|
1.7.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 176/22 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2022/1093
tat-30 ta’ Ġunju 2022
dwar miżura ta’ assistenza taħt il-Faċilità Ewropea għall-Paċi b’appoġġ għall-Forzi Armati tar-Repubblika tal-Moldova
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 28(1) u 41(2) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,
Billi:
|
(1) |
F’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/509 (1), ġiet stabbilita Faċilità Ewropea għall-Paċi (EPF) għall-finanzjament mill-Istati Membri tal-azzjonijiet tal-Unjoni fil-qafas tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni biex jinżamm il-paċi, jiġu pprevenuti l-konflitti u tissaħħaħ is-sigurtà internazzjonali f’konformità mal-Artikolu 21(2), punt (c), tat-Trattat. B’mod partikolari, skont l-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509, l-EPF tista’ tiffinanzja azzjonijiet biex jissaħħu l-kapaċitajiet ta’ Stati terzi u organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali relatati ma’ kwistjonijiet militari u ta’ difiża. |
|
(2) |
L-Istrateġija Globali għall-Politika Estera u ta’ Sigurtà tal-Unjoni Ewropea tal-2016 tistabbilixxi l-objettivi tat-tisħiħ tas-sigurtà u d-difiża, l-investiment fir-reżiljenza tal-Istati u s-soċjetajiet fil-Lvant tal-Unjoni, l-iżvilupp ta’ approċċ integrat għall-konflitti u l-kriżijiet, il-promozzjoni u l-appoġġ ta’ ordnijiet reġjonali kooperattivi, u t-tisħiħ ta’ governanza globali bbażata fuq id-dritt internazzjonali, inkluż il-konformità mad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali. |
|
(3) |
Fil-21 ta’ Marzu 2022, il-Kunsill approva l-Boxxla Strateġika bl-objettiv li jsir fornitur tas-sigurtà aktar b’saħħtu u aktar kapaċi, inkluż permezz ta’ aktar użu tal-EPF b’appoġġ għall-kapaċitajiet ta’ difiża tas-sħab. |
|
(4) |
L-Unjoni hija impenjata għal relazzjoni mill-qrib b’appoġġ għal Repubblika tal-Moldova b’saħħitha, indipendenti u prospera, ibbażata fuq il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa waħda, u r-Repubblika tal-Moldova min-naħa l-oħra (2), (“il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni”), inkluż iż-Żona ta’ Kummerċ Ħieles Approfondita u Komprensiva, u għall-promozzjoni tal-assoċjazzjoni politika u l-integrazzjoni ekonomika, filwaqt li tappoġġa bis-sħiħ is-sovranità u l-integrità territorjali tar-Repubblika tal-Moldova fi ħdan il-fruntieri tagħha rikonoxxuti internazzjonalment. F’konformità mal-Artikolu 5 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, l-Unjoni u r-Repubblika tal-Moldova għandhom ikomplu jintensifikaw id-djalogu u l-kooperazzjoni tagħhom u jippromwovu l-konverġenza gradwali fil-qasam tal-politika estera u ta’ sigurtà, inkluż il-politika ta’ sigurtà u ta’ difiża komuni (PSDK), u għandhom jindirizzaw b’mod partikolari kwistjonijiet ta’ prevenzjoni tal-konflitti u l-ġestjoni tal-kriżijiet, l-istabbiltà reġjonali, id-diżarm, in-nonproliferazzjoni, il-kontroll tal-armi u l-kontroll tal-esportazzjoni. |
|
(5) |
L-Unjoni tirrikonoxxi l-kontribut importanti tar-Repubblika tal-Moldova għall-PSDK tal-Unjoni, inkluż il-kontribut kontinwu għall-Missjoni ta’ Taħriġ tal-Unjoni Ewropea fil-Mali. |
|
(6) |
Din id-Deċiżjoni tibni fuq id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/2136 (3) rigward l-impenn kontinwu tal-Unjoni li tappoġġa t-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-Forzi Armati tar-Repubblika tal-Moldova f’oqsma ta’ ħtiġijiet prijoritarji. |
|
(7) |
