12.5.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 135/4


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/728

tat-13 ta’ April 2022

dwar l-inkonsistenza ta’ ċerti miri tal-prestazzjoni li jinsabu fl-abbozzi tal-pjanijiet tal-prestazzjoni tal-blokok ta’ spazju tal-ajru nazzjonali u funzjonali ppreżentati mill-Belġju, mill-Ġermanja, mill-Greċja, minn Franza, minn Ċipru, mil-Latvja, mil-Lussemburgu, minn Malta, min-Netherlands, mir-Rumanija, u mill-Iżvezja skont ir-Regolament (KE) Nru 549/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill mal-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha għat-tielet perjodu referenzjarju u li tistabbilixxi rakkomandazzjonijiet għar-reviżjoni ta’ dawk il-miri

(notifikata bid-dokument C(2022) 2283)

(It-testi bl-Olandiż, bl-Ingliż, bil-Franċiż, bil-Ġermaniż, bil-Grieg, bil-Latvjan, bil-Malti, bir-Rumen u bl-Iżvediż biss huma awtentiċi)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 549/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Marzu 2004 li jippreskrivi l-qafas għall-ħolqien tal-Ajru Uniku Ewropew (ir-Regolament qafas) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 11(3), il-punt (c), it-tieni subparagrafu tiegħu,

Wara li kkonsultat lill-Kumitat dwar l-Ajru Uniku,

Billi:

KUNSIDERAZZJONIJIET ĠENERALI

Sfond

(1)

Skont l-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 549/2004 għandha tiġi stabbilita skema ta’ prestazzjoni għas-servizzi ta’ navigazzjoni bl-ajru u għall-funzjonijiet tan-network. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 10 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/317 (2), l-Istati Membri għandhom ifasslu, jew fil-livell nazzjonali jew fil-livell tal-blokok ta’ spazju tal-ajru funzjonali (“FABs”), miri tal-prestazzjoni vinkolanti għal kull perjodu referenzjarju tal-iskema ta’ prestazzjoni għas-servizzi ta’ navigazzjoni bl-ajru u għall-funzjonijiet tan-network. Dawk il-miri tal-prestazzjoni għandhom ikunu konsistenti mal-miri għall-Unjoni kollha adottati mill-Kummissjoni għall-perjodu referenzjarju kkonċernat. Il-Kummissjoni hija responsabbli għall-valutazzjoni ta’ jekk il-miri tal-prestazzjoni proposti li jinsabu fl-abbozzi tal-pjanijiet tal-prestazzjoni humiex konsistenti mal-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha, abbażi tal-kriterji ta’ valutazzjoni stabbiliti fl-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317.

(2)

It-tifqigħa tal-pandemija tal-COVID-19, mill-ewwel trimestru tas-sena kalendarja 2020, kellha impatt sinifikanti fuq is-settur tat-trasport bl-ajru u naqqset b’mod konsiderevoli l-volumi tat-traffiku tal-ajru meta mqabbla mal-livelli ta’ qabel il-pandemija, minħabba l-miżuri meħuda mill-Istati Membri u minn pajjiżi terzi biex jikkontrollaw il-pandemija.

(3)

Il-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha għat-tielet perjodu referenzjarju (“RP3”) ġew stabbiliti għall-ewwel darba fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/903 (3). Minħabba li dawk il-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha u l-abbozz tal-pjanijiet tal-prestazzjoni fl-RP3 sussegwentement ippreżentati mill-Istati Membri tfasslu qabel ma faqqgħet il-pandemija tal-COVID-19, dawn ma setgħux iqisu ċ-ċirkostanzi li rriżultaw u li nbidlu b’mod sinifikanti għat-trasport bl-ajru.

(4)

Bi tweġiba għall-impatt tal-pandemija tal-COVID-19 fuq il-provvista ta’ servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru, ġew stabbiliti miżuri eċċezzjonali għall-RP3, li jidderogaw mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1627 (4). Skont l-Artikolu 2(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1627, fit-2 ta’ Ġunju 2021, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2021/891 (5) li tistabbilixxi miri tal-prestazzjoni riveduti mal-Unjoni kollha għall-RP3 fl-oqsma ta’ prestazzjoni ewlenin tas-sikurezza, l-ambjent, il-kapaċità u l-kosteffiċjenza.

(5)

L-Istati Membri kollha żviluppaw u adottaw abbozzi tal-pjanijiet tal-prestazzjoni li fihom miri tal-prestazzjoni lokali riveduti għall-RP3, li ġew ippreżentati lill-Kummissjoni għall-valutazzjoni sal-1 ta’ Ottubru 2021. Wara l-verifika tal-kompletezza ta’ dawk l-abbozzi tal-pjanijiet tal-prestazzjoni, il-Kummissjoni talbet lill-Istati Membri jippreżentaw abbozzi aġġornati ta’ pjanijiet tal-prestazzjoni sas-17 ta’ Novembru 2021. Il-valutazzjoni tal-Kummissjoni inkluża f’din id-Deċiżjoni hija bbażata fuq l-abbozzi aġġornati tal-pjanijiet tal-prestazzjoni ppreżentati mill-Istati Membri.

(6)

Il-korp ta’ analiżi tal-prestazzjoni, li jassisti lill-Kummissjoni fl-implimentazzjoni tal-iskema ta’ prestazzjoni skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (KE) Nru 549/2004, ippreżenta lill-Kummissjoni rapport li fih il-parir tiegħu dwar il-valutazzjoni tal-abbozzi tal-pjanijiet tal-prestazzjoni tal-RP3.

Kriterji għall-valutazzjoni

(7)

F’konformità mal-Artikolu 14(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, il-Kummissjoni vvalutat il-konsistenza tal-miri nazzjonali jew tal-miri fil-livell tal-FABs abbażi tal-kriterji ta’ valutazzjoni stabbiliti fil-punt 1 tal-Anness IV ta’ dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni, u qieset iċ-ċirkostanzi lokali. Fir-rigward ta’ kull qasam ewlieni ta’ prestazzjoni u l-miri tal-prestazzjoni relatati, il-Kummissjoni kkomplementat il-valutazzjoni billi rrieżaminat l-abbozzi tal-pjanijiet tal-prestazzjoni fir-rigward tal-elementi stabbiliti fil-punt 2 tal-Anness IV ta’ dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni.

(8)

Fir-rigward tal-qasam ewlieni ta’ prestazzjoni tas-sikurezza, il-Kummissjoni vvalutat il-konsistenza tal-miri ppreżentati mill-Istati Membri rigward l-effettività tal-ġestjoni tas-sikurezza tal-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru abbażi tal-kriterju stabbilit fil-punt 1.1 tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317. Dik il-valutazzjoni saret filwaqt li tqiesu ċ-ċirkostanzi lokali u ġiet ikkomplementata mir-rieżami tal-miżuri ppjanati għall-ilħuq tal-miri tas-sikurezza fir-rigward tal-elementi stabbiliti fil-punt 2.1(a) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317. Il-Kummissjoni sabet li l-miri lokali tal-prestazzjoni tas-sikurezza proposti mill-Istati Membri kollha huma konsistenti mal-miri tal-prestazzjoni korrispondenti mal-Unjoni kollha u għalhekk ma hemm l-ebda sejba relatata stabbilita f’din id-Deċiżjoni.

(9)

Fir-rigward tal-qasam ewlieni ta’ prestazzjoni tal-ambjent, il-konsistenza tal-miri ppreżentati mill-Istati Membri rigward l-effiċjenza tat-titjir medja orizzontali en route tat-trajettorja reali ġiet ivvalutata abbażi tal-kriterju stabbilit fil-punt 1.2 tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317. Għaldaqstant, il-miri proposti li jinsabu fl-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni tqabblu mal-valuri referenzjarji rilevanti tal-effiċjenza tat-titjir orizzontali en route stabbiliti fil-Pjan ta’ Titjib tan-Network Ewropew tar-Rotot. Dik il-valutazzjoni saret filwaqt li tqiesu ċ-ċirkostanzi lokali u ġiet ikkomplementata mir-rieżami tal-miżuri ppjanati għall-ilħuq tal-miri tal-ambjent fir-rigward tal-elementi stabbiliti fil-punt 2.1(a) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317.

(10)

Fir-rigward tas-sena kalendarja 2020, il-mira tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha għall-RP3 fil-qasam ewlieni ta’ prestazzjoni tal-ambjent, li inizjalment ġiet stabbilita fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/903, ma ġietx riveduta bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/891, meta wieħed iqis li l-perjodu ta’ żmien għall-applikazzjoni ta’ dik il-mira kien skada u li l-implimentazzjoni tagħha għalhekk kienet saret definittiva, u ma ħalliet l-ebda possibbiltà għal aġġustament retroattiv. Għaldaqstant, ma kienx xieraq li l-Istati Membri jirrevedu, fl-abbozz tal-pjanijiet tal-prestazzjoni ppreżentati sal-1 ta’ Ottubru 2021, il-miri tal-prestazzjoni lokali tagħhom għas-sena kalendarja 2020 fil-qasam ewlieni ta’ prestazzjoni tal-ambjent. Fid-dawl ta’ dawk il-kunsiderazzjonijiet, il-konsistenza tal-miri tal-prestazzjoni tal-ambjent lokali mal-miri tal-prestazzjoni korrispondenti mal-Unjoni kollha ġiet ivvalutata fir-rigward tas-snin kalendarji 2021, 2022, 2023 u 2024. Fuq dik il-bażi, il-Kummissjoni sabet li l-miri lokali tal-prestazzjoni tas-sikurezza proposti mill-Istati Membri kollha huma konsistenti mal-miri tal-prestazzjoni korrispondenti mal-Unjoni kollha u għalhekk ma hemm l-ebda sejba relatata stabbilita f’din id-Deċiżjoni.

