4.7.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 177/75


DEĊIŻJONI TAL-KUMITAT POLITIKU U TA’ SIGURTÀ (PESK) 2022/1105

tal-15 ta’ Ġunju 2022

dwar l-aċċettazzjoni tal-kontribut mir-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam għall-Missjoni ta’ Taħriġ Militari tal-PSDK tal-Unjoni Ewropea fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (EUTM RCA) (EUTM RCA/2/2022)

IL-KUMITAT POLITIKU U TA’ SIGURTÀ,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 38, it-tielet paragrafu, tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2016/610 tad-19 ta’ April 2016 dwar Missjoni ta’ Taħriġ Militari tal-PSDK tal-Unjoni Ewropea fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (EUTM RCA) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 8(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 8(2) tad-Deċiżjoni (PESK) 2016/610, il-Kunsill awtorizza lill-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà biex jieħu d-deċiżjonijiet rilevanti dwar l-aċċettazzjoni tal-kontributi proposti minn Stati terzi għall-EUTM RCA.

(2)

Wara r-rakkomandazzjonijiet tal-Kmandant tal-Missjoni tal-UE u mill-Kumitat Militari tal-Unjoni Ewropea fir-rigward ta’ kontribut mir-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam, il-kontribut minn dak l-Istat terz għandu jiġi aċċettat u għandu jitqies bħala sinifikanti.

(3)

F’konformità mal-Artikolu 5 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka ma tiħux sehem fl-elaborazzjoni u fl-implimentazzjoni ta’ deċiżjonijiet u azzjonijiet tal-Unjoni li għandhom implikazzjonijiet ta’ difiża,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Il-kontribut mir-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam għall-Missjoni ta’ Taħriġ Militari tal-PSDK tal-Unjoni Ewropea fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (EUTM RCA) huwa aċċettat u jitqies bħala sinifikanti.

2.   Ir-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam hija eżentata minn kontribuzzjonijiet finanzjarji għall-baġit tal-EUTM RCA.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ Ġunju 2022.

Għall-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà

Il-President

D. PRONK


(1)   ĠU L 104, 20.4.2016, p. 21.