|
8.6.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 155/42 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2022/895
tal-24 ta’ Mejju 2022
li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati f’isem l-Unjoni Ewropea għal konvenzjoni internazzjonali komprensiva dwar il-ġlieda kontra l-użu tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni għal finijiet kriminali
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 82 (1) u (2), u l-Artikolu 83(1), flimkien mal-Artikolu 218(3) u (4) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
Fis-27 ta’ Diċembru 2019, l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti adottat ir-riżoluzzjoni 74/247 dwar il-ġlieda kontra l-użu tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni għal finijiet kriminali, filwaqt li ddeċidiet li tistabbilixxi kumitat intergovernattiv miftuħ ad hoc ta’ esperti, li jirrappreżenta r-reġjuni kollha, biex jelabora konvenzjoni internazzjonali komprensiva dwar il-ġlieda kontra l-użu tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni għal finijiet kriminali. |
|
(2) |
L-Unjoni diġà adottat regoli li jkopru xi wħud, iżda mhux l-elementi kollha, li x’aktarx ser jiġu kkunsidrati għal inklużjoni fil-konvenzjoni internazzjonali komprensiva dwar il-ġlieda kontra l-użu tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni għal finijiet kriminali. Dawk ir-regoli jinkludu b’mod partikolari strumenti dwar il-liġi kriminali sostantiva (1), dwar il-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f’materji kriminali (2) u dwar standards minimi tad-drittijiet proċedurali (3), kif ukoll il-protezzjoni tad-data u s-salvagwardji tal-privatezza (4). Barra minn hekk, peress li diġà saru proposti leġiżlattivi li ġew diskussi f’oqsma assoċjati addizzjonali, jenħtieġ li dawk il-proposti jitqiesu wkoll sakemm ikollhom l-għan li jsaħħu l-effettività tal-qafas legali tal-Unjoni. |
|
(3) |
Għalhekk, konvenzjoni internazzjonali komprensiva dwar il-ġlieda kontra l-użu tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni għal finijiet kriminali tista’ taffettwa ċerti regoli tal-Unjoni jew tbiddel il-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom. |
|
(4) |
Sabiex tiġi protetta l-integrità tad-dritt tal-Unjoni u biex jiġi żgurat li r-regoli tad-dritt internazzjonali u tad-dritt tal-Unjoni jibqgħu konsistenti, huwa meħtieġ li l-Kummissjoni tipparteċipa, flimkien mal-Istati Membri, għal kwistjonijiet li jaqgħu fil-kompetenza tal-Unjoni, kif definit mit-Trattati, u li fir-rigward tagħhom l-Unjoni adottat regoli, fin-negozjati dwar konvenzjoni internazzjonali komprensiva dwar il-ġlieda kontra l-użu tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni għal finijiet kriminali. |
|
(5) |
Fit-22 ta’ Marzu 2021, il-Kunsill adotta konklużjonijiet dwar l-istrateġija ta’ ċibersigurtà tal-UE għad-deċennju diġitali. Fihom, il-Kunsill fakkar li diversi aspetti tan-negozjati għal konvenzjoni internazzjonali komprensiva dwar il-ġlieda kontra l-użu tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni għal finijiet kriminali jistgħu jkunu relatati mal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni, billi enfasizza li huwa “jappoġġa u jippromwovi l-Konvenzjoni ta’ Budapest dwar iċ-Ċiberkriminalità u l-ħidma li għaddejja fuq it-Tieni Protokoll Addizzjonali għal din il-Konvenzjoni. Barra minn hekk, huwa jkompli jinvolvi ruħu fi skambji multilaterali dwar iċ-ċiberkriminalità, inkluż fi proċessi relatati mal-Kunsill tal-Ewropa, l-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti kontra d-Drogi u l-Kriminalità (UNODC) u l-Kummissjoni għall-Prevenzjoni tal-Kriminalità u l-Ġustizzja Kriminali (CCPCJ), biex tiġi żgurata kooperazzjoni internazzjonali msaħħa fil-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità, inkluż l-iskambju tal-aħjar prattiki u l-għarfien tekniku u l-appoġġ għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet, filwaqt li jiġu rrispettati, promossi u protetti d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali.” |
