7.7.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 181/20


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (EU) 2022/1169

tal-4 ta’ Lulju 2022

li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati dwar ftehim dwar l-istatus bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Senegal dwar attivitajiet operazzjonali mwettqa mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta fir-Repubblika tas-Senegal

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-punti (b) u (d) tal-Artikolu 77(2), il-punt (c) tal-Artikolu 79(2), u l-paragrafi 3 u 4 tal-Artikolu 218 tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

F’ċirkostanzi li jirrikjedu l-istazzjonament f’pajjiż terz ta’ timijiet tal-ġestjoni tal-fruntieri mill-korp permanenti tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta meta l-membri tat-timijiet jkunu ser jeżerċitaw setgħat eżekuttivi, l-Artikolu 73(3) tar-Regolament (UE) 2019/1896 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta jitlob li jiġi konkluż ftehim dwar l-istatus, mill-Unjoni mal-pajjiż terz ikkonċernat, abbażi tal-Artikolu 218 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

(2)

Jenħtieġ li jinfetħu negozjati bil-ħsieb li jiġi konkluż ftehim internazzjonali mar-Repubblika tas-Senegal dwar azzjonijiet imwettqa mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta fit-territorju tar-Repubblika tas-Senegal.

(3)

Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li fih l-Irlanda ma tieħux sehem, f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE (2). Għalhekk l-Irlanda mhix qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhix marbuta biha u lanqas suġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

(4)

F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-TFUE, id-Danimarka mhix qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhix marbuta biha u lanqas suġġetta għall-applikazzjoni tagħha,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Kummissjoni hija b’dan awtorizzata tinnegozja, f’isem l-Unjoni, ftehim dwar l-istatus bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Senegal dwar attivitajiet operazzjonali mwettqa mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta fit-territorju tar-Repubblika tas-Senegal.

Artikolu 2

In-negozjati għandhom jitmexxew fuq il-bażi tad-direttivi ta’ negozjati tal-Kunsill li jinsabu fl-addendum ta’ din id-Deċiżjoni, u f’konsultazzjoni mal- Grupp ta’ Ħidma adatt tal-Kunsill.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.

Magħmul fi Brussell, l-4 ta’ Lulju 2022.

Għall-Kunsill

Il-President

M. BEK


(1)  Ir-Regolament (UE) 2019/1896 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Novembru 2019 dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1052/2013 u (UE) 2016/1624 (ĠU L 295, 14.11.2019, p. 1).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta’ Frar 2002 rigward it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f’xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20).