12.7.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 185/129


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/1198

tas- 16 ta’ Ġunju 2022

li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/570 fir-rigward tal-provvista tal-enerġija ta’ emerġenza tar-rescEU

(notifikata bid-dokument C(2022) 4246)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili (“il-Mekkaniżmu tal-Unjoni”) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 32(1)(g) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE tistabbilixxi r-rescEU bħala parti mill-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili (“Mekkaniżmu tal-Unjoni”). Hija ġiet emendata reċentement (2) biex jissaħħaħ il-Mekkaniżmu tal-Unjoni biex jingħelbu l-limitazzjonijiet meta bosta Stati Membri jiġu affettwati simultanjament minn emerġenza kumplessa u transsettorjali.

(2)

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/570 (3) tistabbilixxi l-kompożizzjoni inizjali tar-rescEU f’termini ta’ kapaċitajiet u r-rekwiżiti ta’ kwalità tagħha. Ir-riżerva rescEU bħalissa tikkonsisti f’kapaċitajiet ta’ tifi tan-nar fil-foresti mill-ajru, kapaċitajiet ta’ evakwazzjoni medika mill-ajru, kapaċitajiet ta’ tim mediku ta’ emerġenza, kapaċitajiet fil-qasam tal-inċidenti kimiċi, bijoloġiċi, radjoloġiċi u nukleari, kenn, trasport u loġistika kif ukoll kapaċitajiet ta’ laboratorji mobbli u kapaċitajiet ta’ detezzjoni, kampjunar, identifikazzjoni u monitoraġġ CBRN.

(3)

F’konformità mal-Artikolu 12(2) tad-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE, il-kapaċitajiet r-rescEU jenħtieġ li jkun jikkonsisti fihom iridu jiġu ddefiniti billi jitqiesu r-riskji identifikati u emerġenti, il-kapaċitajiet kumplessivi u l-lakuni fil-livell tal-Unjoni.

(4)

Analiżi tar-riskji identifikati u emerġenti kif ukoll tal-kapaċitajiet u l-lakuni fil-livell tal-Unjoni tiżvela l-ħtieġa li jiġu appoġġati l-attivitajiet tal-protezzjoni ċivili billi jiġu pprovduti kapaċitajiet ta’ emerġenza għall-provvista tal-enerġija biex jittaffew il-konsegwenzi negattivi li jirriżultaw minn nuqqasijiet ta’ enerġija li jista’ jkollhom oriġini differenti, naturali jew ikkawżati mill-bniedem.

(5)

B’mod partikolari, is-sitwazzjoni fl-Ukrajna reġgħet uriet il-vulnerabbiltà tal-infrastruttura kritika relatata mal-enerġija. Mill-bidu bikri tal-gwerra ta’ aggressjoni, l-Ukrajna identifikat il-provvista tal-enerġija ta’ emerġenza fil-forma ta’ fjuwil, ġeneraturi, tagħmir u spare parts bħala ħtieġa primarja f’ħafna oqsma. Barra minn hekk, il-Moldova attivat ukoll il-Mekkaniżmu tal-Unjoni u identifikat oġġetti għall-provvista tal-enerġija ta’ emerġenza fil-forma ta’ fjuwil, ġeneraturi u spare parts.

(6)

Bħalissa, ma hemm l-ebda kapaċità fil-qasam tal-provvista tal-enerġija ta’ emerġenza impenjata minn qabel mill-Istati Membri għar-Riżerva Ewropea ta’ Protezzjoni Ċivili. B’riżultat ta’ hekk u sabiex jiġu indirizzati r-riskji identifikati u emerġenti, jenħtieġ li l-provvista tal-enerġija ta’ emerġenza ssir parti mill-kapaċitajiet tar-rescEU msemmijin fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/570.

(7)

Jenħtieġ li dawk il-kapaċitajiet ikunu stabbiliti biex jirrispondu għal riskji ta’ probabbiltà baxxa b’impatt għoli, f’konformità mal-kategoriji msemmijin fl-Artikolu 3d(e) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/570.

(8)

Jenħtieġ li l-kompitu ewlieni tal-kapaċitajiet tal-provvista tal-enerġija ta’ emerġenza tar-rescEU jkun li jipprovdu enerġija ta’ riżerva ta’ emerġenza istantanjament meta s-sors ewlieni tal-enerġija jieqaf jaħdem jew jekk il-vultaġġ jonqos għal livell insuffiċjenti jew jitla’ f’salt u jikkawża qtugħ. Tali kapaċitajiet jistgħu jinkludu ġeneraturi standby, batteriji, tagħmir tal-ħsad tal-enerġija, tagħmir ta’ konnettività u sinkronizzazzjoni, fjuwil, tipi oħrajn ta’ apparati u servizzi relatati.

(9)

L-għajnuna prevista trid tikkonforma mal-kundizzjonijiet u l-proċeduri stabbiliti mill-miżuri restrittivi (4) adottati skont l-Artikolu 215 TFUE.

(10)

Għaldaqstant jenħtieġ li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/570 tiġi emendata kif xieraq.