|
(6) |
Din id-Deċiżjoni jenħtieġ li tkun mingħajr preġudizzju għad-diviżjoni tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha kif definit mit-Trattati, għall-parteċipazzjoni tal-Istati Membri fin-negozjati dwar konvenzjoni internazzjonali komprensiva dwar il-ġlieda kontra l-użu tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni għal finijiet kriminali, u għal kwalunkwe deċiżjoni sussegwenti li tiġi konkluża, iffirmata jew ratifikata tali konvenzjoni. |
|
(7) |
Id-direttivi ta’ negozjati stabbiliti fl-addendum għal din id-Deċiżjoni huma indirizzati lill-Kummissjoni u jistgħu jiġu riveduti u żviluppati aktar jekk xieraq skont l-evoluzzjoni tan-negozjati. |
|
(8) |
F’konformità mal-prinċipju tal-kooperazzjoni leali, il-Kummissjoni u l-Istati Membri jenħtieġ li jikkooperaw mill-qrib matul il-proċess ta’ negozjati, inkluż permezz ta’ kuntatti regolari mal-esperti u r-rappreżentanti tal-Istati Membri fi New York u Vjenna. |
|
(9) |
Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u ta l-opinjoni tiegħu fit-18 ta’ Mejju 2022 (5). |
|
(10) |
F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 ta’ dak il-Protokoll, l-Irlanda mhix qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhix marbuta biha jew suġġetta għall-applikazzjoni tagħha. |
|
(11) |
F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-TUE u mat-TFUE, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew suġġetta għall-applikazzjoni tagħha, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
1. Il-Kummissjoni hija b’dan awtorizzata tiftaħ negozjati, f’isem l-Unjoni, fir-rigward ta’ kwistjonijiet li jaqgħu fil-kompetenza tal-Unjoni, kif definit mit-Trattati, u li fir-rigward tagħhom l-Unjoni tkun adottat regoli, għal konvenzjoni internazzjonali komprensiva dwar il-ġlieda kontra l-użu tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni għal finijiet kriminali.
2. In-negozjati għandhom jitmexxew abbażi tad-direttivi ta’ negozjati tal-Kunsill stipulati fl-Addendum għal din id-Deċiżjoni li jistgħu jiġu riveduti u żviluppati aktar kif xieraq skont l-evoluzzjoni tan-negozjati.
Artikolu 2
In-negozjati għandhom jitmexxew b’konsultazzjoni mal-Grupp ta’ Ħidma dwar il-Kooperazzjoni Ġudizzjarja f’Materji Kriminali li huwa b’dan maħtur bħala l-kumitat speċjali skont it-tifsira tal-Artikolu 218(4) TFUE.
Il-Kummissjoni għandha tirrapporta regolarment lill-kumitat speċjali msemmi fil-paragrafu 1 dwar il-passi meħuda skont din id-Deċiżjoni u tikkonsultah fuq bażi regolari.
Kull meta tkun mitluba mill-Kunsill, il-Kummissjoni għandha tirrapporta dwar it-tmexxija u l-eżitu tan-negozjati, inkluż bil-miktub.
Sa fejn is-suġġett tan-negozjati jkun jaqa’ fil-kompetenzi kemm tal-Unjoni kif ukoll tal-Istati Membri tagħha, il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jikkooperaw mill-qrib matul il-proċess tan-negozjati, bil-għan li tkun żgurata unità fir-rappreżentanza internazzjonali tal-Unjoni u l-Istati Membri tagħha.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni u l-addendum tagħha għandhom jiġu ppubblikati immedjatament wara l-adozzjoni tagħhom.
Artikolu 4
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.
Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ Mejju 2022.
Għall-Kunsill
Il-President
B. LE MAIRE
(1) Id-Direttiva 2011/93/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2004/68/ĠAI (ĠU L 335, 17.12.2011, p. 1); Id-Direttiva 2013/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Awwissu 2013 dwar attakki kontra s-sistemi tal-informazzjoni u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2005/222/ĠAI, (ĠU L 218, 14.8.2013, p. 8); Id-Direttiva (UE) 2019/713 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar il-ġlieda kontra l-frodi u l-falsifikazzjoni ta’ mezzi ta’ pagament mhux bi flus kontanti u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/413/ĠAI, (ĠU L 123, 10.5.2019, p. 18).
