|
30.5.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 147/33 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2022/830
tal-20 ta’ Mejju 2022
dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni Ewropea fil-ħamsa u sebgħin sessjoni tal-Assemblea Dinjija tas-Saħħa fir-rigward ta’ ċerti emendi għar-Regolamenti Internazzjonali tas-Saħħa (2005)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 168(5), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
Fil-qasam tas-saħħa pubblika, l-azzjoni tal-Unjoni, li għandha tikkomplementa l-politiki nazzjonali, għandha tindirizza t-titjib tas-saħħa pubblika, il-prevenzjoni tal-mard fiżiku u mentali, u l-evitar tas-sorsi ta’ periklu għas-saħħa fiżika u mentali. Tali azzjoni għandha tkopri wkoll il-monitoraġġ, it-twissija bikrija ta’ theddid transkonfinali serju għas-saħħa u l-ġlieda kontrih. Għal dak il-għan, l-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jikkultivaw kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi u mal-organizzazzjonijiet internazzjonali kompetenti fl-isfera tas-saħħa pubblika. |
|
(2) |
Ir-Regolamenti Internazzjonali tas-Saħħa (“IHR”) (2005) ġew adottati mill-Assemblea Dinjija tas-Saħħa tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (“WHO”) fit-23 ta’ Mejju 2005 u daħlu fis-seħħ fil-15 ta’ Ġunju 2007. |
|
(3) |
Fit-3 ta’ Marzu 2022, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (UE) 2022/451 li tawtorizza l-ftuħ tan-negozjati f’isem l-Unjoni Ewropea għal ftehim internazzjonali dwar il-prevenzjoni, it-tħejjija u r-rispons għall-pandemiji, kif ukoll emendi komplementari għar-Regolamenti Internazzjonali tas-Saħħa (2005) (1). |
|
(4) |
L-Assemblea Dinjija tas-Saħħa, waqt il-ħamsa u sebgħin sessjoni tagħha li tibda fit-22 ta’ Mejju 2022, għandha tadotta deċiżjoni dwar l-emendar tal-Artikolu 59 tal-IHR (2005), sabiex jitqassar il-perjodu neċessarju biex jiġu emendati ulterjorment id-dispożizzjonijiet tal-IHR (2005), b’mod partikolari billi l-perjodu għad-dħul fis-seħħ tal-emendi tagħhom jitnaqqas minn erbgħa u għoxrin xahar għal tnax-il xahar, flimkien mal-emendi relatati għall-Artikolu 55(3), l-Artikoli 61 u 62 u l-Artikolu 63(1), li huma neċessarji biex dawk l-artikoli jinġiebu f’konformità mal-emendi previsti għall-Artikolu 59 tal-IHR (2005). |
|
(5) |
Skont l-Artikolu 60(b) tal-Kostituzzjoni tad-WHO, l-Assemblea Dinjija tas-Saħħa tista’ tadotta deċiżjonijiet b’maġġoranza tal-membri tad-WHO preżenti li jkunu qed jivvutaw. |
|
(6) |
L-Unjoni tappoġġa l-objettiv li jitqassar il-perjodu neċessarju biex jiġu emendati ulterjorment id-dispożizzjonijiet tal-IHR (2005), u tqis li dawn l-emendi għall-Artikolu 59 tal-IHR (2005), kif ukoll għall-Artikolu 55(3), l-Artikoli 61 u 62 u l-Artikolu 63(1) tiegħu, se jippermettu li l-ħtiġijiet li qed jinbiddlu jiġu indirizzati b’mod aktar rapidu fl-oqsma koperti mill-IHR (2005). |
|
(7) |
Jixraq li tiġi stabbilita, għal materji li jaqgħu fil-kompetenza tal-Unjoni, il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni fl-Assemblea Dinjija tas-Saħħa fir-rigward tad-deċiżjoni, li l-Assemblea Dinjija tas-Saħħa hija mitluba tadotta, bl-għan li jiġi emendat l-Artikolu 59 tal-IHR (2005), kif ukoll l-Artikolu 55(3), l-Artikoli 61 u 62 u l-Artikolu 63(1) tal-IHR (2005). |
|
(8) |
Il-pożizzjoni tal-Unjoni għandha tiġi espressa mill-Istati Membri tal-Unjoni li huma membri tad-WHO, li jaġixxu b’mod konġunt, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni Ewropea matul il-ħamsa u sebgħin sessjoni tal-Assemblea Dinjija tas-Saħħa fir-rigward ta’ emendi għall-Artikoli 59 tal-IHR (2005), u emendi relatati għall-Artikolu 55(3), l-Artikoli 61 u 62 u l-Artikolu 63(1) tagħhom, għandha tkun f’konformità mal-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.