(11)

Fir-rigward tal-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tal-kapaċità, il-konsistenza tal-miri ppreżentati mill-Istati Membri rigward id-dewmien medju fil-ġestjoni tal-fluss tat-traffiku tal-ajru (“ATFM”) en route għal kull titjira ġiet ivvalutata abbażi tal-kriterju stabbilit fil-punt 1.3 tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317. Għaldaqstant, il-miri proposti li jinsabu fl-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni tqabblu mal-valuri referenzjarji rilevanti stabbiliti fil-Pjan Operazzjonali tan-Network. Dik il-valutazzjoni saret filwaqt li tqiesu ċ-ċirkostanzi lokali u ġiet ikkomplementata mir-rieżami tal-miżuri ppjanati għall-ilħuq tal-miri tal-kapaċità en route, inkluż b’mod partikolari r-rieżami tal-investimenti maġġuri ppjanati u r-rieżami tal-iskema jew tal-iskemi ta’ inċentivi fir-rigward tal-elementi stabbiliti fil-punt 2.1(a) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317.

(12)

Fir-rigward tas-sena kalendarja 2020, il-mira tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha għall-RP3 fil-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tal-kapaċità, li inizjalment ġiet stabbilita fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/903, ma ġietx riveduta bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/891, meta wieħed iqis li l-perjodu ta’ żmien għall-applikazzjoni ta’ dik il-mira kien skada u li l-implimentazzjoni tagħha għalhekk kienet saret definittiva, u ma ħalliet l-ebda possibbiltà għal aġġustament retroattiv. Għaldaqstant, ma kienx xieraq li l-Istati Membri jirrevedu, fl-abbozz tal-pjanijiet tal-prestazzjoni ppreżentati sal-1 ta’ Ottubru 2021, il-miri tal-prestazzjoni lokali tagħhom għas-sena kalendarja 2020 fil-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tal-ambjent. Fid-dawl ta’ dawk il-kunsiderazzjonijiet, il-konsistenza tal-miri tal-prestazzjoni tal-kapaċità lokali mal-miri tal-prestazzjoni korrispondenti mal-Unjoni kollha ġiet ivvalutata fir-rigward tas-snin kalendarji 2021, 2022, 2023 u 2024.

(13)

Barra minn hekk, b’rabta mal-valutazzjoni tal-abbozzi tal-miri tal-kapaċità en route, għall-ajruporti li huma fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317 f’konformità mal-Artikolu 1(3) u (4) ta’ dak ir-Regolament, il-Kummissjoni kkomplementat il-valutazzjoni tagħha bir-rieżami tal-abbozzi tal-miri tal-kapaċità għas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru fit-terminal f’konformità mal-punt 2.1(b) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317. Fejn instab li dawk l-abbozzi ta’ miri jqajmu tħassib, is-sejbiet relatati ġew stabbiliti f’din id-Deċiżjoni.

(14)

Fir-rigward tal-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tal-kosteffiċjenza, il-konsistenza tal-miri ppreżentati mill-Istati Membri rigward il-kostijiet unitarji ddeterminati (“DUC”) għas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru en route ġiet ivvalutata abbażi tal-kriterji stabbiliti fil-punti 1.4(a), 1.4(b) u 1.4(c) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317. Dawk il-kriterji jikkonsistu mix-xejra tal-kost unitarju ddeterminat matul l-RP3, mix-xejra fit-tul tal-kost unitarju ddeterminat matul it-tieni perjodu referenzjarju (“RP2”) u l-RP3 (2015-2024), u l-valur bażi għall-kost unitarju ddeterminat fil-livell taż-żona tal-imposti meta mqabbel mal-valur medju taż-żoni tal-imposti fejn il-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru għandhom ambjent operazzjonali u ekonomiku simili.

(15)

Fejn instab li l-miri tal-kosteffiċjenza en route kienu inkonsistenti mal-kriterji stabbiliti fil-punti 1.4(a), 1.4(b) u 1.4(c) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, il-Kummissjoni kompliet teżamina, fid-dawl tal-ġustifikazzjonijiet u tal-evidenza pprovduti fil-pjanijiet tal-prestazzjoni kkonċernati, jekk devjazzjoni tistax titqies neċessarja u proporzjonata abbażi tal-punt 1.4(d) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, dment li d-devjazzjoni mix-xejra tal-kost unitarju ddeterminat mal-Unjoni kollha jew mix-xejra fit-tul tal-kost unitarju ddeterminat mal-Unjoni kollha tkun esklużivament minħabba kostijiet iddeterminati addizzjonali relatati ma’ miżuri neċessarji biex jintlaħqu l-miri tal-prestazzjoni fil-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tal-kapaċità jew ma’ miżuri ta’ ristrutturar skont it-tifsira tal-Artikolu 2(18) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317.

(16)

Il-valutazzjoni tal-miri tal-kosteffiċjenza en route saret filwaqt li tqiesu ċ-ċirkostanzi lokali. Ġiet ikkomplementata bir-rieżami tal-elementi stabbiliti fil-punt 2 tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, jiġifieri l-fatturi u l-parametri ewlenin li fuqhom huma bbażati dawk il-miri kif speċifikat fil-punt 2.1(d) ta’ dak l-Anness.

(17)

Barra minn hekk, b’rabta mal-valutazzjoni tal-abbozzi ta’ miri tal-kosteffiċjenza en route, għall-ajruporti li huma fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, f’konformità mal-Artikolu 1(3) u (4) ta’ dak ir-Regolament, il-Kummissjoni kkomplementat ir-rieżami tagħha bil-valutazzjoni tal-abbozzi ta’ miri tal-kosteffiċjenza għas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru fit-terminal f’konformità mal-punt 2.1(c) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317. Fejn instab li dawk l-abbozzi ta’ miri jqajmu tħassib, is-sejbiet relatati ġew stabbiliti f’din id-Deċiżjoni.

(18)

F’konformità mal-punt 2(f) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, b’rabta mal-valutazzjoni tal-abbozzi tal-miri tal-kapaċità, il-Kummissjoni kkomplementat ir-rieżami tagħha b’valutazzjoni tal-abbozzi ta’ skemi ta’ inċentivi msemmija fl-Artikolu 11 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni eżaminat jekk l-abbozzi ta’ skemi ta’ inċentivi jissodisfawx ir-rekwiżiti sostantivi stabbiliti fl-Artikolu 11(1) u (3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317. Fejn instab li dawk l-abbozzi ta’ skemi ta’ inċentivi jqajmu tħassib, is-sejbiet relatati ġew stabbiliti f’din id-Deċiżjoni.

Kunsiderazzjonijiet speċjali dwar l-evoluzzjoni tat-traffiku

(19)

It-tbassir tat-traffiku bażi ta’ STATFOR ta’ Ottubru 2021 jipprevedi li t-traffiku tal-ajru fil-livell tal-Unjoni kollha se jilħaq il-livelli ta’ qabel il-pandemija tiegħu matul l-2023 u se jaqbeż dawk il-livelli fl-2024. Madankollu, il-livell ta’ inċertezza rigward l-iżvilupp tat-traffiku għadu partikolarment għoli, minħabba r-riskji relatati mal-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni epidemjoloġika tal-COVID-19. Il-Kummissjoni tinnota li l-irkupru tat-traffiku huwa mistenni li jkun irregolari fost l-Istati Membri.

(20)

Għaldaqstant, it-tkabbir previst tat-traffiku fl-RP3 f’diversi Stati Membri huwa previst li jkun ferm aktar baxx mit-tkabbir medju tat-traffiku fil-livell tal-Unjoni kollha, u l-volumi tat-traffiku fl-RP3 huma previsti li jibqgħu taħt il-livelli ta’ qabel il-pandemija f’għadd minn dawk l-Istati Membri. Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li dan jagħmel l-ilħuq tal-miri tal-kosteffiċjenza mal-Unjoni kollha aktar esiġenti għall-Istati Membri kkonċernati, u qieset dan il-punt meta rrieżaminat iċ-ċirkostanzi lokali rilevanti għall-valutazzjoni ta’ kull abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni.

SEJBIET RIGWARD IL-FABEC

Valutazzjoni tal-abbozzi tal-miri tal-prestazzjoni fil-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tal-kosteffiċjenza – il-Belġju u l-Lussemburgu

(21)

L-abbozzi tal-miri tal-kosteffiċjenza en route proposti mill-Belġju u mil-Lussemburgu għall-RP3 huma kif ġej:

Żona tal-imposti en route tal-Belġju u tal-Lussemburgu

2014

valur bażi

2019

valur bażi

2020-2021

2022

2023

2024

L-abbozzi tal-miri tal-kosteffiċjenza en route, espressi bħala kost unitarju ddeterminat en route (f’termini reali bil-prezzijiet tal-2017)

EUR 73,13

EUR 83,28

EUR 189,52

EUR 113,26

EUR 108,51

EUR 103,82

(22)

Fir-rigward tal-kriterju stabbilit fil-punt 1.4(a) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, il-Kummissjoni tosserva li x-xejra tal-kost unitarju ddeterminat en route tal-Belġju u tal-Lussemburgu fil-livell taż-żona tal-imposti ta’ +5,7 % kull sena matul l-RP3 hija inqas mix-xejra mal-Unjoni kollha ta’ +1,0 % matul l-istess perjodu.

(23)

Fir-rigward tal-kriterju stabbilit fil-punt 1.4(b) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, il-Kummissjoni tosserva li x-xejra fit-tul tal-kost unitarju ddeterminat en route tal-Belġju u tal-Lussemburgu fil-livell taż-żona tal-imposti matul l-RP2 u l-RP3 ta’ +4,0 % kull sena hija inqas mix-xejra fit-tul mal-Unjoni kollha ta’ -1,3 % matul l-istess perjodu.

(24)

Fir-rigward tal-kriterju stabbilit fil-punt 1.4(c) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, il-Kummissjoni tosserva li l-valur bażi tal-Belġju u tal-Lussemburgu għall-kost unitarju ddeterminat ta’ EUR 83,28, espress f’termini reali bil-prezzijiet tal-2017 (“EUR 2017”), huwa 13,2 % ogħla mill-valur bażi medju ta’ EUR 73,56 fl-EUR 2017 tal-grupp komparatur rilevanti. Il-Kummissjoni tinnota li dik id-differenza ssir saħansitra ikbar matul l-RP3, peress li l-kost unitarju ddeterminat en route tal-Belġju u tal-Lussemburgu għall-2024 huwa ogħla b’49,9 % mill-medja tal-grupp komparatur.

