|
18.5.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 139/133 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/771
tat-13 ta’ April 2022
dwar il-konsistenza tal-miri tal-prestazzjoni li jinsabu fl-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni mressaq mill-Estonja skont ir-Regolament (KE) Nru 549/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill mal-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha għat-tielet perjodu referenzjarju
(notifikata bid-dokument C(2022) 2292)
(It-test bl-Estonjan biss huwa awtentiku)
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 549/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Marzu 2004 li jippreskrivi l-qafas għall-ħolqien tal-Ajru Uniku Ewropew (ir-Regolament qafas) (1), u b’mod partikolari il-punt (c) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 11(3) tiegħu,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/317 tal-11 ta’ Frar 2019 li jistabbilixxi skema ta’ prestazzjoni u imposti fl-Ajru Uniku Ewropew (2), u b’mod partikolari l-Artikolu (14)(2) tiegħu,
Billi:
KUNSIDERAZZJONIJIET ĠENERALI
|
(1) |
Skont l-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 549/2004 għandha titwaqqaf skema ta’ prestazzjoni għas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru u għall-funzjonijiet tan-network. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 10 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, l-Istati Membri għandhom ifasslu, fil-livell nazzjonali jew fil-livell ta’ blokok ta’ spazju tal-ajru funzjonali (“FABs”), miri vinkolanti ta’ prestazzjoni għal kull perjodu referenzjarju tal-iskema ta’ prestazzjoni għas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru u għall-funzjonijiet tan-network. Dawk il-miri tal-prestazzjoni jridu jkunu konsistenti mal-miri għall-Unjoni kollha adottati mill-Kummissjoni għall-perjodu referenzjarju kkonċernat. Il-Kummissjoni hija responsabbli biex tivvaluta jekk il-miri tal-prestazzjoni proposti li jinsabu fl-abbozzi tal-pjanijiet tal-prestazzjoni mfassla mill-Istati Membri humiex konsistenti mal-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha, billi tuża l-kriterji ta’ valutazzjoni stabbiliti fl-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317. |
|
(2) |
Mill-ewwel trimestru tas-sena kalendarja 2020, it-tifqigħa tal-pandemija tal-COVID-19 ħalliet impatt sinifikanti fuq is-settur tat-trasport bl-ajru u meta mqabbla mal-livelli ta’ qabel il-pandemija, naqqset b’mod konsiderevoli l-volumi tat-traffiku tal-ajru minħabba l-miżuri meħuda mill-Istati Membri u minn pajjiżi terzi biex tiġi kkontrollata l-pandemija. |
|
(3) |
Il-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha għat-tielet perjodu referenzjarju (“RP3”) ġew oriġinarjament stabbiliti fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/903 (3). Minħabba li dawk il-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha u l-abbozz tal-pjanijiet tal-prestazzjoni fl-RP3 sussegwentement imressqin mill-Istati Membri tfasslu qabel it-tifqigħa tal-pandemija tal-COVID-19, dawn ma setgħux iqisu ċ-ċirkostanzi li rriżultaw u nbidlu b’mod sinifikanti għat-trasport bl-ajru. |
|
(4) |
Bi tweġiba għall-impatt tal-pandemija tal-COVID-19 fuq il-provvista tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru, ġew stabbiliti miżuri eċċezzjonali għall-RP3, li jidderogaw mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1627 (4). Skont l-Artikolu 2(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1627, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/891 (5) li tistabbilixxi l-miri tal-prestazzjoni riveduti mal-Unjoni kollha għall-RP3 fit-2 ta’ Ġunju 2021. |
|
(5) |
Il-Kummissjoni tinnota li t-tbassir tat-traffiku bażi tas-Servizz tal-Istatistika u tat-Tbassir tal-Eurocontrol (“STATFOR”) ta’ Ottubru 2021 jipprevedi li t-traffiku tal-ajru fil-livell tal-Unjoni kollha se jilħaq il-livelli ta’ qabel il-pandemija tiegħu matul l-2023 u se jaqbeż dawk il-livelli fl-2024. Madankollu, il-livell ta’ inċertezza rigward l-iżvilupp tat-traffiku għadu partikolarment għoli minħabba r-riskji relatati mal-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni epidemjoloġika tal-COVID-19. Il-Kummissjoni tinnota wkoll li l-irkupru tat-traffiku mhuwiex mistenni li jkun uniformi fl-Istati Membri kollha. |
