15.7.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 188/147


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2022/1223

tat-12 ta’ Lulju 2022

dwar l-allokazzjoni ta’ fondi diżimpenjati minn proġetti taħt l-10 u l-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp bil-għan li jiġu ffinanzjati azzjonijiet li jindirizzaw il-kriżi tas-sigurtà tal-ikel u x-xokk ekonomiku fil-pajjiżi Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (AKP) wara l-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-Ftehim Intern bejn ir-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill, dwar il-finanzjament tal-għajnuna Komunitarja taħt il-qafas finanzjarju pluriennali għall-perjodu 2008 sal-2013 f’konformità mal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-KE u dwar l-allokazzjoni ta’ assistenza finanzjarja għall-Pajjiżi u Territorji Ekstra-Ewropej li għalihom tapplika l-Parti Erbgħa tat-Trattat tal-KE (1) (il-Ftehim Intern dwar l-10 FEŻ), u b’mod partikolari l-Artikolu 1(5) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Ftehim Intern bejn ir-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, imlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill, dwar il-finanzjament tal-għajnuna mill-Unjoni Ewropea taħt il-qafas finanzjarju pluriennali għall-perjodu mill-2014 sal-2020, f’konformità mal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE, u dwar l-allokazzjoni ta’ assistenza finanzjarja għall-Pajjiżi u t-Territorji Ekstra-Ewropej li għalihom tapplika l-Parti Erbgħa tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (2) (il-Ftehim Intern dwar il-11-il FEŻ), u b’mod partikolari l-Artikolu 1(4) u (5) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Wara l-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, is-sitwazzjoni tas-sigurtà tal-ikel fid-dinja qed tiddeterjora malajr, u ħafna mill-pajjiżi affettwati huma pajjiżi l-anqas żviluppati jew pajjiżi b’introjtu baxx u b’defiċit alimentari.

(2)

EUR 3 biljun huma diġà pprogrammati skont il-pilastru ġeografiku tal-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali - Ewropa Globali stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/947 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3). Minn dak l-ammont, EUR 2,3 biljun ġew ipprogrammati fil-pajjiżi Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (AKP) biex jiffinanzjaw l-azzjonijiet tal-agrikoltura, in-nutrizzjoni, l-ilma u s-sanità bejn l-2021 u l-2024. Minħabba l-firxa tal-ħtiġijiet u l-konsegwenzi mistennija, jenħtieġ li jiġu mobilizzati mezzi addizzjonali biex jappoġġaw il-pajjiżi sħab l-aktar milquta.

(3)

L-Unjoni hija qrib l-implimentazzjoni sħiħa tal-baġit inizjali tal-Għajnuna Umanitarja għas-sigurtà tal-ikel u l-ħtiġijiet relatati fil-pajjiżi tal-AKP identifikati qabel il-bidu tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja fl-Ukrajna. Minħabba s-sitwazzjoni eċċezzjonalment mwiegħra tas-sigurtà tal-ikel fil-pajjiżi AKP, dawk il-fondi jeħtieġ li jiġu kkumplimentati b’riżorsi xierqa biex jirrispondu għall-aggravar ulterjuri tal-ħtiġijiet umanitarji u biex tiġi żgurata l-kontinwità tal-kooperazzjoni minn kriżi għal kundizzjonijiet stabbli għall-iżvilupp.

(4)

Il-Kunsill Ewropew, fil-Konklużjonijiet tiegħu tal-24 u l-25 ta’ Marzu 2022, stieden lill-Kummissjoni biex tagħti prijorità lill-ħidma dwar is-sigurtà u l-affordabbiltà globali tal-ikel, b’mod partikolari billi tappoġġa s-sigurtà tal-ikel u l-agrikoltura fl-Ukrajna u l-pajjiżi terzi l-aktar vulnerabbli u esposti.