L-aġġustamenti għall-emendi li jinsabu fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni, li ma jipperikolawx il-kisba tal-objettiv ta’ dawk l-emendi u li ma jirriżultawx fi tqassir ulterjuri tal-perjodi ġeneralment applikabbli indikati fl-Anness, jistgħu jiġu miftiehma mill-Kummissjoni f’konsultazzjoni mal-Istati Membri u mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill.
Artikolu 2
Il-pożizzjoni msemmija fl-Artikolu 1 għandha tiġi espressa mill-Istati Membri tal-Unjoni li huma membri tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, li jaġixxu b’mod konġunt f’isem l-Unjoni.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Mejju 2022.
Għall-Kunsill
Il-President
J. BORRELL FONTELLES
ANNESS
A. Amendi għall-Artikolu 59 tar-Regolamenti Internazzjonali tas-Saħħa (2005)
L-Unjoni tappoġġa l-emendi li ġejjin għall-Artikolu 59 tar-Regolamenti Internazzjonali tas-Saħħa (2005) (it-test imħassar huwa fil-parenteżi kwadri u t-test il-ġdid huwa ssottolinjat):
Artikolu 59
Dħul fis-seħħ; perjodu għaċ-ċaħda jew għar-riżervi
1. Il-perjodu previst fl-eżekuzzjoni tal-Artikolu 22 tal-Kostituzzjoni tad-WHO għaċ-ċaħda ta’ dawn ir-Regolamenti [jew ta’ emenda għalihom,] jew ta’ riżerva għalihom, għandu jkun ta’ 18-il xahar mid-data tan-notifika mid-Direttur Ġenerali, dwar l-adozzjoni ta’ dawn ir-Regolamenti [jew ta’ emenda għal dawn ir-Regolamenti] mill-Assemblea tas-Saħħa. Kwalunkwe ċaħda jew riżerva li tasal għand id-Direttur Ġenerali wara l-iskadenza ta’ dak il-perjodu ma għandu jkollha l-ebda effett.
1bis. Il-perjodu previst fl-eżekuzzjoni tal-Artikolu 22 tal-Kostituzzjoni tad-WHO għaċ-ċaħda ta’ emenda għal dawn ir-Regolamenti, jew ta’ riżerva għaliha, għandu jkun ta’ disa’ xhur mid-data tan-notifika mid-Direttur Ġenerali, dwar l-adozzjoni ta’ emenda għal dawn ir-Regolamenti mill-Assemblea tas-Saħħa. Kwalunkwe ċaħda jew riżerva li tasal għand id-Direttur Ġenerali wara l-iskadenza ta’ dak il-perjodu ma għandu jkollha l-ebda effett.
2. Dawn ir-Regolamenti għandhom jidħlu fis-seħħ 24 xahar wara d-data tan-notifika msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, u l-emendi għal dawn ir-Regolamenti għandhom jidħlu fis-seħħ 12-il xahar wara d-data tan-notifika msemmija fil-paragrafu 1bis ta’ dan l-Artikolu, għajr għal:
|
|
(…) |
|
(b) |
Stat li jkun għamel riżerva, li minħabba fiha dawn ir-Regolamenti jew emenda għalihom għandhom jidħlu fis-seħħ kif previst fl-Artikolu 62; |
|
|
(…) |
3. Jekk Stat ma jkunx jista’ jaġġusta l-arranġamenti leġiżlattivi u amministrattivi domestiċi tiegħu kompletament ma’ dawn ir-Regolamenti jew ma’ emenda għalihom fil-perjodi stabbiliti fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, kif applikabbli, dak l-Istat għandu jippreżenta fil-perjodu applikabbli speċifikat fil-paragrafu 1 jew 1bis ta’ dan l-Artikolu, dikjarazzjoni lid-Direttur Ġenerali dwar l-aġġustamenti pendenti u jiksibhom mhux aktar tard minn 12-il xahar wara d-dħul fis-seħħ ta’ dawn ir-Regolamenti għal dik l-Istat Parti u mhux aktar tard minn sitt xhur wara d-dħul fis-seħħ ta’ emenda għal dawn ir-Regolamenti għal dak l-Istat Parti.