(25)

Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk id-devjazzjonijiet osservati hawn fuq mill-kriterji stabbiliti fil-punti 1.4(a), 1.4(b) u 1.4(c) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317 jistgħux jitqiesu neċessarji u proporzjonati skont il-punt 1.4(d) ta’ dak l-Anness.

(26)

Il-Kummissjoni tinnota li d-differenza stmata mill-korp ta’ analiżi tal-prestazzjoni bejn il-kostijiet en route ddeterminati fl-RP3 irrapportati fl-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni u l-kostijiet iddeterminati meħtieġa biex tiġi ssodisfata x-xejra tal-kost unitarju ddeterminat mal-Unjoni kollha fl-RP3 hija ta’ madwar EUR 41 miljun fl-EUR 2017, filwaqt li devjazzjoni stmata mix-xejra fit-tul mal-Unjoni kollha tammonta għal madwar EUR 92,6 miljun fl-EUR 2017.

(27)

Fir-rigward tal-kriterju stabbilit fil-punt 1.4(d)(i) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, il-Kummissjoni tinnota li fl-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni tagħhom, il-Belġju u l-Lussemburgu jirreferu għall-kostijiet iddeterminati addizzjonali mġarrba matul l-RP3 mill-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru en route skeyes u MUAC b’rabta mal-miżuri biex iżidu l-kapaċità.

(28)

Minn naħa waħda, fl-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni huwa enfasizzat li l-kumplessità tal-ispazju tal-ajru bejn il-Belġju u l-Lussemburgu tikkostitwixxi fattur li jżid l-ammont ta’ xogħol relattiv tal-kontrolluri tat-traffiku tal-ajru, u b’hekk tagħti ponderazzjoni negattiva fuq il-produttività tal-kontrolluri tat-traffiku tal-ajru u fuq il-bażi tal-kost en route. Dan huwa spjegat mill-fatt li l-Belġju u l-Lussemburgu huma fatturi ewlenin wara d-devjazzjoni mix-xejra tal-kost unitarju ddeterminat mal-Unjoni.

(29)

Min-naħa l-oħra, il-Belġju u l-Lussemburgu jsostnu li ż-żewġ fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru en route (“ANSPs”), jiġifieri skeyes u MUAC, qed jiffaċċjaw sfidi speċifiċi fir-rigward tal-provvista ta’ kapaċità adegwata biex jakkomodaw id-domanda tat-traffiku tal-ajru matul l-RP3 u lil hinn minnu.

(30)

Fir-rigward ta’ skeyes, fl-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni, l-ewwel nett huwa spjegat li huwa mistenni għadd kbir ta’ rtirar tal-kontrolluri tat-traffiku tal-ajru matul l-RP3 u matul ir-raba’ perjodu referenzjarju (“RP4”), abbażi tal-istruttura attwali tal-età tal-forza tax-xogħol tal-kontrolluri tat-traffiku tal-ajru.

(31)

Huwa rrapportat li l-leġiżlazzjoni Belġjana applikabbli tippreskrivi li l-kontrolluri tat-traffiku tal-ajru jridu jitneħħew mid-dmirijiet tagħhom ħames snin qabel id-data tal-irtirar tagħhom. Matul dawk il-ħames snin, huma eliġibbli għall-irtirar bikri (imsejjaħ l-iskema “DISPO”) u jirċievu benefiċċju li jammonta għal bejn 75 % u 85 % tal-aħħar salarju tagħhom. Skont l-informazzjoni pprovduta fl-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni, il-kontrolluri tat-traffiku tal-ajru bħalissa jitqiegħdu fuq id-DISPO fl-età ta’ 56 sena u dan il-limitu ta’ età għandu jiżdied għal 57 sena. Mill-2025 ’il quddiem, 30 % tal-kontrolluri tat-traffiku tal-ajru operazzjonali ta’ skeyes se jkunu qed jilħqu l-età ta’ rtirar bikri matul l-RP3, filwaqt li 20 % addizzjonali tal-kontrolluri tat-traffiku tal-ajru operazzjonali huma previsti li jilħqu l-irtirar bikri fl-RP4.

(32)

skeyes jippjana li jirrekluta u jħarreġ kontrolluri tat-traffiku tal-ajru ġodda sabiex jissostitwixxu l-irtirar ippjanat u jipprovdu kapaċità proporzjonata mad-domanda prevista tat-traffiku. Skont l-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni, f’dan ir-rigward, skeyes se jġarrab kostijiet addizzjonali allokati għall-bażi tal-kost en route matul il-perjodu referenzjarju kollu, inklużi l-kostijiet relatati mal-iskema ta’ rtirar bikri DISPO.

(33)

Barra minn hekk, fl-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni, huwa indikat li skeyes għandu l-ħsieb li jissostitwixxi s-sistema tiegħu ta’ ġestjoni tat-traffiku tal-ajru (“ATM”) b’sistema unika, integrata u armonizzata ta’ ġestjoni tal-ispazju tal-ajru mal-MUAC u d-Difiża Belġjana, li hija meqjusa essenzjali sabiex tiġi appoġġata l-integrazzjoni tas-servizzi tal-ATM ċivili u militari u biex jittejbu l-kapaċità u l-effiċjenzi operazzjonali.

(34)

Fir-rigward tal-MUAC, il-Belġju u l-Lussemburgu jirreferu għall-ftehim kollettiv li ġie konkluż fl-2019 li, essenzjalment, għandu l-għan li jżid id-disponibbiltà tal-kontrolluri tat-traffiku tal-ajru sabiex tittaffa d-diskrepanza bejn id-disponibbiltà tal-persunal u d-domanda għat-traffiku. Id-dispożizzjonijiet ta’ flessibbiltà introdotti fil-ftehim huma akkumpanjati minn żieda fl-iskali tas-salarju bi kważi 11 %, li għandha impatt fuq il-bażi tal-kost matul il-perjodu referenzjarju kollu.

(35)

Matul l-RP3, il-MUAC huwa rrapportat ukoll li jġarrab kostijiet addizzjonali fir-rigward ta’ titjib speċifiku tal-proċess ta’ analiżi ta’ wara l-operazzjonijiet tiegħu u ta’ għodod relatati, li għandu l-għan li jkompli jottimizza l-ippjanar tal-operazzjonijiet ta’ kuljum.

(36)

Il-Kummissjoni sabet li d-devjazzjonijiet imsemmija fil-premessa 26 ma jistgħux jiġu attribwiti esklużivament għall-kostijiet addizzjonali assoċjati ma’ miżuri relatati mal-kapaċità, inklużi l-kostijiet relatati mar-reklutaġġ u t-taħriġ ta’ kontrolluri tat-traffiku tal-ajru ġodda u l-kostijiet ta’ investimenti kbar relatati mal-kapaċità. Konsegwentement, il-Kummissjoni kkonkludiet li d-devjazzjonijiet tal-kostijiet irrapportati mix-xejriet tal-kostijiet unitarji ddeterminati mal-Unjoni kollha fir-rigward tal-Belġju u tal-Lussemburgu huma sinifikanti wisq biex jiġu attribwiti esklużivament għall-miżuri rrapportati għall-ilħuq tal-miri tal-kapaċità lokali.

(37)

B’hekk, il-kriterju stabbilit fil-punt 1.4(d)(i) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317 mhuwiex issodisfat fir-rigward tal-Belġju u tal-Lussemburgu.

(38)

Fir-rigward tal-kriterju stabbilit fil-punt 1.4(d)(ii) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, huwa biżżejjed li jissemma li fl-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni tagħhom, il-Belġju u l-Lussemburgu ma ppreżentaw l-ebda miżura ta’ ristrutturar li tiġġustifika devjazzjoni mix-xejra tal-kost unitarju ddeterminat mal-Unjoni kollha jew mix-xejra fit-tul tal-kost unitarju ddeterminat mal-Unjoni kollha. B’hekk, il-kriterju stabbilit fil-punt 1.4(d)(ii) mhuwiex issodisfat fir-rigward tal-Belġju u l-Lussemburgu.

(39)

Fir-rigward tal-elementi għal rieżami stabbiliti fil-punt 2.1.(d)(vii) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, il-Kummissjoni tosserva li ġiet stabbilita metodoloġija riveduta tal-allokazzjoni tal-kostijiet għall-fini tat-tqassim tal-kostijiet iddeterminati bejn is-servizzi en route u tat-terminal għall-RP3 fir-rigward tal-Belġju. Il-bidliet proposti jikkonċernaw l-allokazzjoni tal-kostijiet tas-servizzi ta’ kontroll tal-avviċinament imġarrba minn skeyes u l-allokazzjoni tal-kostijiet relatati mal-kostijiet tal-ASN. Il-Kummissjoni tinnota li l-bidla proposta twassal, b’mod partikolari, biex il-kostijiet tas-servizzi ta’ kontroll tal-avviċinament jiġu allokati għalkollox għaż-żona tal-imposti en route.

(40)

Il-Kummissjoni għandha dubji dwar il-konformità tal-bidla fil-metodoloġija tal-allokazzjoni tal-kostijiet imsemmija fil-premessa 93 mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 15(2), il-punt (e) tar-Regolament (KE) Nru 550/2004 u mal-Artikolu 22(5) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317. Il-Kummissjoni se teżamina ulterjorment l-elementi relatati fl-istadju tal-valutazzjoni tal-abbozz rivedut tal-pjan tal-prestazzjoni tal-FABEC fir-rigward tal-fornitur tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru kkonċernat.