(5)

Fil-Konklużjonijiet tiegħu tat-30 u l-31 ta’ Mejju 2022, il-Kunsill Ewropew stieden lill-Kummissjoni biex tesplora l-possibbiltà li jiġu mobilizzati riżervi mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ) biex jiġu appoġġati l-pajjiżi sħab l-aktar milquta.

(6)

Il-Kunsill, fil-Konklużjonijiet tiegħu tal-20 ta’ Ġunju 2022, appoġġa r-rispons ta’ Tim Ewropa għall-insigurtà globali tal-ikel u appella lill-Kummissjoni, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u lill-Istati Membri biex jagħtu prijorità lill-appoġġ finanzjarju tagħhom biex jindirizzaw is-sigurtà globali tal-ikel inkluż il-ħtiġijiet umanitarji immedjati, li jinkludu assistenza finanzjarja u teknika għall-pajjiżi li jimportaw l-ikel fejn meħtieġ, kif ukoll sistemi tal-ikel sostenibbli fuq perjodu medju u fit-tul u produzzjoni lokali mtejba għal reżiljenza aħjar, filwaqt li jiġu esplorati s-sorsi kollha ta’ finanzjament disponibbli, inkluż il-mobilizzazzjoni ta’ riżervi mill-FEŻ.

(7)

Barra minn hekk, il-Kunsill enfasizza l-importanza li l-Unjoni turi solidarjetà qawwija permezz ta’ rispons rapidu u komprensiv ibbażat fuq multilateraliżmu effettiv, li jibni fuq il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta’ Marzu 2022 dwar “Is-salvagwardja tas-sigurtà tal-ikel u t-tisħiħ tar-reżiljenza tas-sistemi tal-ikel” u li jibni fuq it-tliet pilastri — il-kummerċ, is-solidarjetà u l-produzzjoni — tal-Missjoni ta’ Reżiljenza Alimentari u Agrikola (FARM), kif milqugħa mill-Kunsill Ewropew u f’allinjament sħiħ mal-Grupp tan-Nazzjonijiet Uniti ta’ Rispons għall-Kriżijiet Globali (GCRG) u inizjattivi internazzjonali rilevanti oħra, b’mod partikolari l-Alleanza Globali għas-Sigurtà tal-Ikel mibdija mill-G7.

(8)

Minħabba l-impatt sinifikanti f’diversi pajjiżi tal-AKP, jenħtieġ li l-mobilizzazzjoni eċċezzjonali ta’ fondi diżimpenjati minn proġetti taħt l-10 u l-11-il FEŻ tippermetti lill-Unjoni u lill-Istati Membri tagħha jżidu r-rispons tagħhom għall-kriżi, b’attenzjoni partikolari għall-pajjiżi tal-AKP l-aktar vulnerabbli u esposti.

(9)

Jenħtieġ li dawk il-fondi jiffinanzjaw azzjonijiet bil-ħsieb li jipprovdu appoġġ għall-produzzjoni tal-ikel u r-reżiljenza tas-sistemi tal-ikel, l-assistenza umanitarja, u l-appoġġ makroekonomiku biex tkun żgurata l-istabbiltà makroekonomika, jgħinu biex jerġa’ jinkiseb l-ispazju fiskali u jiżdiedu r-riżervi internazzjonali, b’mod partikolari permezz ta’ korpi multilaterali. Jenħtieġ li l-fondi jinkludu n-nefqa ta’ appoġġ imsemmija fl-Artikolu 6 tal-Ftehim Intern dwar il-11-il FEŻ.

(10)

Skont l-Artikolu 153 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (4), is-sehem tar-Renju Unit ta’ dawk il-fondi mhux ser jerġa’ jintuża.

(11)

Peress li l-Artikolu 14(3) tal-Ftehim Intern dwar il-11-il FEŻ jipprevedi li dan il-Ftehim għandu jibqa’ fis-seħħ sakemm ikun meħtieġ biex l-operazzjonijiet kollha ffinanzjati taħt il-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE jiġu eżegwiti bis-sħiħ, dan huwa interpretat fis-sens li jinkludi l-mobilizzazzjoni eċċezzjonali attwali ta’ fondi diżimpenjati mill-10 u l-11-il FE Ż bil-għan li jiġu ffinanzjati azzjonijiet li jindirizzaw il-kriżi tas-sigurtà tal-ikel u x-xokk ekonomiku fil-pajjiżi tal-AKP wara l-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna.