|
(6) |
L-Istati Membri kollha żviluppaw u adottaw abbozzi tal-pjanijiet tal-prestazzjoni li fihom miri tal-prestazzjoni lokali riveduti għall-RP3, li tressqu mill-Kummissjoni għall-valutazzjoni sal-1 ta’ Ottubru 2021. Wara l-verifika tal-kompletezza ta’ dawk l-abbozzi tal-pjanijiet tal-prestazzjoni, il-Kummissjoni talbet lill-Istati Membri jressqu l-abbozzi tal-pjanijiet tal-prestazzjoni aġġornati sas-17 ta’ Novembru 2021. Il-valutazzjoni tal-Kummissjoni ppreżentata f’din id-Deċiżjoni hija msejsa fuq l-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni aġġornat imressaq mill-Estonja. |
|
(7) |
Il-korp ta’ analiżi tal-prestazzjoni, li jassisti lill-Kummissjoni fl-implimentazzjoni tal-iskema tal-prestazzjoni skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (KE) Nru 549/2004, ressaq rapport lill-Kummissjoni li jinkludi l-parir tiegħu dwar il-valutazzjoni tal-abbozzi tal-pjanijiet tal-prestazzjoni tal-RP3. |
|
(8) |
F’konformità mal-Artikolu 14(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, il-Kummissjoni vvalutat il-konsistenza tal-miri tal-prestazzjoni lokali proposti mill-Estonja abbażi tal-kriterji ta’ valutazzjoni stabbiliti fil-punt 1 tal-Anness IV ta’ dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni, u qieset iċ-ċirkostanzi lokali. Fir-rigward ta’ kull qasam ewlieni tal-prestazzjoni u tal-miri tal-prestazzjoni relatati, il-Kummissjoni kkomplementat il-valutazzjoni billi rrieżaminat l-abbozzi tal-pjanijiet tal-prestazzjoni fir-rigward tal-elementi stabbiliti fil-punt 2 tal-Anness IV ta’ dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni. |
VALUTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI
Valutazzjoni tal-abbozzi tal-miri tal-prestazzjoni fil-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tas-sikurezza
|
(9) |
Fir-rigward tal-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tas-sikurezza, il-Kummissjoni vvalutat il-konsistenza tal-miri mressqin mill-Estonja rigward l-effettività tal-ġestjoni tas-sikurezza tal-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru abbażi tal-kriterju stabbilit fil-punt 1.1 tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317. Dik il-valutazzjoni saret filwaqt li tqiesu ċ-ċirkostanzi lokali u ġiet ikkomplementata mir-rieżami tal-miżuri ppjanati biex jintlaħqu l-miri tas-sikurezza fir-rigward tal-elementi stabbiliti fil-punt 2.1(a) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317. |
|
(10) |
L-abbozzi tal-miri tal-prestazzjoni fil-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tas-sikurezza proposti mill-Estonja fir-rigward tal-effettività tal-ġestjoni tas-sikurezza, imqassma skont l-objettiv tal-ġestjoni tas-sikurezza u espressi bħala livell ta’ implimentazzjoni, huma kif ġej:
|
||||||||||||||||||||||||||||||||||||||
|
(11) |
Il-Kummissjoni sabet li l-abbozzi tal-miri tas-sikurezza proposti mill-Estonja għall-fornitur tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru (EANS) huma ugwali għall-miri tas-sikurezza mal-Unjoni kollha fir-rigward ta’ kull sena kalendarja mill-2021 sal-2024. |
|
(12) |
Il-Kummissjoni tinnota li l-abbozz tal-pjan ta’ prestazzjoni mressaq mill-Estonja jistabbilixxi miżuri għal EANS biex jintlaħqu l-miri lokali tas-sikurezza, fosthom attivitajiet f’konformità mal-Programm tal-Istat għas-Sikurezza, il-parteċipazzjoni fl-Istudju tal-Eurocontrol u tal-CANSO dwar l-Istandard ta’ Eċċellenza għall-Maturità fil-qafas tas-Sikurezza u azzjonijiet ulterjuri meħuda bħala parti mill-Istrateġija tas-Sikurezza tal-EANS. |
|
(13) |
Abbażi tas-sejbiet stabbiliti fil-premessi (11) u (12), u meta jitqies li l-miri tal-prestazzjoni tas-sikurezza mal-Unjoni kollha stabbiliti fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/891 iridu jintlaħqu sal-aħħar sena tal-RP3, jiġifieri l-2024, jenħtieġ li l-abbozzi tal-miri inklużi fl-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni tal-Estonja jiġu vvalutati bħala konsistenti mal-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha fil-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tas-sikurezza. |