Fl-ittra tiegħu tal-20 ta’ April 2022 indirizzata lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (ir-“Rappreżentant Għoli”), il-Viċi Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u l-Integrazzjoni Ewropea tar-Repubblika tal-Moldova talab lill-Unjoni, f’konformità mal-Artikolu 59(1) tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509, appoġġ għall-Forzi Armati tar-Repubblika tal-Moldova permezz ta’ tisħiħ tal-kapaċitajiet tas-servizzi ta’ loġistika, mobbiltà, kmand u kontroll, ċiberdifiża, rikonjizzjoni mill-ajru mingħajr bdot u komunikazzjonijiet tattiċi. |
|
(8) |
Il-miżuri ta’ assistenza għandhom jiġu implimentati filwaqt li jittieħed kont tal-prinċipji u r-rekwiżiti stabbiliti fid-Deċiżjoni (PESK) 2021/509, u b’mod partikolari tal-konformità mal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK (4), u f’konformità mar-regoli għall-implimentazzjoni tad-dħul u n-nefqa ffinanzjati taħt l-EPF. |
|
(9) |
Il-Kunsill jirriafferma d-determinazzjoni tiegħu li jipproteġi, jippromwovi u jiggarantixxi d-drittijiet tal-bniedem, il-libertajiet fundamentali u l-prinċipji demokratiċi, u li jsaħħaħ l-istat tad-dritt u l-governanza tajba, f’konformità mal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, mad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u mad-dritt internazzjonali, b’mod partikolari d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Stabbiliment, objettivi, kamp ta’ applikazzjoni u durata
1. Hija b’dan stabbilita miżura ta’ assistenza li tibbenefika minnha r-Repubblika tal-Moldova (il-“benefiċjarju”) li għandha tiġi ffinanzjata mill-Faċilità Ewropea għall-Paċi (EPF) (il-“Miżura ta’ Assistenza”).
2. L-objettiv ġenerali tal-Miżura ta’ Assistenza huwa li tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-Forzi Armati tar-Repubblika tal-Moldova sabiex jissaħħu s-sigurtà, l-istabbiltà u r-reżiljenza nazzjonali fis-settur tad-difiża, f’konformità mal-politika tal-Unjoni. Filwaqt li tibni fuq l-appoġġ preċedenti pprovdut mill-Faċilità Ewropea għall-Paċi, il-Miżura ta’ Assistenza ser tippermetti lill-Forzi Armati tar-Repubblika tal-Moldova jtejbu l-effettività operazzjonali, jaċċelleraw l-issodisfar tal-istandards tal-Unjoni u tal-interoperabbiltà, u b’hekk jipproteġu aħjar lill-persuni ċivili fi kriżijiet u emerġenzi. Ser issaħħaħ ukoll il-kapaċitajiet tal-benefiċjarju fir-rigward tal-parteċipazzjoni tiegħu f’missjonijiet u operazzjonijiet militari tal-PSDK tal-Unjoni kif ukoll f’operazzjonijiet multinazzjonali oħra. L-objettiv speċifiku tal-Miżura ta’ Assistenza huwa li jsaħħaħ il-kapaċitajiet tal-unitajiet tal-loġistika, il-mobbiltà, il-kmand u l-kontroll, iċ-ċiberdifiża, ir-rikonjizzjoni mill-ajru mingħajr bdot u l-komunikazzjonijiet tattiċi tal-Forzi Armati tar-Repubblika tal-Moldova.
3. Sabiex jintlaħqu l-objettivi stabbiliti fil-paragrafu 2, il-Miżura ta’ Assistenza għandha tiffinanzja l-forniment ta’ tagħmir li mhux maħsub għall-produzzjoni ta’ forza letali, provvisti u servizzi, inkluż taħriġ relatat mat-tagħmir għall-unitajiet tal-Kmand tal-Forzi tal-Art tal-Forzi Armati tar-Repubblika tal-Moldova appoġġati taħt il-Miżuri ta’ Assistenza:
|
(a) |
tagħmir ta’ loġistika; |
|
(b) |
tagħmir ta’ mobbiltà; |
|
(c) |
tagħmir ta’ kmand u kontroll; |
|
(d) |
tagħmir ta’ ċiberdifiża; |
|
(e) |
tagħmir ta’ rikonjizzjoni mill-ajru mingħajr bdot; |
|
(f) |
tagħmir ta’ komunikazzjoni tattika. |
4. Id-durata tal-Miżura ta’ Assistenza għandha tkun ta’ 36 xahar mid-data tal-konklużjoni tal-ewwel kuntratt bejn l-amministratur għall-miżuri ta’ assistenza, li jaġixxi bħala uffiċjal ta’ awtorizzazzjoni, u l-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 4(2) ta’ din id-Deċiżjoni f’konformità mal-Artikolu 32(2), punt (a), tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509.