(41)

Abbażi tas-sejbiet stabbiliti fil-premessi 21 sa 40, il-miri proposti inklużi fl-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni tal-FABEC, fir-rigward taż-żona tal-imposti en route tal-Belġju u tal-Lussemburgu, jenħtieġ li jiġu vvalutati bħala inkonsistenti mal-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha fil-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tal-kosteffiċjenza.

Rieżami tal-abbozzi tal-miri tal-kosteffiċjenza għas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru fit-terminal — il-Belġju

(42)

Il-Kummissjoni għandha tħassib fir-rigward tal-abbozz tal-miri tal-prestazzjoni tal-kosteffiċjenza fit-terminal fil-Belġju f’konformità mal-punt 2.1(c) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317.

(43)

L-ewwel nett, meta qabblet ix-xejra tal-kost unitarju ddeterminat fit-terminal għall-RP3 max-xejra tal-kost unitarju ddeterminat en route, il-Kummissjoni sabet li x-xejra tal-kost unitarju ddeterminat fit-terminal taż-żona tal-imposti fit-terminal tal-Belġju ta’ +6,3 % hija ogħla mix-xejra tal-kost unitarju ddeterminat en route tal-Belġju fil-livell taż-żona tal-imposti ta’ +5,7 % matul l-RP3.

(44)

It-tieni, il-Kummissjoni tosserva li l-abbozz tal-miri għax-xejra tal-kost unitarju ddeterminat fit-terminal għaż-żona tal-imposti fit-terminal tal-Belġju ta’ +6,3 % matul l-RP3 huwa ogħla mix-xejra reali tal-kost unitarju ddeterminat fit-terminal ta’ +0,5 % osservata matul l-RP2.

(45)

It-tielet, meta qabblet l-abbozzi tal-miri nazzjonali tax-xejra tal-kost unitarju ddeterminat fit-terminal mal-prestazzjoni ta’ ajruporti simili għall-RP3, il-Kummissjoni osservat li l-kost unitarju ddeterminat għall-Ajruport ta’ Brussell huwa stmat li huwa ogħla mill-kost unitarju ddeterminat medjan tal-grupp komparatur rilevanti b’marġni sinifikanti.

(46)

Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li l-Belġju jenħtieġ li jiġġustifika ulterjorment il-miri tal-kosteffiċjenza fit-terminal fid-dawl tal-osservazzjonijiet ta’ hawn fuq, jew jenħtieġ li jirrevedi ’l isfel l-abbozzi tal-miri għall-kost unitarju ddeterminat fit-terminal għall-RP3.

Rieżami tal-iskemi ta’ inċentivi msemmija fl-Artikolu 11 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317 li jikkomplementa l-valutazzjoni mill-Kummissjoni tal-abbozzi tal-miri tal-kapaċità — FABEC

(47)

Fir-rigward tal-elementi għal rieżami stabbiliti fil-punt 2.1 (f) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, il-Kummissjoni tosserva li l-abbozz tal-iskema ta’ inċentivi tal-kapaċità en route propost fl-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni tal-FABEC jinkludi vantaġġ finanzjarju massimu ekwivalenti għall-iżvantaġġ finanzjarju massimu, u t-tnejn li huma jammontaw għal 0,5 % tal-kostijiet iddeterminati.

(48)

Abbażi tal-parir minn esperti pprovdut mill-korp ta’ analiżi tal-prestazzjoni, il-Kummissjoni għandha dubji kbar dwar jekk l-iżvantaġġ finanzjarju massimu propost, li jammonta għal 0,5 % tal-kostijiet iddeterminati, huwiex se jkollu xi impatt materjali fuq id-dħul f’riskju, kif meħtieġ skont il-punt (a) tal-Artikolu 11(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317.

(49)

Fir-rigward tal-iskemi ta’ inċentivi tal-kapaċità fit-terminal proposti għaż-żoni tal-imposti fit-terminal tal-Belġju, ta’ Franza, u tan-Netherlands, il-Kummissjoni għandha dubji dwar jekk l-iżvantaġġi finanzjarji massimi proposti, li fir-rigward ta’ dawk l-iskemi ta’ inċentivi kollha jammontaw għal 0,5 % tal-kostijiet iddeterminati, humiex se jkollhom impatt materjali fuq id-dħul f’riskju, kif meħtieġ skont il-punt (a) tal-Artikolu 11(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317.

(50)

Fir-rigward tal-iskema ta’ inċentivi tal-kapaċità fit-terminal proposta għaż-żona tal-imposti fit-terminal tal-Lussemburgu, il-Kummissjoni għandha dubji jekk l-iżvantaġġ finanzjarju massimu propost, li jammonta għal 0,25 % tal-kostijiet iddeterminati, huwiex se jkollu impatt materjali fuq id-dħul f’riskju, kif meħtieġ skont il-punt (a) tal-Artikolu 11(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317.

(51)

Għalhekk, il-Belġju, Franza, il-Ġermanja, il-Lussemburgu u n-Netherlands, fir-rigward tal-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni ppreżentat mill-FABEC, jenħtieġ li jirrevedu l-abbozzi tal-iskemi ta’ inċentivi tagħhom għall-ilħuq ta’ miri tal-kapaċità en route sabiex l-iżvantaġġi finanzjarji massimi li jirriżultaw minn dawk l-iskemi ta’ inċentivi jiġu stabbiliti f’livell li jkollu impatt materjali fuq id-dħul f’riskju, kif meħtieġ b’mod espliċitu skont l-Artikolu 11(3), il-punt (a), tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, li fil-fehma tal-Kummissjoni jenħtieġ li jwassal għal żvantaġġ finanzjarju massimu ugwali għal 1 % tal-kostijiet iddeterminati, jew ogħla minnhom.

(52)

Barra minn hekk, il-Belġju, Franza, il-Lussemburgu, u n-Netherlands, fir-rigward tal-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni ppreżentat mill-FABEC, jenħtieġ li jirrevedu l-abbozzi tal-iskemi ta’ inċentivi tagħhom għall-ilħuq tal-miri tal-kapaċità fit-terminal sabiex l-iżvantaġġi finanzjarji massimi li jirriżultaw minn dawk l-iskemi ta’ inċentivi jiġu stabbiliti f’livell li jkollu impatt materjali fuq id-dħul f’riskju, kif meħtieġ b’mod espliċitu skont l-Artikolu 11(3), il-punt (a), tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, li fil-fehma tal-Kummissjoni jenħtieġ li jwassal għal żvantaġġ finanzjarju massimu ugwali għal 1 % tal-kostijiet iddeterminati, jew ogħla minnhom.

SEJBIET RIGWARD IL-GREĊJA

Valutazzjoni tal-abbozzi tal-miri tal-prestazzjoni fil-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tal-kapaċità

(53)

L-abbozzi tal-miri tal-kapaċità proposti mill-Greċja, espressi f’minuti ta’ dewmien tal-ATFM en route għal kull titjira, u l-valuri referenzjarji nazzjonali korrispondenti għall-RP3 stabbiliti fil-Pjan Operazzjonali tan-Network ta’ Settembru 2021 huma kif ġej:

 

2021

2022

2023

2024

Abbozzi tal-miri tal-kapaċità en route tal-Greċja, f’minuti ta’ dewmien tal-ATFM għal kull titjira

0,32

0,26

0,20

0,20

Valuri referenzjarji għall-Greċja, f’minuti ta’ dewmien tal-ATFM għal kull titjira

0,10

0,14

0,15

0,15

(54)

Il-Kummissjoni tosserva li l-abbozzi tal-miri tal-kapaċità proposti mill-Greċja għas-snin kalendarji 2021 sa 2024 huma ogħla mill-valuri referenzjarji nazzjonali korrispondenti stabbiliti fil-Pjan Operazzjonali tan-Network ta’ Settembru 2021. F’dan ir-rigward, l-ikbar devjazzjoni tal-abbozzi tal-miri tal-kapaċità mill-valuri referenzjarji nazzjonali korrispondenti ġiet osservata għas-sena 2021.

(55)

Il-Kummissjoni tinnota li l-miżuri ta’ titjib tal-kapaċità deskritti fl-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni jinkludu biss parti mill-miżuri li kienu ġew stabbiliti fil-Pjan Operazzjonali tan-Network ta’ Settembru 2021. Dawk il-miżuri jinkludu investimenti kbar fl-aġġornament tal-infrastruttura tal-ATM, ir-reklutaġġ ta’ total ta’ 70 ekwivalenti ta’ ingaġġ full-time bħala kontrolluri tat-traffiku tal-ajru taċ-ċentru ta’ kontroll taż-żona matul is-sena kalendarja 2022 kif ukoll miżuri ta’ ristrutturar tal-ispazju tal-ajru.

(56)

Madankollu, il-Kummissjoni tosserva li bosta miżuri rilevanti ta’ titjib tal-kapaċità li jinsabu fil-Pjan Operazzjonali tan-Network ta’ Settembru 2021 mhumiex inklużi fl-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni ppreżentat mill-Greċja, u dan jista’ jirriżulta f’diskrepanza fil-kapaċità matul is-snin kalendarji 2023 u 2024. Abbażi tal-informazzjoni ppreżentata mill-Greċja, mhuwiex ċar ukoll kif se tiġi ġestita ż-żieda sinifikanti fl-għadd tal-kontrolluri tat-traffiku tal-ajru kif ukoll kif se jiġi ġestit it-taħriġ sussegwenti fuq il-post tax-xogħol mis-sena kalendarja 2022 ’il quddiem filwaqt li jiġu ssodisfati d-domandi dejjem akbar tal-kapaċità.

(57)

Filwaqt li jitqies li l-abbozzi tal-miri tal-kapaċità tal-Greċja huma ogħla mill-valuri referenzjarji nazzjonali korrispondenti matul l-2021-2024, jidher, fir-rigward tal-punt 2.1(a) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2019/317, li l-miżuri proposti mhux se jkunu biżżejjed biex jissodisfaw id-domanda tat-traffiku mistennija, b’mod partikolari fid-dawl tat-tkabbir mistenni tat-traffiku lejn tmiem l-RP3 bħala parti mill-irkupru tat-traffiku tal-ajru wara l-impatt tal-pandemija tal-COVID-19.