Valutazzjoni tal-abbozzi tal-miri tal-prestazzjoni fil-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tal-ambjent
|
(14) |
Fir-rigward tal-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tal-ambjent, ġiet ivvalutata l-konsistenza tal-miri mressqin mill-Estonja rigward l-effiċjenza tat-titjir medja orizzontali en route tat-trajettorja reali abbażi tal-kriterju stabbilit fil-punt 1.2 tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317 tal-Estonja. Għaldaqstant, il-miri proposti li jinsabu fl-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni tqabblu mal-valuri referenzjarji rilevanti tal-effiċjenza tat-titjir orizzontali en route stabbiliti fil-Pjan ta’ Titjib tan-Network Ewropew tar-Rotot (“ERNIP”) disponibbli fiż-żmien tal-adozzjoni tal-miri tal-prestazzjoni riveduti mal-Unjoni kollha għall-RP3, jiġifieri fit-2 ta’ Ġunju 2021. Dik il-valutazzjoni saret filwaqt li tqiesu ċ-ċirkostanzi lokali u ġiet ikkomplementata mir-rieżami tal-miżuri ppjanati biex jintlaħqu l-miri tal-ambjent skont il-punt 2.1(a) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317. |
|
(15) |
Fir-rigward tas-sena kalendarja 2020, il-mira tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha għall-RP3 fil-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tal-ambjent, li inizjalment ġiet stabbilita fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/903, ma ġietx riveduta bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/891, meta wieħed iqis li l-perjodu ta’ żmien għall-applikazzjoni ta’ dik il-mira kien skada u li l-implimentazzjoni tagħha għalhekk kienet saret definittiva u ma ħalliet l-ebda possibbiltà għal aġġustamenti retroattivi. Għaldaqstant, fl-abbozzi tal-pjanijiet tal-prestazzjoni mressqin sal-1 ta’ Ottubru 2021, l-Istati Membri ma ntalbux jirrevedu l-miri tal-prestazzjoni lokali tagħhom għas-sena kalendarja 2020 fil-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tal-ambjent. Għalhekk, jenħtieġ li l-konsistenza tal-miri tal-prestazzjoni ambjentali lokali mal-miri tal-prestazzjoni korrispondenti mal-Unjoni kollha tiġi vvalutata fir-rigward tas-snin kalendarji 2021, 2022, 2023 u 2024. |
|
(16) |
L-abbozzi tal-miri tal-prestazzjoni fil-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tal-ambjent proposti mill-Estonja u l-valuri referenzjarji nazzjonali korrispondenti għall-RP3 mill-ERNIP, espressi bħala l-effiċjenza tat-titjir medja orizzontali en route tat-trajettorja reali, huma kif ġej:
|
|
(17) |
Il-Kummissjoni tosserva li l-abbozzi tal-miri tal-ambjent proposti mill-Estonja huma ugwali għall-valuri referenzjarji nazzjonali korrispondenti għal kull sena kalendarja mill-2021 sal-2024. |
|
(18) |
Fir-rigward tal-punt 2.1(a) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, il-Kummissjoni tinnota li fl-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni, l-Estonja ppreżentat miżuri biex jintlaħqu l-miri tal-ambjent lokali fosthom pjan ta’ tranżizzjoni għan-navigazzjoni bbażata fuq il-prestazzjoni (PBN) kif ukoll kollaborazzjoni transfruntiera kontinwa mal-Finlandja fi ħdan il-proġett FINEST. |
|
(19) |
Barra minn hekk, il-Kummissjoni tosserva li l-Estonja diġà implimentat l-ispazju tal-ajru b’rotot liberi (FRA) bejn il-livell 95 ta’ titjir (FL) u l-FL660. |
|
(20) |
Abbażi tas-sejbiet stabbiliti fil-premessi (17) sa (19), jenħtieġ li l-abbozzi tal-miri inklużi fl-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni tal-Estonja jiġu vvalutati bħala konsistenti mal-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha fil-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tal-ambjent. |
Valutazzjoni tal-abbozzi tal-miri tal-prestazzjoni fil-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tal-kapaċità
|
(21) |