B. Emendi għall-Artikolu 55(3), l-Artikoli 61 u 62 u l-Artikolu 63(1) tar-Regolamenti Internazzjonali tas-Saħħa (2005)
L-Unjoni tappoġġa wkoll l-emendi tekniċi segwenti għall-Artikolu 55(3), l-Artikoli 61 u 62 u l-Artikolu 63(1) tar-Regolamenti Internazzjonali tas-Saħħa (2005) (it-test imħassar huwa fil-parenteżi kwadri u t-test il-ġdid huwa ssottolinjat):
Artikolu 55
Emendi
(…)
3. L-emendi għar-Regolamenti adottati mill-Assemblea tas-Saħħa skont dan l-Artikolu għandhom jidħlu fis-seħħ bl-istess termini għall-Istati Partijiet kollha, u jkunu soġġetti għall-istess drittijiet u obbligi, kif previst fl-Artikolu 22 tal-Kostituzzjoni tad-WHO u fl-Artikolu 59 sa 64 ta’ dawn ir-Regolamenti, soġġett għall-perjodi previsti f’dawk l-Artikoli fir-rigward ta’ emendi għal dawn ir-Regolamenti.
Artikolu 61
Ċaħda
Jekk Stat jinnotifika lid-Direttur Ġenerali dwar iċ-ċaħda tiegħu ta’ dawn ir-Regolamenti jew ta’ emenda għalihom fi żmien il-perjodu applikabbli previst fil-paragrafu1 jew 1bis tal-Artikolu 59, dawn ir-Regolamenti jew l-emenda kkonċernata ma għandhomx jidħlu fis-seħħ fir-rigward ta’ dak l-Istat. Kwalunkwe ftehim jew regolament internazzjonali dwar is-saħħa elenkat fl-Artikolu 58, li tali Stat diġà jkun parti għalihom għandhom jibqgħu fis-seħħ sa fejn tali Stat ikun ikkonċernat.
Artikolu 62
Riżerva
1. L-Istati jistgħu jagħmlu riżervi għal dawn ir-Regolamenti jew għal emenda għalihom f’konformità ma’ dan l-Artikolu. Tali riżervi ma għandhomx ikunu inkompatibbli mal-għan u l-iskop ta’ dawn ir-Regolamenti.
2. Ir-riżervi għal dawn ir-Regolamenti jew għal emenda għalihom għandhom jiġu nnotifikati lid-Direttur Ġenerali f’konformità mal-paragrafi 1 u 1bis tal-Artikolu 59 u tal-Artikolu 60, mal-paragrafu 1 tal-Artikolu 63 jew mal-paragrafu 1 tal-Artikolu 64, skont il-każ. Stat mhux Membru tad-WHO għandu jinnotifika lid-Direttur Ġenerali dwar kwalunkwe riżerva bin-notifika tiegħu dwar l-aċċettazzjoni ta’ dawn ir-Regolamenti. Jenħtieġ li l-Istati li jifformulaw r-riżervi jagħtu r-raġunijiet għar-riżervi lid-Direttur Ġenerali.
3. Ċaħda parzjali ta’ dawn ir-Regolamenti jew ta’ emenda għalihom għandha titqies bħala riżerva.
4. Id-Direttur Ġenerali għandu, f’konformità mal-paragrafu 2 tal-Artikolu 65, joħroġ notifika ta’ kull riżerva li jirċievi skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu. Id-Direttur Ġenerali għandu:
|
|
(…) |
|
(c) |
jekk ir-riżerva tkun saret għal emenda għal dawn ir-Regolamenti, jitlob lill-Istati Partijiet jinnotifikawh fi żmien tliet xhur bi kwalunkwe oġġezzjoni għar-riżerva. L-Istati Partijiet li joġġezzjonaw għal riżerva għal emenda għal dawn ir-Regolamenti jenħtieġ li jagħtu r-raġunijiet għall-oġġezzjoni lid-Direttur Ġenerali. |
L-Istati li joġġezzjonaw għal riżerva jenħtieġ li jagħtu r-raġunijiet għall-oġġezzjoni lid-Direttur Ġenerali.