(58)

Fl-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni tagħha, il-Greċja tiddikjara li l-miri għas-snin kalendarji 2021-2024 ma setgħux jiġu stabbiliti f’konformità mal-valuri referenzjarji inklużi fil-Pjan Operazzjonali tan-Network ta’ Settembru 2021 minħabba l-irkupru aktar ottimistiku tat-traffiku tal-ajru inkluż fit-tbassir tat-traffiku ta’ STATFOR ta’ Ottubru 2021. Il-Greċja tiddikjara wkoll li l-miri proposti jirriflettu din il-bidla fis-suppożizzjonijiet tat-traffiku u għalhekk jiddevjaw mill-valuri referenzjarji.

(59)

Madankollu, fid-dawl tal-kriterji ta’ valutazzjoni stabbiliti fil-punt 1.3 tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, il-Kummissjoni tqis li l-informazzjoni u l-evidenza pprovduti mill-Greċja fl-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni tagħha, inkluż fir-rigward ta’ ċirkostanzi lokali rilevanti, ma jiġġustifikawx id-devjazzjonijiet sinifikanti proposti tal-miri tal-kapaċità en route mill-valuri referenzjarji korrispondenti.

(60)

Abbażi tas-sejbiet stabbiliti fil-premessi 53 sa 59, jenħtieġ li l-miri proposti inklużi fl-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni tal-Greċja jiġu vvalutati bħala inkonsistenti mal-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha fil-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tal-kapaċità.

Rieżami tal-abbozzi tal-miri tal-kapaċità għas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru fit-terminal

(61)

Il-Kummissjoni għandha tħassib fir-rigward tal-abbozz tal-miri tal-prestazzjoni tal-kapaċità fit-terminal tal-Greċja f’konformità mal-punt 2.1(b) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317.

(62)

B’mod speċifiku, il-Kummissjoni sabet li meta tqabbel l-abbozzi tal-miri nazzjonali dwar id-dewmien medju tal-ATFM tal-wasla mal-prestazzjoni ta’ ajruporti simili fil-livell tal-ajruport, l-ajruport ta’ Ateni huwa mistenni li jesperjenza dewmien ogħla tal-ATFM minn dak previst għal ajruporti simili.

(63)

Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li l-Greċja jenħtieġ li tkompli tiġġustifika l-miri tal-kapaċità tat-terminal fid-dawl tal-osservazzjonijiet ta’ hawn fuq, jew jenħtieġ li tirrevedi ’l isfel l-abbozz tal-miri tal-kapaċità għas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru fit-terminal.

Valutazzjoni tal-abbozzi tal-miri tal-prestazzjoni fil-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tal-kosteffiċjenza

(64)

L-abbozzi tal-miri tal-kosteffiċjenza en route proposti mill-Greċja huma kif ġej:

Żona tal-imposti en route tal-Greċja

2014

valur bażi

2019

valur bażi

2020-2021

2022

2023

2024

L-abbozzi tal-miri tal-kosteffiċjenza en route, espressi bħala kost unitarju ddeterminat en route (f’termini reali bil-prezzijiet tal-2017)

EUR 31,37

EUR 23,20

EUR 40,71

EUR 32,60

EUR 33,12

EUR 32,93

(65)

Fir-rigward tal-kriterju stabbilit fil-punt 1.4(a) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, il-Kummissjoni tosserva li x-xejra tal-kost unitarju ddeterminat en route tal-Greċja fil-livell taż-żona tal-imposti ta’ +9,1 % matul l-RP3 hija inqas mix-xejra mal-Unjoni kollha ta’ +1,0 % matul l-istess perjodu.

(66)

Fir-rigward tal-kriterju stabbilit fil-punt 1.4(b) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, il-Kummissjoni tosserva li x-xejra fit-tul tal-kost unitarju ddeterminat en route tal-Greċja fil-livell taż-żona tal-imposti matul l-RP2 u l-RP3 ta’ +0,5 % hija inqas mix-xejra fit-tul mal-Unjoni kollha ta’ -1,3 % matul l-istess perjodu.

(67)

Fir-rigward tal-kriterju stabbilit fil-punt 1.4(c) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, il-Kummissjoni tosserva li l-valur bażi tal-Greċja għall-kost unitarju ddeterminat ta’ EUR 23,20 fl-EUR 2017 huwa 18,9 % iktar baxx mill-valur bażi medju ta’ EUR 28,59 fl-EUR 2017 tal-grupp komparatur rilevanti. Madankollu, il-Kummissjoni tinnota li l-kost unitarju ddeterminat en route tal-Greċja huwa ppjanat li jaqbeż il-medja tal-grupp komparatur matul l-RP3, b’differenza ta’ +8,7 % osservata fir-rigward tas-sena kalendarja 2024.

(68)

Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk id-devjazzjonijiet osservati hawn fuq mill-kriterji stabbiliti fil-punti 1.4(a), 1.4(b) u 1.4(c) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317 jistgħux jitqiesu neċessarji u proporzjonati skont il-punt 1.4(d) ta’ dak l-Anness.

(69)

Fir-rigward tal-kriterju stabbilit fil-punt 1.4(d)(i) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, il-Kummissjoni tinnota li d-differenza stmata mill-korp ta’ analiżi tal-prestazzjoni bejn il-kostijiet en route ddeterminati fl-RP3 irrapportati fl-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni tal-Greċja u l-kostijiet iddeterminati li jkunu meħtieġa biex tiġi ssodisfata x-xejra tal-kost unitarju ddeterminat mal-Unjoni kollha fl-RP3 hija ta’ madwar EUR 54 miljun fl-EUR 2017, filwaqt li devjazzjoni korrispondenti mix-xejra fit-tul mal-Unjoni kollha tammonta għal madwar EUR 31 miljun fl-EUR 2017.

(70)

Fl-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni, il-Greċja tindika li matul l-RP3 hija prevista żieda sinifikanti fl-għadd ta’ kontrolluri tat-traffiku tal-ajru f’operazzjonijiet fiċ-ċentru ta’ kontroll taż-żona ta’ Ateni, li tirriżulta f’total ta’ 71 ekwivalenti ta’ ingaġġ full-time addizzjonali fl-2024 meta mqabbel mal-2019. Barra minn hekk, huwa ppjanat li bosta investimenti kbar fir-rigward tal-ATM u tas-sistemi ta’ sorveljanza jitwettqu lejn tmiem il-perjodu referenzjarju, b’impatt sinifikanti fuq il-kostijiet mis-sena 2022 ’il quddiem. Fl-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni, il-Greċja tiddikjara li l-kost ta’ deprezzament relatat ġie nnettjat b’ammonti li fl-RP2 kienu imposti żżejjed fir-rigward ta’ investimenti mdewma f’assi fissi.

(71)

Il-Kummissjoni tinnota li l-parir li wasal mill-korp ta’ analiżi tal-prestazzjoni jindika l-ambigwità u l-inkonsistenzi fir-rigward tas-sett ġenerali ta’ miżuri ppreżentati mill-Greċja fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-miri tal-kapaċità lokali tagħha, li jwassal lill-korp ta’ analiżi tal-prestazzjoni biex jistaqsi jekk dawk il-miżuri humiex se jiġu implimentati b’mod effettiv u, b’hekk, jekk hux se jkollhom l-impatt mistenni. Jenħtieġ li jiġi nnotat ukoll li l-Greċja, fl-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni tagħha, la spjegat fid-dettall u lanqas ikkwantifikat, il-kostijiet addizzjonali relatati mat-taħriġ u r-reklutaġġ ta’ kontrolluri ġodda tat-traffiku tal-ajru. Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe informazzjoni sostanzjata dwar dawk il-kostijiet, il-Kummissjoni tistma li ż-żewġ devjazzjonijiet imsemmija fil-premessa 69 huma sinifikanti wisq biex jiġġustifikaw li jistgħu jiġu attribwiti esklużivament għal miżuri biex jintlaħqu l-miri tal-kapaċità lokali.

(72)

Madankollu, jenħtieġ li jiġi nnotat li nstab li l-abbozzi tal-miri tal-kapaċità stabbiliti mill-Greċja, għar-raġunijiet imsemmija fil-premessi 53 sa 59 ta’ din id-Deċiżjoni, huma inkonsistenti mal-miri korrispondenti mal-Unjoni kollha. Fin-nuqqas ta’ miri tal-kapaċità vvalutati bħala konsistenti, il-Kummissjoni tqis li f’dan l-istadju mhuwiex possibbli li tikkonkludi l-valutazzjoni tal-kriterju speċifikat fil-punt 1.4(d)(i) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317 fir-rigward tal-Greċja, peress li l-miżuri ppjanati meħtieġa biex jintlaħqu l-miri tal-kapaċità jistgħu jiġu emendati b’rabta mar-reviżjoni meħtieġa tal-miri tal-kapaċità.

(73)

B’hekk, il-kriterju stabbilit fil-punt 1.4(d)(i) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317 mhuwiex issodisfat fir-rigward tal-Greċja.

(74)

Fir-rigward tal-kriterju stabbilit fil-punt 1.4(d)(ii) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, huwa biżżejjed li jissemma li fl-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni tagħha, il-Greċja ma ppreżentat l-ebda miżura ta’ ristrutturar li tiġġustifika devjazzjoni mix-xejra tal-kost unitarju ddeterminat mal-Unjoni kollha jew mix-xejra fit-tul tal-kost unitarju ddeterminat mal-Unjoni kollha. B’hekk, il-kriterju stabbilit fil-punt 1.4(d)(ii) mhuwiex issodisfat fir-rigward tal-Greċja.

(75)

Barra minn hekk, ir-rieżami tal-fatturi u tal-parametri ewlenin imsemmija fil-punt 2.1(d) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317 li fuqhom huma bbażati l-abbozzi tal-miri tal-prestazzjoni fil-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tal-kosteffiċjenza rriżulta fis-sejbiet li ġejjin rigward il-bażi tal-kost propost għall-RP3 tal-Greċja.