Fir-rigward tal-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tal-kapaċità, ġiet ivvalutata l-konsistenza tal-miri mressqin mill-Estonja rigward id-dewmien medju tal-ġestjoni tal-fluss tat-traffiku tal-ajru (“ATFM”) en route għal kull titjira abbażi tal-kriterju stabbilit fil-punt 1.3 tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317. Għaldaqstant, il-miri proposti li jinsabu fl-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni tal-Estonja tqabblu mal-valuri referenzjarji rilevanti stabbiliti fil-Pjan Operazzjonali tan-Network disponibbli fiż-żmien tal-adozzjoni tal-miri tal-prestazzjoni riveduti mal-Unjoni kollha għall-RP3, jiġifieri fit-2 ta’ Ġunju 2021. Dik il-valutazzjoni saret filwaqt li tqiesu ċ-ċirkostanzi lokali u ġiet ikkomplementata mir-rieżami tal-miżuri ppjanati biex jintlaħqu l-miri tal-kapaċità skont il-punt 2.1(a) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317. |
|
(22) |
Fir-rigward tas-sena kalendarja 2020, il-mira tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha għall-RP3 fil-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tal-kapaċità, li inizjalment ġiet stabbilita fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/903, ma ġietx riveduta bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/891, meta wieħed iqis li l-perjodu ta’ żmien għall-applikazzjoni ta’ dik il-mira kien skada u li għalhekk l-implimentazzjoni tagħha kienet saret definittiva u ma ħalliet l-ebda possibbiltà għal aġġustamenti retroattivi. Għaldaqstant, fl-abbozzi tal-pjanijiet tal-prestazzjoni mressqin sal-1 ta’ Ottubru 2021, l-Istati Membri ma ntalbux jirrevedu l-miri tal-prestazzjoni lokali tagħhom għas-sena kalendarja 2020 fil-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tal-kapaċità. Għalhekk, jenħtieġ li l-konsistenza tal-miri tal-prestazzjoni tal-kapaċità lokali mal-miri tal-prestazzjoni korrispondenti mal-Unjoni kollha tiġi ivvalutata fir-rigward tas-snin kalendarji 2021, 2022, 2023 u 2024. |
|
(23) |
L-abbozzi tal-miri tal-kapaċità en route proposti mill-Estonja għall-RP3, espressi f’minuti ta’ dewmien tal-ATFM għal kull titjira, kif ukoll il-valuri referenzjarji korrispondenti mill-Pjan Operazzjonali tan-Network huma kif ġej:
|
|
(24) |
Il-Kummissjoni tosserva li l-abbozzi tal-miri tal-kapaċità proposti mill-Estonja huma ugwali għall-valuri referenzjarji nazzjonali korrispondenti għal kull sena kalendarja mill-2021 sal-2024. |
|
(25) |
Fir-rigward tal-punt 2.1(a) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, il-Kummissjoni tinnota li fl-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni, l-Estonja ppreżentat miżuri biex jintlaħqu l-miri tal-kapaċità en route, b’mod partikolari l-kollaborazzjoni transfruntiera kontinwa mal-Finlandja fi ħdan il-proġett FINEST li tippermetti settorizzazzjoni transfruntiera dinamika. |
|
(26) |
Abbażi tas-sejbiet stabbiliti fil-premessi (24) u (25), jenħtieġ li l-abbozzi tal-miri inklużi fl-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni tal-Estonja jiġu vvalutati bħala konsistenti mal-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha fil-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tal-kapaċità. |
Rieżami tal-abbozzi tal-miri tal-kapaċità għas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru fit-terminal
|
(27) |
Fir-rigward tal-ajruporti li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317 kif stabbilit fl-Artikoli 1(3) u (4) ta’ dak ir-Regolament, il-Kummissjoni kkomplementat il-valutazzjoni tagħha tal-abbozzi tal-miri tal-kapaċità en route bir-rieżami tal-abbozzi tal-miri tal-kapaċità għas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru fit-terminal f’konformità mal-punt 2.1(b) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317. Instab li dawk l-abbozzi tal-miri ma jqajmu l-ebda tħassib fir-rigward tal-Estonja. |
Valutazzjoni tal-abbozzi tal-miri tal-prestazzjoni fil-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tal-kosteffiċjenza
|
(28) |
Fir-rigward tal-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tal-kosteffiċjenza, ġiet ivvalutata l-konsistenza tal-miri mressqin mill-Estonja rigward il-kostijiet unitarji ddeterminati (“DUC”) għas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru en route abbażi tal-kriterji stabbiliti fil-punti 1.4(a), (b) u (c) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317. Dawk il-kriterji jikkonsistu mix-xejra tal-kost unitarju ddeterminat matul l-RP3, mix-xejra fit-tul tad-DUC matul it-tieni perjodu referenzjarju (“RP2”) u l-RP3 (2015-2024), u mill-valur bażi għad-DUC fil-livell taż-żona tal-imposti meta mqabbel mal-valur medju taż-żoni tal-imposti fejn il-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru għandhom ambjent operazzjonali u ekonomiku simili. |