5. Wara dan il-perjodu, id-Direttur Ġenerali għandu jinnotifika lill-Istati Partijiet kollha dwar l-oġġezzjonijiet li jkun irċieva fir-rigward tar-riżervi. Fil-każ li ssir riżerva għal dawn ir-Regolamenti, [S]sakemm ma ssirx oġġezzjoni għal riżerva minn terz tal-Istati msemmija fil-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu sa tmiem sitt xhur mid-data tan-notifika msemmija fil-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu, din għandha titqies bħala aċċettata u dawn ir-Regolamenti għandhom jidħlu fis-seħħ għall-Istat li jagħmel ir-riżerva, soġġett għar-riżerva. Fil-każ li ssir riżerva għal emenda għal dawn ir-Regolamenti, sakemm ma ssirx oġġezzjoni għal riżerva minn terz tal-Istati msemmija fil-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu sa tmiem tliet xhur mid-data tan-notifika msemmija fil-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu, din għandha titqies bħala aċċettata u l-emenda għandha tidħol fis-seħħ għall-Istat li jagħmel ir-riżerva, soġġett għar-riżerva.
6. Jekk mill-inqas terz tal-Istati msemmija fil-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu joġġezzjonaw għar-riżerva għal dawn ir-Regolamenti sa tmiem sitt xhur mid-data tan-notifika msemmija fil-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu[,] jew, fil-każ li ssir riżerva għal emenda għal dawn ir-Regolamenti sa tmiem tliet xhur mid-data tan-notifika msemmija fil-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu, id-Direttur Ġenerali għandu jinnotifika lill-Istat li jagħmel ir-riżerva bil-ħsieb li dan tal-aħħar jikkunsidra li jirtira r-riżerva fi żmien tliet xhur mid-data tan-notifika mid-Direttur Ġenerali.
(…)
9. Id-Direttur Ġenerali għandu jippreżenta r-riżerva, u jekk applikabbli, il-fehmiet tal-Kumitat ta’ Reviżjoni, lill-Assemblea tas-Saħħa għall-kunsiderazzjoni tagħha. Jekk l-Assemblea tas-Saħħa, b’vot ta’ maġġoranza, toġġezzjona għar-riżerva għar-raġuni li din tkun inkompatibbli mal-għan u l-iskop ta’ dawn ir-Regolamenti, ir-riżerva ma għandhiex tiġi aċċettata u dawn ir-Regolamenti jew emenda għalihom għandhom jidħlu fis-seħħ għall-Istat li jagħmel ir-riżerva biss wara li dan jirtira r-riżerva tiegħu skont l-Artikolu 63. Jekk l-Assemblea tas-Saħħa taċċetta r-riżerva, dawn ir-Regolamenti jew emenda għalihom għandhom jidħlu fis-seħħ għall-Istat li jagħmel ir-riżerva, soġġett għar-riżerva tiegħu.
Artikolu 63
Irtirar ta’ ċaħda u ta’ riżerva
1. Ċaħda li ssir skont l-Artikolu 61 tista’, fi kwalunkwe ħin, tiġi rtirata minn Stat billi jinnotifika lid-Direttur Ġenerali. F’tali każijiet, dawn ir-Regolamenti jew emenda għalihom, kif applikabbli, għandhom jidħlu fis-seħħ fir-rigward ta’ dak l-Istat mal-wasla tan-notifika għand id-Direttur Ġenerali, għajr meta l-Istat jagħmel riżerva meta jirtira ċ-ċaħda tiegħu. F’dan il-każ, dawn ir-Regolamenti jew emenda għalihom, kif applikabbli, għandhom jidħlu fis-seħħ kif previst fl-Artikolu 62. Dawn ir-Regolamenti fl-ebda każ ma għandhom jidħlu fis-seħħ fir-rigward ta’ dak l-Istat qabel 24 xahar wara d-data tan-notifika msemmija fil-paragrafu 1 tal-Artikolu 59 u fl-ebda każ ma għandha tidħol fis-seħħ emenda għal dawn ir-Regolamenti fir-rigward ta’ dak l-Istat qabel 12-il xahar wara d-data tan-notifika msemmija fil-paragrafu 1bis tal-Artikolu 59.
(…)