19.7.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 190/131


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2022/1240

tat-18 ta’ Lulju 2022

li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2020/489 li taħtar ir-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għad-Djalogu bejn Belgrad u Pristina u kwistjonijiet reġjonali oħrajn tal-Balkani tal-Punent

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 33 u l-Artikolu 31(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fit-2 ta’ April 2020, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2020/489 (1) li taħtar lis-Sur Miroslav LAJČÁK bħala r-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea (RSUE) għad-Djalogu bejn Belgrad u Pristina u kwistjonijiet reġjonali oħrajn tal-Balkani tal-Punent. Il-mandat tar-RSUE ġie estiż bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/470 (2) u għandu jiskadi fil-31 ta’ Awwissu 2022.

(2)

Il-mandat tar-RSUE jenħtieġ li jiġi estiż għal perjodu ulterjuri ta’ 24 xahar u jenħtieġ li jiġi stabbilit ammont ta’ referenza finanzjarja ġdid għall-perjodu mill-1 ta’ Settembru 2022 sal-31 ta’ Awwissu 2024.

(3)

Ir-RSUE ser jimplimenta l-mandat fil-kuntest ta’ sitwazzjoni li tista’ tiddeterjora u li tista’ timpedixxi l-ksib tal-objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni kif stabbiliti fl-Artikolu 21 tat-Trattat,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni (PESK) 2020/489 hija emendata kif ġej:

(1)

l-Artikolu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 1

Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea

“Il-mandat tas-Sur Miroslav LAJČÁK bħala r-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea (RSUE) għad-Djalogu bejn Belgrad u Pristina u kwistjonijiet reġjonali oħrajn tal-Balkani tal-Punent huwa estiż sal-31 ta’ Awwissu 2024. Il-Kunsill jista’ jiddeċiedi li l-mandat tar-RSUE jintemm qabel, abbażi ta’ valutazzjoni mill-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (KPS) u proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (RGħ).”;

(2)

fl-Artikolu 5(1), jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“L-ammont ta’ referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa relatata mal-mandat tar-RSUE għall-perjodu mill-1 ta’ Settembru 2022 sal-31 ta’ Awwissu 2024 għandu jkun ta’ EUR 3 970 000.”;

(3)

fl-Artikolu 13, it-tieni sentenza hija sostitwita b’dan li ġej:

“Ir-RSUE għandu jippreżenta lill-Kunsill, lir-RGħ u lill-Kummissjoni rapporti ta’ progress regolari u rapport komprensiv finali dwar l-implimentazzjoni tal-mandat sal-31 ta’ Mejju 2024.”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Lulju 2022.

Għall-Kunsill

Il-President

J. BORRELL FONTELLES


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2020/489 tat-2 ta’ April 2020 li taħtar ir-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għad-Djalogu bejn Belgrad u Pristina u kwistjonijiet reġjonali oħrajn tal-Balkani tal-Punent (ĠU L 105, 3.4.2020, p. 3).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/470 tat-18 ta’ Marzu 2021 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2020/489 li taħtar ir-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għad-Djalogu bejn Belgrad u Pristina u kwistjonijiet reġjonali oħrajn tal-Balkani tal-Punent (ĠU L 96, 19.3.2021, p. 13).