|
(29) |
Il-valutazzjoni tal-miri tal-kosteffiċjenza en route saret filwaqt li tqiesu ċ-ċirkostanzi lokali. Dan ġie kkomplementat mir-rieżami tal-fatturi u l-parametri ewlenin li jirfdu dawk il-miri kif speċifikat fil-punt 2.1(d) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317. |
|
(30) |
L-abbozzi tal-miri tal-kosteffiċjenza en route proposti mill-Estonja għall-RP3 huma kif ġej:
|
|
(31) |
Fir-rigward tal-kriterju stabbilit fil-punt 1.4(a) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, il-Kummissjoni tosserva li x-xejra tad-DUC en route tal-Estonja fil-livell taż-żona tal-imposti ta’ -1,7 % matul l-RP3 tisboq ix-xejra mal-Unjoni kollha ta’ +1,0 % matul l-istess perjodu. |
|
(32) |
Fir-rigward tal-kriterju stabbilit fil-punt 1.4(b) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, il-Kummissjoni tosserva li x-xejra fit-tul tad-DUC en route tal-Estonja fil-livell taż-żona tal-imposti matul l-RP2 u l-RP3 ta’ +2,0 % hija inqas mix-xejra fit-tul mal-Unjoni kollha ta’ -1,3 % matul l-istess perjodu. |
|
(33) |
Fir-rigward tal-kriterju stabbilit fil-punt 1.4(c) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, il-Kummissjoni tosserva li l-valur bażi għad-DUC ta’ EUR 32,13 tal-Estonja f’termini reali bil-prezzijiet tal-2017 (“EUR 2017”) huwa 19,8 % ogħla mill-valur bażi medju ta’ EUR 26,81 fl-EUR 2017 tal-grupp komparatur rilevanti. Madankollu, id-DUC tal-Estonja huwa ogħla mill-grupp komparatur matul il-perjodu referenzjarju u għalhekk fl-2024 se jilħaq livell li jkun inqas b’3,0 % mill-medja tal-grupp komparatur. |
|
(34) |
Il-Kummissjoni eżaminat ukoll jekk id-devjazzjonijiet osservati fil-premessi (32) u (33) jistgħux jitqiesu neċessarji u proporzjonati skont il-punt 1.4(d) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, diment li d-devjazzjoni osservata mix-xejra fit-tul tad-DUC mal-Unjoni kollha tkun dovuta esklussivament għall-kostijiet iddeterminati addizzjonali relatati mal-miżuri neċessarji biex jintlaħqu l-miri tal-prestazzjoni fil-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tal-kapaċità jew għall-miżuri ta’ ristrutturar skont it-tifsira tal-Artikolu 2(18) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317. |
|
(35) |
Fir-rigward tal-kriterju stabbilit skont il-punt 1.4(d)(i) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, fl-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni tal-Estonja, il-Kummissjoni ma sabitx informazzjoni li tissuġġerixxi li d-devjazzjoni mix-xejra tad-DUC fit-tul mal-unjoni kollha msemmija fil-premessa (32) se tkun dovuta esklussivament għall-kostijiet iddeterminati addizzjonali relatati mal-miżuri neċessarji biex jintlaħqu l-miri tal-prestazzjoni tal-kapaċità lokali. Għalhekk, il-kriterju stabbilit fil-punt 1.4(d)(i) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317 mhuwiex issodisfat fir-rigward tal-Estonja. |
|
(36) |
Fir-rigward tal-kriterju stabbilit fil-punt 1.4(d)(ii) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, fl-abbozz tal-pjan ta’ prestazzjoni tagħha, l-Estonja invokat bħala kostijiet ta’ ristrutturar, il-kostijiet assoċjati mal-proġett FINEST li ġġarrbu fil-qafas ta’ kooperazzjoni bilaterali bejn il-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru Estonjani u Finlandiżi għall-fini ta’ implimentazzjoni tas-servizzi tat-traffiku tal-ajru transfruntiera dinamiċi. Il-Kummissjoni tinnota li l-proġett FINEST għandu l-għan li joħloq ambjent tal-ispazju tal-ajru b’rotot liberi u mingħajr fruntieri fl-ispazju tal-ajru Estonjan u Finlandiż, biex jippermetti s-settorizzazzjoni transfruntiera u dinamika tal-ispazju tal-ajru, u jinħolqu s-sinerġiji permezz tal-użu konġunt u tal-ippjanar tar-riżorsi. Diġà ġew implimentati firxa wiesgħa ta’ miżuri preparatorji fil-qafas tal-proġett FINEST bl-objettiv li sa tmiem l-2022, jibdew jiġu pprovduti servizzi transfruntiera. |
|
(37) |
