħ fl-4 ta’ April 1947. Hija stabbiliet l-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO). |
|
(2) |
L-Istati Membri tal-Unjoni huma Stati kontraenti għall-Konvenzjoni ta’ Chicago (“l-Istati kontraenti”) u membri tal-ICAO, filwaqt li l-Unjoni għandha status ta’ osservatur f’ċerti korpi tal-ICAO. Bħalissa hemm seba’ Stati Membri rrappreżentati fil-Kunsill tal-ICAO. |
|
(3) |
Skont l-Artikolu 54 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, il-Kunsill tal-ICAO għandu jadotta standards u prattiki rakkomandati internazzjonali u jiddeżinjahom bħala Annessi għall-Konvenzjoni ta’ Chicago.(“l-Annessi”). |
|
(4) |
Skont l-Artikolu 90 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, kwalunkwe Anness jew kwalunkwe emenda ta’ tali Anness għandhom isiru effettivi fi żmien tliet xhur minn meta jiġu ppreżentata lill-Istati kontraenti, jew fl-aħħar ta’ tali perjodu itwal li l-Kunsill tal-ICAO jista’ jippreskrivi, sakemm sadanittant ma jkunx hemm maġġoranza tal-Istati kontraenti li jirreġistraw id-diżapprovazzjoni tagħhom mal-Kunsill tal-ICAO. |
|
(5) |
Il-Kunsill tal-ICAO, fil-226 sessjoni tiegħu, għandu jadotta l-Emenda 48 għall-Anness 6, il-Parti I, tal-Konvenzjoni ta’ Chicago (“Emenda 48”). |
|
(6) |
L-iskop ewlieni tal-Emenda 48 hu li jipposponi d-data tal-applikabbiltà tal-Anness 6, il-Parti I, l-istandard 6.18.1 għall-1 ta’ Jannar 2025. |
|
(7) |
Jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-226 sessjoni tal-Kunsill tal-ICAO fir-rigward tal-Emenda 48. Dik il-pożizzjoni jenħtieġ li tkun ta’ appoġġ għall-Emenda 48 u jenħtieġ li tiġi espressa mill-Istati Membri tal-Unjoni li huma membri tal-Kunsill tal-ICAO, filwaqt li jaġixxu b’mod konġunt f’isem l-Unjoni. |
|
(8) |
Jenħtieġ li l-pożizzjoni tal-Unjoni wara l-adozzjoni mill-Kunsill tal-ICAO tal-Emenda 48, li għandha titħabbar mis-Segretarju Ġenerali tal-ICAO permezz ta’ proċedura ta’ ittra lill-Istati tal-ICAO, tkun li ma tiġix irreġistrata diżapprovazzjoni, dment li l-Emenda 48 tiġi adottata mingħajr ebda bidla sostanzjali, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
1. Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-226 sessjoni tal-Kunsill tal-ICAO, jew fi kwalunkwe sessjoni sussegwenti tiegħu, għandha tkun ta’ appoġġ għall-Emenda 48 proposta għall-Anness 6, il-Parti I, tal-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (“Emenda 48”) fl-intier tagħha.
2. Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni, dment li l-Kunsill tal-ICAO jadotta l-Emenda 48 mingħajr ebda bidla sostanzjali, għandha tkun li ma tiġix irreġistrata diżapprovazzjoni għall-Emenda 48 adottata bi tweġiba għall-ittra rilevanti lill-Istati tal-ICAO.
Artikolu 2
1. Il-pożizzjoni msemmija fl-Artikolu 1(1) għandha tiġi espressa mill-Istati Membri tal-Unjoni li huma membri tal-Kunsill tal-ICAO, filwaqt li jaġixxu b’mod konġunt f’isem l-Unjoni.
2. Il-pożizzjoni msemmija fl-Artikolu 1(2) għandha tiġi espressa mill-Istati Membri kollha, filwaqt li jaġixxu b’mod konġunt f’isem l-Unjoni.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ Lulju 2022.
Għall-Kunsill
Il-President
M. BEK