(76)

Il-Kummissjoni tinnota li l-kostijiet iddeterminati relatati mat-tiftix u s-salvataġġ żdiedu għall-ewwel darba fil-bażi tal-kost en route tal-Greċja fl-RP3. Dawn il-kostijiet iwasslu għal żieda mdaqqsa tal-kostijiet iddeterminati en route, u jammontaw għal madwar 9 % tal-bażi tal-kost en route tal-2020 u għal madwar 5 % tal-bażi tal-kost en route totali tal-2024. Fl-abbozz rivedut tal-pjan tal-prestazzjoni tagħha, il-Greċja jenħtieġ li tipprovdi ġustifikazzjonijiet ulterjuri fir-rigward tal-eliġibbiltà u l-proporzjonalità tal-kostijiet iddeterminati relatati u dwar l-allokazzjoni tagħhom bejn is-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru en route u fit-terminal, kif ukoll bejn is-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru u setturi rilevanti oħra.

(77)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tieħu nota tal-istabbiliment ta’ awtorità superviżorja nazzjonali ġdida separata mill-aspett organizzazzjonali mill-fornitur tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru, li hija assoċjata ma’ żieda fil-kostijiet tas-superviżjoni. Filwaqt li jitqies id-daqs tal-kostijiet addizzjonali relatati, il-Greċja jenħtieġ li tkompli tispjega l-fatturi u s-suppożizzjonijiet sottostanti tal-kostijiet fl-abbozz rivedut tal-pjan tal-prestazzjoni tagħha.

(78)

Abbażi tas-sejbiet stabbiliti fil-premessi 64 sa 77, jenħtieġ li l-miri proposti inklużi fl-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni tal-Greċja jiġu vvalutati bħala inkonsistenti mal-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha fil-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tal-kosteffiċjenza.

Rieżami tal-abbozzi tal-miri tal-kosteffiċjenza għas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru fit-terminal

(79)

Il-Kummissjoni għandha tħassib fir-rigward tal-abbozz tal-miri tal-prestazzjoni tal-kosteffiċjenza fit-terminal tal-Greċja f’konformità mal-punt 2.1(c) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317.

(80)

It-tieni, il-Kummissjoni tosserva li l-abbozz tal-miri għax-xejra tal-kost unitarju ddeterminat fit-terminal għaż-żona tal-imposti fit-terminal tal-Greċja ta’ +6,8 % matul l-RP3 huwa ogħla mix-xejra reali tal-kost unitarju ddeterminat fit-terminal ta’ -3,9 % osservata matul l-RP2.

(81)

Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li l-Greċja jenħtieġ li tiġġustifika ulterjorment il-miri tal-kosteffiċjenza fit-terminal fid-dawl tal-osservazzjonijiet ta’ hawn fuq, jew jenħtieġ li tirrevedi ’l isfel l-abbozzi tal-miri għall-kost unitarju ddeterminat fit-terminal għall-RP3.

Rieżami tal-iskemi ta’ inċentivi msemmija fl-Artikolu 11 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317 li jikkomplementa l-valutazzjoni mill-Kummissjoni tal-abbozzi tal-miri tal-kapaċità

(82)

Fir-rigward tal-elementi għal rieżami stabbiliti fil-punt 2.1(f) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, il-Kummissjoni tosserva li kemm l-iskema ta’ inċentivi għall-kapaċità en route kif ukoll l-iskema ta’ inċentivi għall-kapaċità fit-terminal proposti fl-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni tal-Greċja jinkludu żvantaġġ finanzjarju massimu li jammonta għal 0,50 % tal-kostijiet iddeterminati għal en route u 0,60 % tal-kostijiet iddeterminati fit-terminal, u vantaġġ finanzjarju massimu li jammonta għal 0,10 % tal-kostijiet iddeterminati en route u 0,30 % tal-kostijiet iddeterminati fit-terminal.

(83)

Fir-rigward ta’ dawk l-iskemi ta’ inċentivi, abbażi tal-parir espert ipprovdut mill-korp ta’ analiżi tal-prestazzjoni, il-Kummissjoni għandha dubji kbar dwar jekk l-iżvantaġġi finanzjarji massimi proposti, li jammontaw għal 0,50 % tal-kostijiet iddeterminati en route u għal 0,60 % tal-kostijiet iddeterminati fit-terminal, humiex se jkollhom xi impatt materjali fuq id-dħul f’riskju, kif meħtieġ skont l-Artikolu 11(3), il-punt (a) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317.

(84)

Għalhekk, jenħtieġ li l-Greċja tirrevedi l-abbozzi tal-iskemi ta’ inċentivi tagħha għall-ilħuq tal-miri tal-kapaċità en route u fit-terminal sabiex l-iżvantaġġi finanzjarji massimi li jirriżultaw minn dawk l-iskemi ta’ inċentivi jiġu stabbiliti f’livell li jkollu impatt materjali fuq id-dħul f’riskju, kif meħtieġ b’mod espliċitu skont l-Artikolu 11(3), il-punt (a), tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, li fil-fehma tal-Kummissjoni jenħtieġ li jwassal għal żvantaġġ finanzjarju massimu daqs jew ogħla minn 1 % tal-kostijiet iddeterminati.

SEJBIET RIGWARD ĊIPRU

Valutazzjoni tal-abbozzi tal-miri tal-prestazzjoni fil-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tal-kapaċità

(85)

L-abbozzi tal-miri tal-kapaċità proposti minn Ċipru, espressi f’minuti ta’ dewmien tal-ATFM en route għal kull titjira, u l-valuri referenzjarji nazzjonali korrispondenti għall-RP3 stabbiliti fil-Pjan Operazzjonali tan-Network ta’ Settembru 2021 huma kif ġej:

 

2021

2022

2023

2024

Abbozzi tal-miri tal-kapaċità en route ta’ Ċipru, f’minuti ta’ dewmien tal-ATFM għal kull titjira

0,10

0,30

0,40

0,30

Valuri referenzjarji għal Ċipru, f’minuti ta’ dewmien tal-ATFM għal kull titjira

0,10

0,16

0,15

0,15

(86)

Il-Kummissjoni tosserva li l-abbozzi tal-miri tal-kapaċità proposti minn Ċipru għas-snin kalendarji 2021 sa 2024 huma ogħla mill-valuri referenzjarji nazzjonali korrispondenti stabbiliti fil-Pjan Operazzjonali tan-Network ta’ Settembru 2021. F’dan ir-rigward, l-akbar devjazzjoni tal-abbozzi tal-miri tal-kapaċità mill-valuri referenzjarji nazzjonali korrispondenti hija osservata għas-sena 2024, segwita mill-miri għall-2023 u għall-2022, rispettivament.

(87)

Il-Kummissjoni tinnota li l-miżuri ta’ titjib tal-kapaċità li huma deskritti fl-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni jinkludu wħud mill-miżuri li ġew stabbiliti fil-Pjan Operazzjonali tan-Network ta’ Settembru 2021. Dawk il-miżuri jinkludu t-titjib tal-livelli tal-persunal tal-ATSP, investimenti kbar fl-aġġornament tal-infrastruttura tal-ATM, kif ukoll miżuri ta’ ristrutturar tal-ispazju tal-ajru. Barra minn hekk, fir-rigward tal-persunal, l-għadd ta’ kontrolluri tat-traffiku tal-ajru li jkunu qed jaħdmu fiċ-ċentru ta’ kontroll taż-żona ta’ Nikosija huwa ppjanat li jiżdied bi 22 ekwivalenti ta’ ingaġġ full-time matul l-RP3.

(88)

Madankollu, il-Kummissjoni tosserva li bosta miżuri rilevanti ta’ titjib tal-kapaċità li jinsabu fil-Pjan Operazzjonali tan-Network ta’ Settembru 2021 mhumiex inklużi fl-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni ppreżentat minn Ċipru, jiġifieri t-titjib tal-fluss tat-traffiku tal-ajru u tat-tekniki ta’ ġestjoni tal-kapaċità, it-tranżizzjoni lejn iċ-ċentru l-ġdid ta’ kontroll taż-żona u proġett operazzjonali ta’ eċċellenza.

(89)

Filwaqt li jitqies li l-abbozzi tal-miri tal-kapaċità ta’ Ċipru huma ogħla mill-valuri referenzjarji nazzjonali korrispondenti matul l-aħħar tliet snin kalendarji tal-RP3, jidher, fir-rigward tal-punt 2.1(a) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2019/317, li l-miżuri proposti mhux se jkunu biżżejjed biex jissodisfaw id-domanda tat-traffiku mistennija, b’mod partikolari fid-dawl tat-tkabbir mistenni tat-traffiku matul l-RP3.

(90)

Fl-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni tiegħu, Ċipru jiddikjara li ma setgħux jiġu stabbiliti miri aktar ambizzjużi minħabba miżuri li jnaqqsu l-kostijiet biex jintlaħqu l-miri fil-qasam tal-prestazzjoni ewlieni tal-kosteffiċjenza, kif ukoll minħabba s-sitwazzjoni ġeopolitika li qed tinbidel li tħalli impatt sinifikanti fuq il-forniment tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru.

(91)

Madankollu, fid-dawl tal-kriterji ta’ valutazzjoni stabbiliti fil-punt 1.3 tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, il-Kummissjoni tqis li l-informazzjoni u l-evidenza pprovduti minn Ċipru fl-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni tagħha, inkluż fir-rigward ta’ ċirkostanzi lokali rilevanti, ma jiġġustifikawx id-devjazzjonijiet sinifikanti proposti tal-miri tal-kapaċità en route mill-valuri referenzjarji korrispondenti.

(92)

Abbażi tas-sejbiet stabbiliti fil-premessi 85 sa 91, jenħtieġ li l-miri proposti inklużi fl-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni ta’ Ċipru jiġu vvalutati bħala inkonsistenti mal-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha fil-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tal-kapaċità.