(2) L-Att tal-Kunsill tad-29 ta’ Mejju 2000 li jistabbilixxi f’konformità mal-Artikolu 34 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea l-Konvenzjoni dwar l-Assistenza Reċiproka f’Materji Kriminali bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU C 197, 12.7.2000, p. 1); Ir-Regolament (UE) 2018/1727 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Novembru 2018 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (Eurojust), u li jissostitwixxi u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/187/ĠAI (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 138); Ir-Regolament (UE) 2016/794 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) u li jissostitwixxi u jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2009/371/ĠAI, 2009/934/ĠAI, 2009/935/ĠAI, 2009/936/ĠAI u 2009/968/ĠAI (ĠU L 135, 24.5.2016, p. 53); Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/465/ĠAI tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar skwadri ta’ investigazzjoni konġunti ĠU L 162, 20.6.2002, p. 1; Id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/948/ĠAI tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-prevenzjoni u r-riżoluzzjoni ta’ konflitti ta’ eżerċizzju ta’ ġuriżdizzjoni fi proċedimenti kriminali, (ĠU L 328, 15.12.2009, p. 42); Id-Direttiva 2014/41/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ April 2014 dwar l-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropew f’materji kriminali, (ĠU L 130, 1.5.2014, p. 1).
(3) Id-Direttiva 2010/64/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ottubru 2010 dwar id-dritt għall-interpretazzjoni u t-traduzzjoni fi proċedimenti kriminali, (ĠU L 280, 26.10.2010, p. 1); Id-Direttiva 2012/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2012 dwar id-dritt għall-informazzjoni fi proċeduri kriminali, (ĠU L 142, 1.6.2012, p. 1); Id-Direttiva 2013/48/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2013 dwar id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat fi proċedimenti kriminali u fi proċedimenti ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, u dwar id-dritt li tiġi infurmata parti terza dwar iċ-ċaħda tal-libertà u d-dritt għal komunikazzjoni ma’ partijiet terzi u mal-awtoritajiet konsulari, matul iċ-ċaħda tal-libertà, (ĠU L 294, 6.11.2013, p. 1); Id-Direttiva (UE) 2016/1919 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2016 dwar għajnuna legali għal persuni ssuspettati u akkużati fi proċedimenti kriminali u għal persuni rikjesti fi proċedimenti ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, (ĠU L 297, 4.11.2016, p. 1); Id-Direttiva (UE) 2016/800 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar il-garanziji proċedurali għal tfal li huma ssuspettati jew li huma persuni akkużati fi proċedimenti kriminali, (ĠU L 132 tal-21.5.2016, p. 1); Id-Direttiva (UE) 2016/343 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar it-tisħiħ ta’ ċerti aspetti tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tad-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess fil-proċedimenti kriminali. (ĠU L 65, 11.3.2016, p. 1).
(4) Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1); Id-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI; (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 89), Id-Direttiva 2009/136/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 li temenda d-Direttiva 2002/22/KE dwar servizz universali u d-drittijiet tal-utenti li jirrelataw ma’ netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, id-Direttiva 2002/58/KE dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli mill-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi (ĠU L 337, 18.12.2009, p. 11).
(5) L-Opinjoni tat-18 ta’ Mejju 2022 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċċjali).
