|
2.6.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 151/66 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2022/865
tal-24 ta’ Mejju 2022
li tawtorizza lir-Repubblika Ċeka biex tintroduċi miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 395(1) tagħha,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
L-Artikolu 287, il-punt (7), tad-Direttiva 2006/112/KE iħalli lir-Repubblika Ċeka (iċ-Ċekja) teżenta mit-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) lil persuni soġġetti għat-taxxa li l-fatturat annwali tagħhom ma jaqbiżx l-ekwivalenti ta’ EUR 35 000 fil-munita nazzjonali bir-rata tal-konverżjoni fil-jum tal-adeżjoni tagħha. |
|
(2) |
Permezz ta’ ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fit-23 ta’ Novembru 2021, iċ-Ċekja talbet awtorizzazzjoni biex tintroduċi miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 287, il-punt (7), tad-Direttiva 2006/112/KE u b’hekk teżenta mill-VAT lil persuni soġġetti għat-taxxa li l-fatturat annwali tagħhom ma jaqbiżx l-ekwivalenti ta’ EUR 85 000 fil-munita nazzjonali bir-rata tal-konverżjoni fil-jum tal-adeżjoni tagħha (“il-miżura speċjali”). Il-miżura speċjali tkun applikabbli sal-31 ta’ Diċembru 2024, id-data sa meta l-Istati Membri għandhom jittrasponu d-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2020/285 (2). Minn dik id-Direttiva jirriżulta li, mill-1 ta’ Jannar 2025, l-Istati Membri ser jitħallew jeżentaw mill-VAT il-provvista ta’ merkanzija u ta’ servizzi magħmula minn persuni soġġetti għat-taxxa li l-fatturat annwali tagħhom fi Stat Membru partikolari ma jaqbiżx il-livell limitu ta’ EUR 85 000 jew l-ekwivalenti fil-munita nazzjonali. |
|
(3) |
Skont l-Artikolu 395(2), it-tieni subparagrafu, tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Kummissjoni bagħtet it-talba li għamlet iċ-Ċekja lill-Istati Membri l-oħra, permezz tal-ittra bid-data tas-16 ta’ Diċembru 2021. Permezz tal-ittra bid-data tal-20 ta’ Diċembru 2021, il-Kummissjoni għarrfet liċ-Ċekja li kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tivvaluta t-talba. |
|
(4) |
Il-miżura speċjali hija konformi mad-Direttiva (UE) 2020/285, li tfittex li tnaqqas il-piż tal-konformità tal-impriżi ż-żgħar u tevita d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni fis-suq intern. |
|
(5) |
Il-miżura speċjali ser tibqa’ fakultattiva għall-persuni soġġetti għat-taxxa peress li xorta jistgħu jagħżlu l-arranġamenti normali tal-VAT skont l-Artikolu 290 tad-Direttiva 2006/112/KE. |
|
(6) |
Skont l-informazzjoni pprovduta miċ-Ċekja, il-miżura speċjali ser ikollha effett negliġibbli biss fuq l-ammont kumplessiv tad-dħul mit-taxxa li ċ-Ċekja tiġbor fl-istadju tal-konsum finali. |
|
(7) |
Wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2021/769 (3), ma għandu jsir l-ebda kalkolu ta’ kumpens miċ-Ċekja fir-rigward tad-dikjarazzjoni tar-riżorsi proprji tal-VAT mis-sena finanzjarja 2022 ’il quddiem. |
|
(8) |
Peress li ċ-Ċekja qed tistenna li l- miżura speċjali ser tirriżulta fi tnaqqis tal-obbligi tal-VAT u b’hekk fi tnaqqis tal-piż amministrattiv u tal-ispejjeż ta’ konformità kemm għall-impriżi ż-żgħar kif ukoll għall-awtoritajiet tat-taxxa, u peress li mhu ser ikun hemm l-ebda impatt kbir fuq id-dħul totali ġġenerat mill-VAT, jenħtieġ li ċ-Ċekja tiġi awtorizzata tintroduċi l-miżura speċjali. |
|
(9) |
Jenħtieġ li l- l-applikazzjoni tal-miżura speċjali tkun limitata fiż-żmien. Jenħtieġ li l-limitu ta’ żmien ikun biżżejjed biex jippermetti li l-Kummissjoni tevalwa l-effettività u l-adegwatezza tal-livell limitu. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva (UE) 2020/285, l-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sal-31 ta’ Diċembru 2024, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw mal-Artikolu 1 ta’ dik id-Direttiva, li temenda d-Direttiva 2006/112/KE u tistipula regoli tal-VAT aktar sempliċi għall-impriżi ż-żgħar, u għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet mill-1 ta’ Jannar 2025. Għalhekk, jixraq li ċ-Ċekja tiġi awtorizzata tapplika l-miżura speċjali sal-31 ta’ Diċembru 2024, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
B’deroga mill-Artikolu 287, il-punt (7), tad-Direttiva 2006/112/KE, iċ-Ċekja hija awtorizzata li teżenta mill-VAT lill-persuni soġġetti għat-taxxa li l-fatturat annwali tagħhom ma jaqbiżx l-ekwivalenti ta’ EUR 85 000 fil-munita nazzjonali bir-rata tal-konverżjoni fil-jum tal-adeżjoni tagħha.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha ssir effettiva fid-data tan-notifika tagħha.
Għandha tapplika sal-31 ta’ Diċembru 2024.
Artikolu 3
Din id-deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Ċeka.
Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ Mejju 2022.
Għall-Kunsill
Il-President
B. LE MAIRE
(1) ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.
(2) Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2020/285 tat-18 ta’ Frar 2020 li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud fir-rigward tal-iskema speċjali għall-impriżi ż-żgħar u r-Regolament (UE) Nru 904/2010 fir-rigward tal-kooperazzjoni amministrattiva u l-iskambju ta’ informazzjoni għall-finijiet tal-monitoraġġ tal-applikazzjoni korretta tal-iskema speċjali għall-impriżi ż-żgħar (ĠU L 62, 2.3.2020, p. 13).
(3) Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2021/769 tat-30 ta’ April 2021 li jemenda r-Regolament (KEE, Euratom) Nru 1553/89 dwar l-arranġamenti uniformi definittivi għall-ġbir ta’ riżorsi proprji li jakkumulaw mit-taxxa tal-valur miżjud (ĠU L 165, 11.5.2021, p. 9).