(11)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma f’konformità mal-opinjoni tal-kumitat imsemmi fl-Artikolu 33(1) tad-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/570 hija emendata kif ġej:

(1)

L-Artikolu 2 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, jiżdied it-tmien inċiż kif ġej:

“—

kapaċitajiet ta’ provvista tal-enerġija ta’ emerġenza.”;

(b)

fil-paragrafu 2, jiżdied il-punt li ġej:

“(m)

kapaċitajiet ta’ provvista tal-enerġija ta’ emerġenza”;

(2)

L-Artikolu 3a huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 3a

Il-kostijiet eliġibbli tal-kapaċitajiet tar-rescEU għal evakwazzjoni medika bl-ajru, tat-tim mediku ta’ emerġenza tat-tip 2 u tat-tip 3, tal-kumulazzjoni ta’ riżerva medika, tad-dekontaminazzjoni CBRN, tal-ħażna CBRN, tal-kenn temporanju, tat-trasport, tal-loġistika, tad-detezzjoni, it-teħid ta’ kampjuni, l-identifikazzjoni u l-monitoraġġ CBRN, u tal-kapaċitajiet ta’ provvista tal-enerġija ta’ emerġenza

Il-kategoriji tal-kostijiet kollha msemmijin fl-Anness Ia tad-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE għandhom jitqiesu fil-kalkolu tal-kost eliġibbli totali tal-kapaċitajiet tar-rescEU.”;

(3)

fl-Artikolu 3e, il-paragrafi 3 u 4 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“3.   Il-kapaċitajiet tar-rescEU msemmijin fl-Artikolu 2(2)(c) sa (m) għandhom jiġu stabbiliti bl-għan li jimmaniġġjaw riskji ta’ probabbiltà baxxa b’impatt għoli.

4.   Meta l-kapaċitajiet tar-rescEU msemmijin fl-Artikolu 2(2)(c) sa (m) jiġu skjerati skont il-Mekkaniżmu tal-Unjoni, l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni għandha tkopri 100 % tal-kostijiet operazzjonali, f’konformità mal-Artikolu 23(4b), it-tieni subparagrafu, tad-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE.”;

(4)

l-Anness huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Destinatarji

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Ġunju 2022.

Għall-Kummissjoni

Janez LENARČIČ

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 347, 20.12.2013, p. 924.

(2)  Ir-Regolament (UE) 2021/836 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2021 li jemenda d-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE dwar Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili (ĠU L 185, 26.5.2021, p. 1).

(3)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/570 tat-8 ta’ April 2019 li tistabbilixxi r-regoli għall-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni 1313/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-kapaċitajiet tar-rescEU u li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/762/UE (ĠU L 99, 10.4.2019, p. 41).

(4)  www.sanctionsmap.eu. Innota li l-mappa tas-sanzjonijiet hija għodda tal-IT għall-identifikazzjoni tar-reġimi tas-sanzjonijiet. Is-sors tas-sanzjonijiet jirriżulta minn atti legali ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU). F’każ ta’ diskrepanza, il-ĠU jipprevali.


ANNESS

Fl-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/570, tiżdied it-Taqsima 13 li ġejja:

“13.

Kapaċitajiet ta’ provvista tal-enerġija ta’ emerġenza

Kompiti

Il-forniment ta’ enerġija ta’ riżerva ta’ emerġenza.

Il-forniment ta’ persunal biex jimmaniġġja, jarma/iżarma, jinstalla/jaqla’, iħaddem u jieħu ħsieb il-kapaċità tal-provvista tal-enerġija ta’ emerġenza meta jkun meħtieġ. Meta jsir trasferiment, it-taħriġ tal-persunal rilevanti (lokali u/jew internazzjonali) qabel it-tluq tal-persunal tal-kapaċità.

Kapaċitajiet

Unitajiet ta’ provvista tal-enerġija ta’ emerġenza biex jiġġeneraw u/jew jipprovdu enerġija ta’ emerġenza fuq il-post, jekk meħtieġ flimkien ma’ sistemi oħrajn, bħal batteriji jew sistemi ta’ pannelli solari li kapaċi jipprovdu enerġija għal mill-inqas xahar.

Elementi prinċipali

Ġeneraturi tal-enerġija ta’ diversi daqsijiet li jippermettu flessibbiltà u skalabbiltà.

Sistemi adegwati ta’ konnettività, sinkronizzazzjoni, monitoraġġ u trasferiment tal-enerġija li jippermettu l-konnessjoni tal-kapaċità mal-faċilitajiet affettwati kif ukoll il-parallellaġġ tal-kontroll tal-unitajiet.

Għadd adegwat ta’ spare parts u oġġetti konsumabbli oħrajn għall-funzjonament tal-kapaċità, bħal batteriji, tagħmir tal-ħsad tal-enerġija, tagħmir ta’ konnettività u sinkronizzazzjoni, fjuwil, tipi oħrajn ta’ apparati u servizzi relatati.

Proċeduri adegwati biex tiġi żgurata l-provvista ta’ fjuwil ta’ emerġenza għall-funzjonament tal-kapaċità.

Proċeduri adegwati biex tiġi trasportata, immaniġġjata, armata/żarmata, installata/maqlugħa, imħaddma u mantenuta l-kapaċità tal-provvista tal-enerġija ta’ emerġenza.

Tagħmir tad-dawl għal tidwil ta’ emerġenza taż-żona affettwata kif ukoll sistemi ta’ protezzjoni mis-sajjetti.

Faċilitajiet ta’ ħażna adegwati.

Persunal imħarreġ sew u assi biex tiġi mmaniġġjata, armata, installata, imħaddma u mantenuta l-kapaċità tal-provvista tal-enerġija ta’ emerġenza.

Awtosuffiċjenza

Japplika l-Artikolu 12(3)(a) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2014/762/UE  (1).

Skjerament

Disponibbiltà għat-tluq tat-tim tekniku u l-komponenti li jistgħu jiġu skjerati sa massimu ta’ 12-il siegħa wara l-aċċettazzjoni tal-offerta.


(1)  L-awtosuffiċjenza trid tiġi garantita mill-inqas matul l-ewwel 96 siegħa ta’ skjerament, inkluż permezz ta’ faċilitajiet u tagħmir adegwati għall-ħżin tal-fjuwil fuq il-post.”