Valutazzjoni tal-abbozzi tal-miri tal-prestazzjoni fil-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tal-kosteffiċjenza

(93)

L-abbozzi tal-miri tal-kosteffiċjenza en route proposti minn Ċipru huma kif ġej:

Żona tal-imposti en route Ċipru

2014

valur bażi

2019

valur bażi

2020-2021

2022

2023

2024

L-abbozzi tal-miri tal-kosteffiċjenza en route, espressi bħala kost unitarju ddeterminat en route (f’termini reali bil-prezzijiet tal-2017)

EUR 32,94

EUR 26,61

EUR 49,85

EUR 34,14

EUR 32,52

EUR 32,26

(94)

Fir-rigward tal-kriterju stabbilit fil-punt 1.4(a) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, il-Kummissjoni tosserva li x-xejra tal-kost unitarju ddeterminat en route ta’ Ċipru fil-livell taż-żona tal-imposti ta’ +4,9 % matul l-RP3 hija inqas mix-xejra mal-Unjoni kollha ta’ +1,0 % matul l-istess perjodu.

(95)

Fir-rigward tal-kriterju stabbilit fil-punt 1.4(b) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, il-Kummissjoni tosserva li x-xejra fit-tul tal-kost unitarju ddeterminat en route ta’ Ċipru fil-livell taż-żona tal-imposti matul l-RP2 u l-RP3 ta’ -0,2 % kull sena hija inqas mix-xejra fit-tul mal-Unjoni kollha ta’ -1,3 % matul l-istess perjodu.

(96)

Fir-rigward tal-kriterju stabbilit fil-punt 1.4(c) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, il-Kummissjoni tosserva li l-valur bażi ta’ Ċipru għall-kost unitarju ddeterminat ta’ EUR 26,61 fl-EUR 2017 huwa 4,7 % inqas mill-valur bażi medju ta’ EUR 27,91 fl-EUR 2017 tal-grupp komparatur rilevanti. Madankollu, il-Kummissjoni tinnota li l-kost unitarju ddeterminat en route ta’ Ċipru huwa 6,0 % ’il fuq mill-medja tal-grupp komparatur fir-rigward tas-sena 2024.

(97)

Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk id-devjazzjonijiet osservati hawn fuq mill-kriterji stabbiliti fil-punti 1.4(a) u 1.4(b) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317 jistgħux jitqiesu neċessarji u proporzjonati skont il-punt 1.4(d) ta’ dak l-Anness.

(98)

Il-Kummissjoni tinnota li d-differenza stmata mill-korp ta’ analiżi tal-prestazzjoni bejn il-kostijiet en route ddeterminati fl-RP3 irrapportati fl-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni ta’ Ċipru u l-kostijiet iddeterminati meħtieġa biex tiġi ssodisfata x-xejra tal-kost unitarju ddeterminat mal-Unjoni kollha fl-RP3 hija ta’ madwar EUR 10 miljun fl-EUR 2017, filwaqt li devjazzjoni korrispondenti mix-xejra fit-tul mal-Unjoni kollha tammonta għal madwar EUR 6 miljun fl-EUR 2017.

(99)

Fir-rigward tal-kriterju stabbilit fil-punt 1.4(d)(i) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, il-Kummissjoni tinnota li fl-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni tiegħu, Ċipru ddikjara li d-devjazzjonijiet tal-kost mix-xejra tal-kost unitarju ddeterminat mal-Unjoni kollha u mix-xejra fit-tul tal-kost unitarju ddeterminat mal-Unjoni kollha huma minħabba l-miżuri meħtieġa biex jintlaħqu l-miri tal-kapaċità, fosthom it-tisħiħ tal-persunal u l-aġġornament tas-sistema eżistenti tal-ATM, li għandhom l-għan li jippermettu l-operat ta’ setturi addizzjonali tal-ATC. L-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni jindika li matul l-RP3 huwa mistenni li jsiru operazzjonali kontrolluri tat-traffiku tal-ajru addizzjonali, bl-għadd totali ta’ kontrolluri tat-traffiku tal-ajru f’operazzjonijiet ippjanat li jilħaq 100 ekwivalenti ta’ ingaġġ full-time fl-2024, minn 73 ekwivalenti ta’ ingaġġ full-time fl-2019. Madankollu, il-Kummissjoni tinnota li fl-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni tiegħu, Ċipru ma kkwantifikax l-impatt mistenni fuq il-kostijiet tal-miżuri ppreżentati assoċjat mal-ilħuq tal-miri tal-kapaċità lokali.

(100)

Jenħtieġ li jiġi nnotat li nstab li l-abbozzi tal-miri tal-kapaċità stabbiliti minn Ċipru, għar-raġunijiet iddikjarati fil-premessi (85) sa (91), huma inkonsistenti mal-miri tal-prestazzjoni korrispondenti mal-Unjoni kollha. Fin-nuqqas ta’ miri tal-kapaċità vvalutati bħala konsistenti, il-Kummissjoni tqis li f’dan l-istadju mhuwiex possibbli li tikkonkludi l-valutazzjoni relatata mal-kriterju speċifikat fil-punt 1.4(d)(i) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317 fir-rigward ta’ Ċipru, peress li l-miżuri ppjanati meħtieġa biex jintlaħqu l-miri tal-kapaċità jistgħu jinbidlu b’rabta mar-reviżjoni meħtieġa tal-miri tal-kapaċità.

(101)

Fir-rigward tal-kriterju stabbilit fil-punt 1.4(d)(ii) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, jenħtieġ li jiġi nnotat li fl-abbozzi tal-pjanijiet tal-prestazzjoni tiegħu, Ċipru jirreferi għal miżura ta’ ristrutturar ippjanata biex tiġi stabbilita entità korporattiva ġdida għall-forniment tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru f’Ċipru. Ċipru jindika li jipprevedi kostijiet ta’ ristrutturar fir-rigward ta’ dik il-miżura iżda jenfasizza wkoll li l-istima ta’ dawk il-kostijiet ma kinitx possibbli fiż-żmien meta ġie stabbilit l-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni. Għaldaqstant, l-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni ma fihx xi ġustifikazzjoni jew dettalji li jippermettu lill-Kummissjoni tivvaluta l-applikabbiltà tal-kriterju stabbilit fil-punt 1.4(d)(ii) fir-rigward tal-miżura nnotifikata. B’konsegwenza ta’ dan, il-kriterju stabbilit fil-punt 1.4(d)(ii) mhuwiex issodisfat fir-rigward ta’ Ċipru.

(102)

Abbażi tas-sejbiet stabbiliti fil-premessi 93 sa 101, jenħtieġ li l-miri proposti inklużi fl-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni ta’ Ċipru jiġu vvalutati bħala inkonsistenti mal-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha fil-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tal-kosteffiċjenza.

SEJBIET RIGWARD IL-LATVJA

Valutazzjoni tal-abbozzi tal-miri tal-prestazzjoni fil-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tal-kosteffiċjenza

(103)

L-abbozzi tal-miri tal-kosteffiċjenza en route proposti mil-Latvja għall-RP3 huma kif ġej:

Żona tal-imposti en route tal-Latvja

2014

valur bażi

2019

valur bażi

2020-2021

2022

2023

2024

L-abbozzi tal-miri tal-kosteffiċjenza en route, espressi bħala kost unitarju ddeterminat en route (f’termini reali bil-prezzijiet tal-2017)

EUR 27,90

EUR 23,61

EUR 40,07

EUR 31,28

EUR 29,14

EUR 26,83

(104)

Fir-rigward tal-kriterju stabbilit fil-punt 1.4(a) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, il-Kummissjoni tosserva li x-xejra tal-kost unitarju ddeterminat en route tal-Latvja fil-livell taż-żona tal-imposti ta’ +3,3 % kull sena matul l-RP3 hija inqas mix-xejra mal-Unjoni kollha ta’ +1,0 % matul l-istess perjodu.

(105)

Fir-rigward tal-kriterju stabbilit fil-punt 1.4(b) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, il-Kummissjoni tosserva li x-xejra fit-tul tal-kost unitarju ddeterminat en route tal-Latvja fil-livell taż-żona tal-imposti matul l-RP2 u l-RP3 ta’ -0,4 % kull sena hija inqas mix-xejra fit-tul mal-Unjoni kollha ta’ -1,3 % matul l-istess perjodu.

(106)

Fir-rigward tal-kriterju stabbilit fil-punt 1.4(c) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, il-Kummissjoni tosserva li l-valur bażi għall-kost unitarju ddeterminat ta’ EUR 23,61 tal-Latvja fl-EUR 2017 huwa 17,2 % iktar baxx mill-valur bażi medju ta’ EUR 28,51 fl-EUR 2017 tal-grupp komparatur rilevanti. Il-Kummissjoni tinnota li l-kost unitarju ddeterminat en route tal-Latvja għall-2024 se jkompli jkun aktar baxx bi 15 % mill-medja tal-grupp komparatur.

(107)

Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk id-devjazzjonijiet osservati hawn fuq mill-kriterji stabbiliti fil-punti 1.4(a) u 1.4(b) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317 jistgħux jitqiesu neċessarji u proporzjonati skont il-punt 1.4(d) ta’ dak l-Anness.

(108)

Il-Kummissjoni tinnota li d-differenza stmata mill-korp ta’ analiżi tal-prestazzjoni bejn il-kostijiet en route ddeterminati fl-RP3 irrapportati fl-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni tal-Latvja u l-kostijiet iddeterminati meħtieġa biex tiġi ssodisfata x-xejra tal-kost unitarju ddeterminat mal-Unjoni kollha fl-RP3 hija ta’ madwar EUR 2 miljun fl-EUR 2017, filwaqt li devjazzjoni korrispondenti mix-xejra fit-tul mal-Unjoni kollha tammonta għal madwar EUR 2 miljun fl-EUR 2017.

(109)

Fir-rigward tal-kriterju stabbilit fil-punt 1.4(d)(i) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, il-Kummissjoni tinnota li fl-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni, il-Latvja tistabbilixxi ċerti miżuri meħuda mill-fornitur tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru (LGS) għall-fini li jintlaħqu l-miri tal-kapaċità lokali.