L-Estonja tirrapporta li l-proġett FINEST iwassal għal kostijiet relatati mal-persunal, mal-attivitajiet ta’ taħriġ, ma’ vjaġġar għall-implimentazzjoni tal-proġetti, kif ukoll ma’ software u sistemi ġodda. L-Estonja tenfasizza li l-investimenti fil-hardware u fis-software tas-sistema tal-ATM matul l-RP3 huma prekondizzjoni għall-kooperazzjoni FINEST, peress li l-proġett jinkludi l-implimentazzjoni ta’ sistema tal-ATM unifikata fl-Estonja u fil-Finlandja. |
|
(38) |
Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-proġett FINEST huwa previst li jwassal benefiċċji sostanzjali f’termini ta’ flessibbiltà, ta’ effiċjenza u ta’ kwalità tas-servizzi, filwaqt li jimminimizza d-dewmien fil-ġestjoni tal-fluss tat-traffiku tal-ajru. Il-kisbiet finanzjarji li rriżultaw ġew kkwantifikati mill-Estonja bħala parti minn analiżi tal-kost-benefiċċji, li abbażi tagħha l-Estonja tistma li se jimmaterjalizza benefiċċju finanzjarju nett għall-utenti tal-ispazju tal-ajru ladarba t-traffiku jirkupra għal-livelli ta’ qabel il-pandemija. |
|
(39) |
Abbażi tal-analiżi dettaljata mill-korp ta’ analiżi tal-prestazzjoni tal-miżuri rrappurtati mill-Estonja fir-rigward tal-proġett FINEST, il-Kummissjoni tqis li l-kostijiet relatati jikkwalifikaw bħala kostijiet ta’ ristrutturar skont it-tifsira tal-Artikolu 2(18) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, minħabba li l-proġett iwassal mudell u proċeduri ta’ negozju għal forniment integrat tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru fuq bażi transfruntiera. Barra minn hekk, wara li qieset l-evalwazzjoni li saret mill-korp ta’ analiżi tal-prestazzjoni, il-Kummissjoni sabet li d-devjazzjoni mix-xejra tad-DUC fit-tul mal-Unjoni kollha msemmija fil-premessa (32) tista’ tiġi attribwita lill-kostijiet ta’ ristrutturar irrapportati mill-Estonja fir-rigward tal-proġett FINEST. |
|
(40) |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet fil-premessi (36) sa (39), il-Kummissjoni ssib li l-kriterju stabbilit fil-punt 1.4(d)(ii) huwa ssodisfat fir-rigward tal-Estonja. |
|
(41) |
Abbażi tas-sejbiet stabbiliti fil-premessi (28) sa (40), jenħtieġ li l-abbozzi tal-miri inklużi fl-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni tal-Estonja jiġu vvalutati bħala konsistenti mal-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha fil-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tal-kosteffiċjenza. |
Rieżami tal-abbozzi tal-miri tal-kosteffiċjenza għas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru fit-terminal
|
(42) |
Fir-rigward tal-ajruporti li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317 kif stabbilit fl-Artikoli 1(3) u (4) ta’ dak ir-Regolament, il-Kummissjoni kkomplementat il-valutazzjoni tagħha tal-abbozzi tal-miri tal-kosteffiċjenza en route bir-rieżami tal-abbozzi tal-miri tal-kosteffiċjenza għas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru fit-terminal f’konformità mal-punt 2.1(c) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317. Ma nstabx li dawk l-abbozzi tal-miri jqajmu tħassib fir-rigward tal-Estonja. |
Rieżami tal-iskemi ta’ inċentivi msemmija fl-Artikolu 11 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317 li jikkomplementa l-valutazzjoni mill-Kummissjoni tal-abbozzi tal-miri tal-kapaċità
|
(43) |
F’konformità mal-punt 2.1(f) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, b’rabta mal-abbozzi tal-miri tal-kapaċità, il-Kummissjoni kkomplementat il-valutazzjoni tagħha b’rieżami tal-abbozzi tal-iskemi ta’ inċentivi msemmija fl-Artikolu 11 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni eżaminat jekk l-abbozzi tal-iskemi ta’ inċentivi jissodisfawx ir-rekwiżiti sostantivi stabbiliti fl-Artikolu 11(1) u (3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317. Instab li l-abbozzi tal-iskemi ta’ inċentivi li jinsabu fl-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni tal-Estonja jqajmu tħassib. |
|
(44) |
Il-Kummissjoni tosserva li kemm l-iskema ta’ inċentivi tal-kapaċità en route kif ukoll l-iskema ta’ inċentivi tal-kapaċità fit-terminal proposti fl-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni tal-Estonja jinkludu żvantaġġ finanzjarju massimu li jammonta għal 0,5 % tal-kostijiet iddeterminati u vantaġġ finanzjarju massimu li jammonta għal 0,0 % tal-kostijiet iddeterminati. |