ADDENDUM
DIRETTIVI GĦAN-NEGOZJAR TA' KONVENZJONI INTERNAZZJONALI KOMPRENSIVA DWAR IL-ĠLIEDA KONTRA L-UŻU TAT-TEKNOLOĠIJI TAL-INFORMAZZJONI U TAL-KOMUNIKAZZJONI GĦAL FINIJIET KRIMINALI
Rigward il-proċess tan-negozjati, l-Unjoni għandha timmira li tikseb li:
|
(1) |
Il-proċess tan-negozjati jkun miftuħ, inklużiv u trasparenti, u bbażat fuq il-kooperazzjoni in bona fede. |
|
(2) |
Il-proċess tan-negozjati jippermetti l-parteċipazzjoni b’mod sinifikanti tal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha, inkluż rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, is-settur privat, l-akkademja u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi. |
|
(3) |
L-inputs li jaslu mill-Membri kollha tan-Nazzjonijiet Uniti jitqiesu fuq bażi ugwali biex jiġi żgurat proċess inklużiv. |
|
(4) |
Il-proċess tan-negozjati huwa bbażat fuq programm ta’ ħidma effettiv u realistiku. |
Rigward l-objettivi ġenerali tan-negozjati, l-Unjoni għandha timmira li tikseb li:
|
(5) |
Filwaqt li tiżgura livell għoli ta' protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali, il-Konvenzjoni sservi bħala strument effettiv għall-infurzar tal-liġi u għall-awtoritajiet ġudizzjarji fil-ġlieda globali kontra ċ-ċiberkriminalità, bil-għan li tippromwovi u ssaħħaħ il-miżuri għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità b'mod aktar effiċjenti u effettiv, li tippromwovi u tiffaċilita wkoll il-kooperazzjoni internazzjonali, tiżgura livell għoli ta' protezzjoni tad-drittijiet tal-vittmi, u li tappoġġa t-tisħiħ tal-kapaċitajiet u l-assistenza teknika fil-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità. |
|
(6) |
Il-qafas eżistenti ta’ strumenti u sforzi internazzjonali u reġjonali ppruvati u ttestjati kif rifless fir-Riżoluzzjonijiet tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti 74/247 u 75/282 jitqies bis-sħiħ. Għaldaqstant, il-Konvenzjoni hija kompatibbli mal-istrumenti internazzjonali eżistenti, b'mod partikolari l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Kriminalità Organizzata Tranżnazzjonali tal-2000 u l-protokolli tagħha, il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Korruzzjoni tal-2003, il-Konvenzjoni ta' Budapest tal-Kunsill tal-Ewropa dwar iċ-Ċiberkriminalità tal-2001 u l-protokolli tagħha, iżda wkoll strumenti internazzjonali u reġjonali rilevanti oħra, b'mod partikolari relatati mal-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali. Il-Konvenzjoni tevita kwalunkwe impatt fuq l-applikazzjoni tagħhom jew l-adeżjoni ulterjuri ta' kwalunkwe pajjiż ma' dawn l-istrumenti eżistenti u, sa fejn ikun possibbli, tevita duplikazzjoni bla bżonn. |
|
(7) |
Il-ħidma u l-eżiti tal-Grupp ta’ Esperti intergovernattiv miftuħ biex jitwettaq Studju Komprensiv dwar iċ-Ċiberkriminalità kif maqbul mir-Riżoluzzjoni 75/282 tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti jitqiesu bis-sħiħ. |
|
(8) |
Id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni jiksbu l-ogħla protezzjoni possibbli tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali. L-Istati Membri tal-UE għandhom ikunu jistgħu jikkonformaw mal-liġi internazzjonali u dik tal-UE, inkluż id-drittijiet fundamentali, il-libertajiet u l-prinċipji ġenerali tal-liġi tal-UE kif minquxa fit-Trattati tal-Unjoni Ewropea u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni għandhom ikunu kompatibbli wkoll mal-obbligi kummerċjali internazzjonali tal-UE u tal-Istati Membri tagħha. |
Rigward il-proċess tan-negozjati, l-Unjoni għandha timmira li tikseb li:
|