(12)

Jenħtieġ li l-fondi jintużaw f’konformità mar-regoli u l-proċeduri applikabbli għall-11-il FEŻ, kif stabbilit fir-Regolamenti tal-Kunsill (UE) 2015/322 (5) u (UE) 2018/1877 (6).

(13)

Il-fondi tal-10 FEŻ użati mill-ġdid, li qabel ma kinux impenjati skont l-Artikolu 1(3) tal-Ftehim Intern dwar il-11-il FEŻ jew diżimpenjati skont l-Artikolu 1(4) ta’ dak il-Ftehim, għandhom jibqgħu riżorsa tal-10 FEŻ skont il-punt (a) tal-Artikolu 1(2) tal-Ftehim Intern dwar l-10 FEŻ.

(14)

Il-fondi tal-11-il FEŻ użati mill-ġdid, li qabel ma kinux impenjati jew kienu diżimpenjati f’konformità mal-Artikolu 24(5) tar-Regolament (UE) 2018/1877, għandhom jibqgħu riżorsa tal-11-il FEŻ skont il-punt (a) tal-Artikolu 1(2) tal-Ftehim Intern dwar il-11-il FEŻ,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Ammont sa massimu ta’ EUR 600 000 000 mill-fondi diżimpenjati minn proġetti taħt l-10 u l-11-il FEŻ għandu jiġi allokat b’mod eċċezzjonali bil-għan li jiġu ffinanzjati azzjonijiet li jindirizzaw il-kriżi tas-sigurtà tal-ikel u x-xokk ekonomiku fil-pajjiżi tal-AKP wara l-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna.

2.   Il-fondi msemmija fil-paragrafu 1 jenħtieġ li jiffinanzjaw azzjonijiet bil-għan li jipprovdu appoġġ kif ġej:

sa EUR 350 000 000 għall-produzzjoni tal-ikel u r-reżiljenza tas-sistemi tal-ikel,

sa EUR 150 000 000 għall-assistenza umanitarja, u

sa EUR 100 000 000 għall-appoġġ makroekonomiku.

3.   Mill-ammont imsemmi fil-paragrafu 1, sa EUR 488 000 000 għandhom jiġu allokati mill-10 FEŻ u sa EUR 112 000 000 għandhom jiġu allokati mill-11-il FEŻ. Minn dawk il-fondi, sa massimu ta’ EUR 18 000 000 għandhom jiġu allokati għan-nefqa ta’ appoġġ imġarrba mill-Kummissjoni.

4.   Il-fondi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jintużaw għal impenji finanzjarji f’konformità mar-regoli u l-proċeduri applikabbli għall-11-il FEŻ, kif stabbilit fir-Regolamenti (UE) 2015/322 u (UE) 2018/1877.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Lulju 2022.

Għall-Kunsill

Il-President

Z. STANJURA


(1)  ĠU L 247, 9.9.2006, p. 32.

(2)  ĠU L 210, 6.8.2013, p. 1.

(3)  Ir-Regolament (UE) 2021/947 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali — Ewropa Globali, li jemenda u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 466/2014/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolament (UE) 2017/1601 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 480/2009 (ĠU L 209, 14.6.2021, p. 1).

(4)  ĠU L 29, 31.1.2020, p. 7.

(5)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/322 tat-2 ta’ Marzu 2015 dwar l-implimentazzjoni tal-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp (ĠU L 58, 3.3.2015 p. 1).

(6)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2018/1877 tas-26 ta’ Novembru 2018 dwar ir-regolament finanzjarju applikabbli għall-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp, u li jħassar ir-Regolament (UE) 2015/323 (ĠU L 307, 3.12.2018, p. 1).