|
(45) |
Fir-rigward ta’ dawk l-iskemi ta’ inċentivi, abbażi tal-parir espert ipprovdut mill-korp ta’ analiżi tal-prestazzjoni, il-Kummissjoni għandha dubji kbar dwar jekk l-iżvantaġġ finanzjarju massimu propost, li jammonta għal 0,5 % tal-kostijiet iddeterminati, huwiex se jkollu xi impatt materjali fuq id-dħul f’riskju, kif meħtieġ skont il-punt (a) tal-Artikolu 11(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317. |
|
(46) |
Għalhekk, jenħtieġ li l-Estonja tirrevedi, b’rabta mal-adozzjoni tal-pjan tal-prestazzjoni finali tagħha f’konformità mal-Artikolu 16(a) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, l-iskemi ta’ inċentivi tagħha għall-ilħuq tal-miri tal-kapaċità en route u fit-terminal sabiex l-iżvantaġġi finanzjarji massimi li jirriżultaw minn dawk l-iskemi ta’ inċentivi jiġu stabbiliti f’livell li jkollu impatt materjali fuq id-dħul f’riskju, kif meħtieġ b’mod dirett skont il-punt (a) tal-Artikolu 11(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, li fil-fehma tal-Kummissjoni jenħtieġ li jwassal għal żvantaġġ finanzjarju massimu li jkun daqs jew ogħla minn 1 % tal-kostijiet iddeterminati. |
KONKLUŻJONIJIET
|
(47) |
Abbażi tal-valutazzjoni stabbilita fil-premessi (10) sa (46), il-Kummissjoni sabet li l-miri tal-prestazzjoni li jinsabu fl-abbozzi tal-pjanijiet tal-prestazzjoni mressqin mill-Estonja huma konsistenti mal-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha. |
|
(48) |
Il-Kummissjoni tinnota li xi Stati Membri indikaw li biħsiebhom jinkludu l-entrati tal-kostijiet relatati mad-detezzjoni tad-droni tal-ajruport fil-bażijiet tal-kostijiet tal-RP3 tagħhom. Ma kienx possibbli li jiġi stabbilit b’mod preċiż, abbażi tal-elementi li jinsabu fl-abbozzi tal-pjanijiet tal-prestazzjoni, sa liema punt l-Istati Membri inkludew tali kostijiet iddeterminati fil-bażijiet tal-kostijiet tal-RP3 tagħhom u, fejn ġew inklużi dawn il-kostijiet, sa liema punt jiġġarrbu fir-rigward tal-forniment ta’ servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru u b’hekk jistgħux jitqiesu eliġibbli skont l-iskema ta’ prestazzjoni u ta’ imposti. Is-servizzi tal-Kummissjoni bagħtu talba għal informazzjoni ad hoc lill-Istati Membri kollha sabiex jiġbru informazzjoni rilevanti, u se jkomplu jeżaminaw il-kostijiet tad-detezzjoni tad-droni fl-ajruporti rrapportati fil-kuntest tal-verifika tal-konformità tar-rata unitarja. Din id-Deċiżjoni hija mingħajr preġudizzju għas-sejbiet u għall-konklużjonijiet tal-Kummissjoni dwar is-suġġett tal-kostijiet tad-detezzjoni tad-droni. |
|
(49) |
B’reazzjoni għall-aggressjoni militari tar-Russja kontra l-Ukrajna, li bdiet fl-24 ta’ Frar 2022, l-Unjoni adottat miżuri restrittivi li jipprojbixxu lit-trasportaturi tal-ajru Russi, lil kwalunkwe inġenju tal-ajru rreġistrat fir-Russja u lil kwalunkwe inġenju tal-ajru mhux irreġistrat fir-Russja li huwa l-proprjetà jew mikri, jew ikkontrollat minn persuna fiżika jew ġuridika Russa, minn entità jew minn korp Russu milli jinżlu fit-territorju tal-Unjoni, jew jitilqu minnu, jew jittajru fuqu. Dawk il-miżuri qed iwasslu għal tnaqqis fit-traffiku tal-ajru fl-ispazju tal-ajru fuq it-territorju tal-Unjoni. Madankollu, jenħtieġ li l-impatt fil-livell tal-Unjoni kollha ma jkunx komparabbli mat-tnaqqis tat-traffiku tal-ajru li rriżulta mit-tifqigħa tal-pandemija tal-COVID-19 f’Marzu 2020. Għalhekk, jixraq li jinżammu l-miżuri u l-proċessi eżistenti għall-implimentazzjoni tal-iskema tal-prestazzjoni u tal-imposti fl-RP3. |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-miri tal-prestazzjoni li jinsabu fl-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni mressaq mill-Estonja, skont ir-Regolament (KE) Nru 549/2004 u elenkati fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni, huma konsistenti mal-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha għat-tielet perjodu referenzjarju stabbiliti fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/891.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Estonja.
Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ April 2022.
Għall-Kummissjoni
Adina VĂLEAN
Membru tal-Kummissjoni
(2) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/317 tal-11 ta’ Frar 2019 li jistabbilixxi skema ta’ prestazzjoni u imposti fl-Ajru Uniku Ewropew u li jħassar ir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 390/2013 u (UE) Nru 391/2013 (ĠU L 56, 25.2.2019, p. 1).
(3) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/903 tad-29 ta’ Mejju 2019 li tistabbilixxi l-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha għan-network tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru għat-tielet perjodu ta’ referenza li jibda fl-1 ta’ Jannar 2020 u li jintemm fil-31 ta’ Diċembru 2024 (ĠU L 144, 3.6.2019, p. 49).
(4) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1627 tat-3 ta’ Novembru 2020 dwar miżuri eċċezzjonali għat-tielet perjodu ta’ referenza (2020-2024) tal-iskema ta’ prestazzjoni u imposti tal-ajru uniku Ewropew minħabba l-pandemija tal-COVID-19 (ĠU L 366, 4.11.2020, p. 7).
(5) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/891 tat-2 ta’ Ġunju 2021 li tistabbilixxi l-miri tal-prestazzjoni riveduti mal-Unjoni kollha għan-network tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru għat-tielet perjodu referenzjarju (2020-2024) u li tħassar id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/903 (ĠU L 195, 3.6.2021, p. 3).
ANNESS
Miri tal-prestazzjoni inklużi fl-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni, imressaq mill-Estonja skont ir-Regolament (KE) Nru 549/2004, li nstabu konsistenti mal-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha għat-tielet perjodu referenzjarju.
QASAM EWLIENI TAL-PRESTAZZJONI TAS-SIKUREZZA
Effettività tal-ġestjoni tas-sikurezza
|
L-Estonja |
Miri dwar l-effettività tal-ġestjoni tas-sikurezza, espressi bħala livell ta’ implimentazzjoni, li jvarjaw mil-livell A sa D tal-EASA |
||||
|
Fornitur tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru kkonċernat |
Objettiv tal-ġestjoni tas-sikurezza |
2021 |
2022 |
2023 |
2024 |
|
EANS |
Politika u objettivi tas-sikurezza |
C |
C |
C |
C |
|
Ġestjoni tar-riskju għas-sikurezza |
D |
D |
D |
D |
|
|
Assigurazzjoni tas-sikurezza |
C |
C |
C |
C |
|
|
Promozzjoni tas-sikurezza |
C |
C |
C |
C |
|
|
Kultura tas-sikurezza |
C |
C |
C |
C |
|
QASAM EWLIENI TAL-PRESTAZZJONI TAL-AMBJENT
Effiċjenza tat-titjir medja orizzontali en route tat-trajettorja reali
|
|
2021 |
2022 |
2023 |
2024 |
|
Abbozzi tal-miri tal-ambjent en route tal-Estonja, espressi bħala l-effiċjenza tat-titjir medja orizzontali en route tat-trajettorja reali |
1,22 % |
1,22 % |
1,22 % |
1,22 % |
|
Valuri referenzjarji għall-Estonja |
1,22 % |
1,22 % |
1,22 % |
1,22 % |
QASAM EWLIENI TAL-PRESTAZZJONI TAL-KAPAĊITÀ
Dewmien medju tal-ATFM en route f’minuti għal kull titjira
|
|
2021 |
2022 |
2023 |
2024 |
|
Abbozzi tal-miri tal-kapaċità en route tal-Estonja, f’minuti ta’ dewmien tal-ATFM għal kull titjira |
0,01 |
0,03 |
0,03 |
0,03 |
|
Valuri referenzjarji għall-Estonja |
0,01 |
0,03 |
0,03 |
0,03 |
QASAM EWLIENI TAL-PRESTAZZJONI TAL-KOSTEFFIĊJENZA
Kost unitarju ddeterminat għas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru en route
|
Żona tal-imposti en route tal-Estonja |
Valur bażi tal-2014 |
Valur bażi tal-2019 |
2020 - 2021 |
2022 |
2023 |
2024 |
|
Abbozzi tal-miri tal-kosteffiċjenza en route, espressi bħala kost unitarju ddeterminat en route (f’termini reali bil-prezzijiet tal-2017) |
25,16 EUR |
32,13 EUR |
60,19 EUR |
34,80 EUR |
30,57 EUR |
29,97 EUR |