(9) |
Il-Konvenzjoni tipprevedi definizzjonijiet ta' reati li jistgħu jitwettqu biss bl-użu ta' sistemi tal-kompjuters. |
|
(10) |
Dment li jiġu ggarantiti kondizzjonijiet u salvagwardji suffiċjenti u protezzjoni adegwata tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali, bħala eċċezzjoni għall-prinċipju stipulat fil-paragrafu 9, il-Konvenzjoni tista' tipprevedi definizzjonijiet ta' reati li jistgħu jitwettqu mingħajr l-użu ta' sistemi tal-kompjuter iżda li jistgħu jiġu attivati bl-użu ta' sistemi tal-kompjuter f'ċerti ċirkostanzi, iżda biss f'każijiet fejn l-involviment ta' sistemi tal-kompjuter jibdel b'mod sostanzjali l-karatteristiċi jew l-impatt tar-reati. |
|
(11) |
Ir-reati jkunu definiti b’mod ċar u ristrett b’mod teknoloġikament newtrali. Id-definizzjonijiet jkunu kompatibbli ma' dawk f'konvenzjonijiet internazzjonali jew reġjonali rilevanti oħra b'mod partikolari fil-qasam taċ-ċibersigurtà, u ma' standards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali. |
|
(12) |
Il-Konvenzjoni tipprevedi regoli dwar l-għajnuna u l-assistenza u, fejn xieraq, dwar it-tentattiv ta' tali reati, dwar ir-responsabbiltà kemm ta' persuni fiżiċi kif ukoll dawk ġuridiċi għal tali reati, għal regoli dwar l-istabbiliment ta' ġuriżdizzjoni fuq tali reati, u dwar sanzjonijiet u miżuri effettivi, proporzjonati u dissważivi fir-rigward ta' tali reati li huma kompatibbli ma' konvenzjonijiet internazzjonali jew reġjonali rilevanti oħra b'mod partikolari fil-qasam tal-kriminalità organizzata jew iċ-ċiberkriminalità, u mal-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem. |
|
(13) |
Il-Konvenzjoni tipprevedi miżuri kriminali proċedurali li jippermettu lill-awtoritajiet jinvestigaw iċ-ċiberkriminalità b'mod effettiv, li jistgħu, dment li jkunu previsti salvagwardji suffiċjenti, jinkludu miżuri biex jippreservaw jew jiksbu evidenza elettronika ta' kwalunkwe reat kriminali bħala parti minn investigazzjoni jew proċediment kriminali u, fejn ikun hemm, barra minn hekk, ħtieġa u valur miżjud murija, miżuri għall-iffriżar u l-konfiska ta' rikavat minn tali reati, b'kont debitu meħud tal-prinċipji tal-proporzjonalità, tal-legalità u tan-neċessità, il-protezzjoni tad-drittijiet li jikkonċernaw ir-rispett għall-privatezza u l-protezzjoni tad-data personali. |
|
(14) |
Dawk il-miżuri kriminali proċedurali ma jikkontradixxux konvenzjonijiet internazzjonali jew reġjonali rilevanti oħra b'mod partikolari fil-qasam tal-kriminalità organizzata jew taċ-ċiberkriminalità, u huma kompatibbli ma' tali konvenzjonijiet u mal-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali. |
|
(15) |
Il-miżuri proċedurali biex tiġi ppreservata jew tinkiseb evidenza elettronika fihom definizzjoni ċara u stretta tat-tip ta' data koperta. Il-miżuri proċedurali għall-kooperazzjoni mal-entitajiet tas-settur privat jiżguraw li l-piż fuq dawn l-entitajiet ikun proporzjonat u li l-entitajiet tas-settur privat jirrispettaw bis-sħiħ il-liġijiet li jipproteġu d-drittijiet tal-bniedem tal-utenti tagħhom. Il-Konvenzjoni tipprovdi ċarezza legali għall-fornituri tas-servizzi online (eż. fornituri tas-servizz tal-Internet) fl-interazzjonijiet tagħhom mal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Partijiet għall-Konvenzjoni. Il-miżuri proċedurali għat-tneħħija ta' kontenut illegali huma relatati biss ma' kontenut illegali li jkun speċifiku biżżejjed u definit b'mod strett fil-Konvenzjoni. |
|
(16) |
