17.5.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 138/17


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2022/755

tas-16 ta’ Mejju 2022

li timplimenta d-Deċiżjoni (PESK) 2015/740 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sudan t’Isfel

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 31(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/740 tas-7 ta’ Mejju 2015 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sudan t’Isfel u li tħassar id-Deċiżjoni 2014/449/PESK (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(2) tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fis-7 ta’ Mejju 2015, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2015/740.

(2)

F’konformità mal-Artikolu 12(2) tad-Deċiżjoni (PESK) 2015/740, il-Kunsill irrieżamina l-lista ta’ persuni soġġetti għal miżuri restrittivi li tinsab fl-Annessi II għal dik id-Deċiżjoni.

(3)

Il-Kunsill ikkonkluda li l-miżuri restrittivi kontra persuna waħda elenkata fl-Anness II għad-Deċiżjoni (PESK) 2015/740 għandhom jinżammu u li l-entrata għal dik il-persuna jenħtieġ li tiġi aġġornata u nnumerata mill-ġdid.

(4)

Għalhekk jenħtieġ li d-Deċiżjoni (PESK) 2015/740 tiġi emendat skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Anness II għad-Deċiżjoni (PESK) 2015/740 huwa emendat kif jinsab fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Mejju 2022.

Għall-Kunsill

Il-President

J. BORRELL FONTELLES


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/740 tas-7 ta’ Mejju 2015 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sudan t’Isfel u li tħassar id-Deċiżjoni 2014/449/PESK (ĠU L 117, 8.5.2015, p. 52).


ANNESS

Fl-Anness II għad-Deċiżjoni (PESK) 2015/740, it-tabella hija sostitwita b’dan li ġej:

 

Isem

Informazzjoni ta’ identifikazzjoni

Raġunijiet għall-elenkar

Data tal-elenkar

“1.

Michael MAKUEI LUETH

Data tat-twelid: 1947

Post tat-twelid: Bor Sudan (issa s-Sudan t’Isfel)

Ġeneru: raġel

Michael Makuei Leuth ilu jokkupa l-kariga ta’ Ministru għall-Informazzjoni u x-Xandir sa mill-2013 u għadu jżomm dik il-pożizzjoni fil-Gvern Tranżizzjonali tal-unità Nazzjonali. Huwa kien ukoll il-kelliem pubbliku għad-delegazzjoni tal-gvern għat-taħditiet ta’ paċi tal-Awtorità Intergovernattiva għall-Iżvilupp mill-2014 sal-2015 u mill-2016 sal-2018.

Makuei xekkel il-proċess politiku fis-Sudan t’Isfel, b’mod partikolari billi xekkel permezz ta’ dikjarazzjonijiet pubbliċi xewwiexa l-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar ir-Riżoluzzjoni tal-Konflitt fis-Sudan t’Isfel (ARCSS) ta’ Awwissu 2015 (sostitwit f’Settembru 2018 bl-“ARCSS Rivitalizzat” (R-ARCSS)), billi ostakola l-ħidma tal-Kummissjoni Konġunta ta’ Monitoraġġ u Evalwazzjoni (JMEC, tal-ARCSS, imsemmija mill-ġdid “JMEC Rikostitwita” skont R-ARCSS) u billi xekkel l-istabbiliment tal-Istituzzjonijiet tal-Ġustizzja Tranżizzjonali tal-ARCSS, li l huwa previst ukoll f’R-ARCSS. Huwa ostakola wkoll l-operazzjonijiet tal-Forza ta’ Protezzjoni Reġjonali tan-N azzjonijiet Uniti.

Makuei huwa wkoll responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż restrizzjonijiet fuq il-libertà tal-espressjoni.

3.2.2018”