Artikolu 2
Arranġamenti finanzjarji
1. L-ammont ta’ referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa marbuta mal-Miżura ta’ Assistenza għandu jkun ta’ EUR 40 000 000.
2. In-nefqa kollha għandha tiġi ġestita f’konformità mad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 u r-regoli għall-implimentazzjoni tad-dħul u n-nefqa ffinanzjata taħt l-EPF.
Artikolu 3
Arranġamenti mal-benefiċjarju
1. Ir-Rappreżentant Għoli għandu jagħmel l-arranġamenti neċessarji mal-benefiċjarju biex jiżgura l-konformità tal-benefiċjarju mar-rekwiżiti u l-kondizzjonijiet stabbiliti permezz ta’ din id-Deċiżjoni bħala kondizzjoni għall-għoti ta’ appoġġ taħt il-Miżura ta’ Assistenza.
2. L-arranġamenti msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu dispożizzjonijiet li jobbligaw lill-benefiċjarju jiżgura:
|
(a) |
il-konformità tal-unitajiet tal-Forzi Armati tar-Repubblika tal-Moldova appoġġati taħt il-Miżura ta’ Assistenza mad-dritt internazzjonali rilevanti, b’mod partikolari d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali; |
|
(b) |
l-użu xieraq u effiċjenti tal-assi kollha pprovduti taħt il-Miżura ta’ Assistenza għall-finijiet li għalihom ikunu ġew ipprovduti; |
|
(c) |
il-manutenzjoni suffiċjenti tal-assi kollha pprovduti taħt il-Miżura ta’ Assistenza biex tiġi żgurata l-użabilità tagħhom u d-disponibbiltà operazzjonali tagħhom matul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom; |
|
(d) |
li l-assi kollha pprovduti taħt il-Miżura ta’ Assistenza mhux ser jintilfu, jew jiġu ttrasferiti mingħajr il-kunsens tal-Kumitat tal-Faċilità stabbilit skont id-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 lil persuni jew entitajiet oħra għajr dawk identifikati f’dawk l-arranġamenti, fi tmiem iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom. |
3. L-arranġamenti msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu dispożizzjonijiet dwar is-sospensjoni u t-terminazzjoni tal-appoġġ taħt il-Miżura ta’ Assistenza f’każ li l-benefiċjarju jinstab li jkun kiser l-obbligi stabbiliti fil-paragrafu 2.
Artikolu 4
Implimentazzjoni
1. Ir-Rappreżentant Għoli għandu jkun responsabbli li jiżgura l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni f’konformità mad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 u mar-regoli għall-implimentazzjoni tad-dħul u n-nefqa ffinanzjati taħt l-EPF, b’mod konsistenti mal-Qafas Metodoloġiku Integrat għall-valutazzjoni u l-identifikazzjoni tal-miżuri u l-kontrolli meħtieġa għall-miżuri ta’ assistenza taħt l-EPF.
2. L-implimentazzjoni tal-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 1(3) għandhom jitwettqu minn:
|
(a) |
iċ-Ċentru Estonjan għall-Investiment fid-Difiża fir-rigward tal-Artikolu 1(3), punti (a), (b), (c), (e) u (f); u |
|
(b) |
l-Akkademja tal-Governanza elettronika fir-rigward tal-Artikolu 1(3), punt (d). |
Artikolu 5
Monitoraġġ, kontroll u evalwazzjoni
1. Ir-Rappreżentant Għoli għandu jiżgura li l-konformità tal-benefiċjarju mal-obbligi stabbiliti f’konformità mal-Artikolu 3 jiġi mmonitorjat. Dak il-monitoraġġ għandu jipprovdi għarfien tal-kuntest u r-riskji tal-ksur tal-obbligi stabbiliti f’konformità mal-Artikolu 3, u għandu jikkontribwixxi għall-prevenzjoni ta’ tali ksur, inkluż ksur tad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju internazzjonali mill-unitajiet tal-Forzi Armati tar-Repubblika tal-Moldova appoġġati taħt il-Miżura ta’ Assistenza.