Il-Konvenzjoni tipprevedi miżuri ta' kooperazzjoni li jippermettu lill-awtoritajiet fi Stati differenti li huma parti għall-istrument jikkooperaw b'mod effettiv permezz ta' assistenza legali reċiproka, inkluż bl-istabbiliment ta' punti ta' kuntatt, għall-fini ta' investigazzjonijiet jew proċedimenti kriminali li jikkonċernaw reati definiti fl-istrument. Hija tista' tipprevedi wkoll tali miżuri ta' kooperazzjoni għall-fini tal-preservazzjoni jew il-kisba ta' evidenza elettronika ta' kwalunkwe reat kriminali bħala parti minn investigazzjoni jew proċediment kriminali, dment li dawn il-miżuri jkunu soġġetti għal kondizzjonijiet u salvagwardji suffiċjenti skont il-liġi domestika tal-Istati, li għandhom jipprevedu l-protezzjoni adegwata tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali. |
|
(17) |
Dawk il-miżuri ta' kooperazzjoni huma kompatibbli ma' konvenzjonijiet internazzjonali jew reġjonali rilevanti oħra b'mod partikolari fil-qasam tal-kriminalità organizzata jew taċ-ċiberkriminalità, u ma jikkontradixxux tali konvenzjonijiet, standards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem u libertajiet fundamentali. |
|
(18) |
Il-miżuri ta' kooperazzjoni huma soġġetti għall-kundizzjonijiet previsti mil-liġi tal-Parti rikjesta u jipprevedu raġunijiet wiesgħa għal rifjut bħal li jiżguraw il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, inkluż id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali, anke fil-kuntest ta' trasferimenti ta' data personali, u, l-eżistenza ta' kriminalità doppja. |
|
(19) |
Il-Konvenzjoni tipprevedi kundizzjonijiet stretti u salvagwardji b'saħħithom biex jiġi żgurat li l-Istati Membri tal-UE jkunu jistgħu jirrispettaw u jipproteġu d-drittijiet fundamentali, il-libertajiet u l-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-UE kif minquxa fit-Trattati tal-Unjoni Ewropea u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, inkluż, b'mod partikolari, il-prinċipji tal-proporzjonalità, tal-legalità u tan-neċessità ta' reati kriminali u penali, il-garanziji u d-drittijiet proċedurali, id-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv, il-preżunzjoni tal-innoċenza, id-dritt għal proċess ġust, u d-drittijiet tad-difiża tal-persuni soġġetti għal proċedimenti kriminali, id-dritt li persuna ma tiġix iġġudikata jew ikkastigata darbtejn fi proċedimenti kriminali għall-istess reat kriminali, kif ukoll id-dritt għall-privatezza, id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali u tad-data tal-komunikazzjonijiet elettroniċi meta tali data tiġi pproċessata, inkluż għal trasferimenti lil awtoritajiet f'pajjiżi barra mill-Unjoni Ewropea, u d-dritt għal-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni. Il-Konvenzjoni tiżgura b’mod partikolari li l-Istati Membri tal-UE jkunu jistgħu jikkonformaw mar-rekwiżiti għat-trasferimenti internazzjonali ta’ data personali skont it-tifsira tad-Direttiva (UE) 2016/680, ir-Regolament (UE) 2016/679 u d-Direttiva 2002/58/KE. Il-kundizzjonijiet u s-salvagwardji jiżguraw ukoll il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali f’konformità mal-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem. Dan japplika għall-Konvenzjoni kollha, inkluż miżuri proċedurali u miżuri ta' kooperazzjoni, inkluż dawk li jistgħu jinterferixxu b'mod sinifikanti mad-drittijiet tal-individwi. |
|
(20) |
Il-Konvenzjoni tipprovdi bażi għal miżuri volontarji ta’ bini tal-kapaċità biex tappoġġa lill-pajjiżi fil-kapaċità tagħhom li jwettqu investigazzjonijiet u proċedimenti effettivi taċ-ċiberkriminalità u li jiksbu evidenza elettronika għal investigazzjonijiet u proċedimenti ta’ reati oħra, inkluż permezz ta’ assistenza teknika u taħriġ. L-UNODC għandu rwol deskritt b’mod ċar għall-implimentazzjoni ta’ tali miżuri. |
|
(21) |
Il-Konvenzjoni tiżgura li vittmi taċ-ċiberkriminalità jirċievu assistenza, appoġġ, protezzjoni u aċċess għal kumpens xierqa. |
|
(22) |
Il-Konvenzjoni tipprovdi bażi għal miżuri prattiċi għall-prevenzjoni taċ-ċiberkriminalità li huma definiti b’mod ċar u strettament limitati u distinti minn miżuri proċedurali kriminali li jistgħu jinterferixxu mad-drittijiet u l-libertajiet tal-individwi jew tal-persuni ġuridiċi. |
Rigward il-funzjonament tal-Konvenzjoni, l-Unjoni għandha timmira li tikseb li:
|
(23) |
Il-Konvenzjoni tippreserva l-istrumenti globali u reġjonali eżistenti u l-kooperazzjoni internazzjonali kontinwa fil-ġlieda globali kontra ċ-ċiberkriminalità. B’mod partikolari, l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, fir-relazzjonijiet reċiproċi tagħhom, jistgħu jkomplu japplikaw ir-regoli tal-Unjoni Ewropea. |
|
(24) |
Il-Konvenzjoni tipprevedi mekkaniżmu xieraq biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni tagħha u tipprevedi dispożizzjonijiet finali, inkluż dwar is-soluzzjoni tat-tilwim, l-iffirmar, ir-ratifika, l-aċċettazzjoni, l-approvazzjoni u l-adeżjoni, id-dħul fis-seħħ, l-emenda, is-sospensjoni, id-denunzja u d-depożitarju u l-lingwi li huma mmudellati fejn possibbli u xierqa skont id-dispożizzjonijiet ta’ konvenzjonijiet internazzjonali jew reġjonali rilevanti oħra b’mod partikolari fil-qasam tal-kriminalità organizzata jew iċ-ċiberkriminalità. |
|
(25) |
Il-Konvenzjoni tippermetti li l-Unjoni Ewropea ssir parti għaliha. |
B'mod ġenerali, il-proċedura għan-negozjati għandha tkun kif ġej:
|
(26) |
Il-Kummissjoni għandha tagħmel ħilitha biex tiżgura li l-Konvenzjoni tkun konsistenti mal-leġiżlazzjoni u mal-politiki rilevanti tal-Unjoni, kif ukoll mal-impenji tal-Unjoni skont ftehimiet multilaterali rilevanti oħra. |
|
(27) |
Il-Kummissjoni għandha twettaq negozjati f'isem l-Unjoni, għal kwistjonijiet li jaqgħu fil-kompetenza tagħha, f'konformità mat-Trattati, u li fir-rigward tagħhom l-Unjoni tkun adottat regoli. |
|
(28) |
In-negozjati, inkluż kull ċiklu ta' negozjati, iridu jitħejjew sew minn qabel. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Kunsill dwar l-iskeda antiċipata u l-kwistjonijiet li għandhom jiġu negozjati u għandha tikkondividi l-informazzjoni rilevanti kmieni kemm jista' jkun. |
|
(29) |
F'konformità mal-prinċipju tal-kooperazzjoni leali, il-Kummissjoni u l-Istati Membri jenħtieġ li jikkooperaw mill-qrib matul il-proċess ta' negozjati, inkluż permezz ta' kuntatti regolari mal-esperti u r-rappreżentanti tal-Istati Membri fi Vjenna u f'New York. |
|
(30) |
Is-sessjonijiet ta' negozjar għandhom ikunu preċeduti minn laqgħa tal-Grupp ta' Ħidma dwar il-Kooperazzjoni Ġudizzjarja f'Materji Kriminali sabiex jiġu identifikati l-kwistjonijiet ewlenin, jiġu fformulati l-opinjonijiet u tingħata gwida, inkluż il-formulazzjoni ta' dikjarazzjonijiet u riżervi, kif xieraq. |
|
(31) |
Il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Grupp ta' Ħidma dwar il-Kooperazzjoni Ġudizzjarja f'Materji Kriminali dwar l-eżitu tan-negozjati wara kull sessjoni ta' negozjar, inkluż bil-miktub. |
|
(32) |
Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Kunsill u tikkonsulta mal-Grupp ta' Ħidma dwar il-Kooperazzjoni Ġudizzjarja f'Materji Kriminali dwar kwalunkwe kwistjoni importanti li tista' tinqala' matul in-negozjati. |