2. Il-kontroll ta’ wara t-trasportazzjoni tat-tagħmir u l-provvisti għandu jiġi organizzat kif ġej:
|
(a) |
verifika tal-konsenja, fejn iċ-ċertifikati tal-konsenja għandhom jiġu ffirmati mill-forzi tal-utent finali mat-trasferiment tas-sjieda; |
|
(b) |
rappurtar dwar l-inventarju, fejn il-benefiċjarju għandu jirrapporta kull sena dwar l-inventarju ta’ oġġetti partikolari sakemm dan ir-rappurtar ma jibqax jitqies neċessarju mill-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (KPS); |
|
(c) |
kontroll fuq il-post, fejn il-benefiċjarju għandu jagħti lir-Rappreżentant Għoli l-aċċess biex iwettaq kontroll fuq il-post fuq talba ta’ dan tal-aħħar. |
3. Ir-Rappreżentant Għoli għandu jwettaq evalwazzjoni, permezz tal-ewwel valutazzjoni strutturata tal-Miżura ta’ Assistenza, sitt xhur wara l-ewwel konsenja ta’ tagħmir. Dan jista’ jinvolvi żjarat fuq il-post biex jiġu spezzjonati t-tagħmir, il-provvisti u s-servizzi mogħtija taħt il-Miżura ta’ Assistenza, jew kwalunkwe forma effettiva oħra ta’ informazzjoni provduta indipendentement. Għandha ssir evalwazzjoni finali mat-tlestija tal-konsenja ta’ tagħmir, provvisti u servizzi taħt il-Miżura ta’ Assistenza sabiex jiġi vvalutat jekk l-Miżura ta’ Assistenza kkontribwixxietx sabiex jintlaħqu l-objettivi ddikjarati.
Artikolu 6
Rappurtar
Matul il-perjodu ta’ implimentazzjoni, ir-Rappreżentant Għoli għandu jipprovdi lill-KPS rapporti kull sitt xhur dwar l-implimentazzjoni tal-Miżura ta’ Assistenza f’konformità mal-Artikolu 63 tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509. L-amministratur għall-miżuri ta’ assistenza għandu jinforma regolarment lill-Kumitat tal-Faċilità stabbilit bid-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 dwar l-implimentazzjoni tad-dħul u n-nefqa f’konformità mal-Artikolu 38 ta’ dik id-Deċiżjoni, inkluż billi jipprovdi informazzjoni dwar il-fornituri u s-sottokuntratturi involuti.
Artikolu 7
Sospensjoni u terminazzjoni
1. Il-KPS jista’ jiddeċiedi li jissospendi kompletament jew parzjalment l-implimentazzjoni tal-Miżura ta’ Assistenza f’konformità mal-Artikolu 64 tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509.
2. Il-KPS jista’ jirrakkomanda li l-Kunsill itemm il-Miżura ta’ Assistenza.
Artikolu 8
Dħul fis-seħħ
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Ġunju 2022.
Għall-Kunsill
Il-President
J.-Y. LE DRIAN
(1) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/509 tat-22 ta’ Marzu 2021 li tistabbilixxi Faċilità Ewropea għall-Paċi, u li tħassar id-Deċiżjoni (PESK) 2015/528 (ĠU L 102, 24.3.2021, p. 14).
(3) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/2136 tat-2 ta’ Diċembru 2021 dwar Miżura ta’ Assistenza taħt il-Faċilità Ewropea għall-Paċi biex tappoġġa l-Forzi Armati tar-Repubblika tal-Moldova (ĠU L 432, 3.12.2021, p. 63).
(4) Il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK tat-8 ta’ Diċembru 2008 li tiddefinixxi regoli komuni li jirregolaw il-kontroll ta’ esportazzjonijiet ta’ teknoloġija u tagħmir militari (ĠU L 335, 13.12.2008, p. 99).