(110)

Il-Kummissjoni tosserva li wara l-implimentazzjoni tal-miżuri għat-tnaqqis tal-kostijiet fl-2020 u fl-2021, l-LGS għandu l-ħsieb li jżid il-kostijiet tal-persunal u tad-deprezzament tiegħu fis-snin li jifdal tal-RP3 bil-ħsieb li jakkomoda l-irkupru tat-traffiku mistenni mill-2022 sal-2024, u l-mitigazzjoni taż-żieda fl-ammont ta’ xogħol minħabba r-ridirezzjonar tar-rotot madwar l-ispazju tal-ajru tal-Belarussja.

(111)

Fir-rigward tal-miżuri dwar il-persunal, il-Kummissjoni tosserva li l-LGS qed jippjana li jżid l-għadd ta’ kontrolluri tat-traffiku tal-ajru en route li qed joperaw matul l-RP3 b’disa’ ekwivalenti ta’ ingaġġ full-time fl-2020-2021, u wieħed fl-2022-2024. Huwa rikonoxxut li l-ANSP stabbilixxa dan il-programm ta’ taħriġ tal-kontrolluri tat-traffiku tal-ajru qabel il-pandemija, sabiex jakkomoda t-tkabbir previst tat-traffiku u jevita dewmien futur tal-ATFM en route bħal dawk esperjenzati fl-RP2.

(112)

Fir-rigward tal-politika ta’ remunerazzjoni, il-Kummissjoni tosserva li mill-2022, l-LGS qed jippjana li jerġa’ jdaħħal fis-seħħ xi wħud mill-obbligi tiegħu lejn l-impjegati, inkluża żieda fis-salarju gross ta’ 8 % miftiehma li kienet ġiet sospiża temporanjament matul il-kriżi. Barra minn hekk, il-Latvja tistenna li ġġarrab żidiet addizzjonali fis-salarji minħabba tkabbir ġenerali fis-salarju medju nazzjonali.

(113)

Fir-rigward tal-investimenti ppjanati f’assi fissi, il-Kummissjoni tosserva li l-LGS qed jippjana li fl-RP3 jerġa’ jibda diversi proġetti ta’ investiment, soġġett għall-prestazzjoni finanzjarja tal-LGS u l-irkupru reali tat-traffiku. Il-Kummissjoni tosserva li l-kostijiet ta’ deprezzament tal-erba’ investimenti kbar ġodda u investimenti ġodda oħrajn irrapportati mil-LGS huma mistennija li jiżdiedu b’mod konsiderevoli fl-2023. Madankollu, il-kontribut ta’ dawk l-investimenti għall-provvista futura tal-kapaċità mhuwiex issostanzjat fl-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni tal-Latvja.

(114)

Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-impjieg ta’ kontrolluri tat-traffiku tal-ajru addizzjonali u t-tnedija mill-ġdid ta’ investimenti li jsaħħu l-kapaċità f’assi fissi jistgħu jkunu raġunijiet validi għad-devjazzjoni mix-xejriet tad-DUC mal-Unjoni kollha sabiex tinkiseb il-kapaċità meħtieġa fit-tul. Madankollu, il-Kummissjoni ma setgħetx tistabbilixxi, abbażi tal-informazzjoni li tinsab fl-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni tal-Latvja, li ż-żieda indikata fis-salarji tal-persunal tkun miżura meħtieġa u proporzjonata biex jintlaħqu l-miri tal-prestazzjoni tal-kapaċità lokali u tista’ tiġi invokata biex tiġġustifika devjazzjoni mix-xejriet tad-DUC mal-Unjoni kollha.

(115)

Barra minn hekk, abbażi tal-valutazzjoni tal-korp ta’ analiżi tal-prestazzjoni, il-Kummissjoni sabet li l-kost tal-kapital propost mil-Latvja juri anomalija fir-rigward tar-redditu ppjanat fuq l-ekwità, li ma ġiex stabbilit f’livell proporzjonat mal-iskopertura għar-riskju finanzjarju tal-fornitur tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru. Dan iwassal għal kost tal-kapital matul l-RP3 li huwa madwar EUR 1,5 miljun ogħla mir-riskju finanzjarju mġarrab b’riżultat tal-mekkaniżmu tar-riskju tat-traffiku. Dak l-eċċess ma jistax jiġi ġġustifikat b’referenza għall-ilħuq tal-miri tal-kapaċità.

(116)

Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li l-Latvja ma wrietx b’mod adegwat li d-devjazzjonijiet imsemmija fil-premessa (108) jistgħu jiġu attribwiti esklużivament għal kostijiet iddeterminati addizzjonali relatati mal-miżuri meħtieġa biex jintlaħqu l-miri tal-prestazzjoni lokali fil-qasam ta’ prestazzjoni ewlieni tal-kapaċità. B’hekk, il-kriterju stabbilit fil-punt 1.4(d)(i) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317 mhuwiex issodisfat fir-rigward tal-Latvja.

(117)

Fir-rigward tal-kriterju stabbilit fil-punt 1.4(d)(ii) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, huwa biżżejjed li jissemma li fl-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni, il-Latvja ma ppreżentat l-ebda miżura ta’ ristrutturar li tiġġustifika devjazzjoni mix-xejra tal-kost unitarju ddeterminat mal-Unjoni kollha jew mix-xejra fit-tul tal-kost unitarju ddeterminat mal-Unjoni kollha. B’hekk, il-kriterju stabbilit fil-punt 1.4(d)(ii) mhuwiex issodisfat fir-rigward tal-Latvja.

(118)

Barra minn hekk, ir-rieżami tal-fatturi u tal-parametri ewlenin imsemmija fil-punt 2.1(d) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317 li fuqhom huma bbażati l-abbozzi tal-miri tal-prestazzjoni fil-qasam ewlieni ta’ prestazzjoni tal-kosteffiċjenza rriżulta fis-sejbiet li ġejjin relatati mal-valuri bażi u mal-kostijiet tal-pensjonijiet tal-2014 u tal-2019.

(119)

L-ewwel nett, il-Kummissjoni tosserva li, mill-2020, il-Latvja kienet qed talloka parti mill-bażi tal-kost tagħha għar-reġjun ta’ informazzjoni dwar it-titjir ta’ Vilnius (“FIR ta’ Vilnius”) li tikkorrispondi għall-kostijiet tas-servizzi tal-ATM u tal-komunikazzjoni, tan-navigazzjoni u tas-sorveljanza (CNS) ipprovduti fir-rotta NINTA – ADAXA. Madankollu, l-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni tal-Latvja jirrapporta valuri bażi li huma ugwali għall-kostijiet reali tal-2014 u l-2019, rispettivament, mingħajr ma jitnaqqsu l-kostijiet relatati mar-rotta NINTA – ADAXA. Abbażi tal-parir mill-korp ta’ analiżi tal-prestazzjoni, il-Kummissjoni tqis li l-aġġustamenti għal-linji bażi tal-kost u tat-traffiku tal-2014 u l-2019 tal-Latvja huma meħtieġa sabiex dawk il-valuri jsiru komparabbli mal-kostijiet iddeterminati fl-RP3 u jippermettu valutazzjoni akkurata tal-miri tal-kosteffiċjenza tal-Latvja matul l-RP3.

(120)

It-tieni, abbażi tal-parir mill-korp ta’ analiżi tal-prestazzjoni, il-Kummissjoni tqis li l-Latvja jenħtieġ li tevalwa mill-ġdid jew tiġġustifika aħjar il-kostijiet iddeterminati proposti fir-rigward tal-pensjonijiet, peress li s-sehem proporzjonali ta’ dawk il-kostijiet jidher anormalment għoli fir-rigward tal-bażi tal-kost totali.

(121)

Abbażi tas-sejbiet stabbiliti fil-premessi 103 sa 120, jenħtieġ li l-miri proposti inklużi fl-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni tal-Latvja jiġu vvalutati bħala inkonsistenti mal-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha fil-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tal-kosteffiċjenza.

SEJBIET RIGWARD MALTA

Valutazzjoni tal-abbozzi tal-miri tal-prestazzjoni fil-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tal-kosteffiċjenza

(122)

L-abbozzi tal-miri tal-kosteffiċjenza en route proposti minn Malta għall-RP3 huma kif ġej:

Żona tal-imposti en route ta’ Malta

2014

valur bażi

2019

valur bażi

2020-2021

2022

2023

2024

L-abbozzi tal-miri tal-kosteffiċjenza en route, espressi bħala kost unitarju ddeterminat en route (f’termini reali bil-prezzijiet tal-2017)

EUR 21,50

EUR 22,98

EUR 44,08

EUR 31,85

EUR 24,83

EUR 24,85

(123)

Fir-rigward tal-kriterju stabbilit fil-punt 1.4(a) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, il-Kummissjoni tosserva li x-xejra tal-kost unitarju ddeterminat en route ta’ Malta fil-livell taż-żona tal-imposti ta’ +2,0 % kull sena matul l-RP3 hija inqas mix-xejra mal-Unjoni kollha ta’ +1,0 % matul l-istess perjodu.

(124)

Fir-rigward tal-kriterju stabbilit fil-punt 1.4(b) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, il-Kummissjoni tosserva li x-xejra fit-tul tal-kost unitarju ddeterminat en route ta’ Malta fil-livell taż-żona tal-imposti matul l-RP2 u l-RP3 ta’ +1,6 % kull sena hija inqas mix-xejra fit-tul mal-Unjoni kollha ta’ -1,3 % matul l-istess perjodu.

(125)

Fir-rigward tal-kriterju stabbilit fil-punt 1.4(c) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, il-Kummissjoni tosserva li l-valur bażi għall-kost unitarju ddeterminat ta’ EUR 22,98 ta’ Malta fl-EUR 2017 huwa 19,7 % iktar baxx mill-valur bażi medju ta’ EUR 28,64 fl-EUR 2017 tal-grupp komparatur rilevanti. Il-Kummissjoni tinnota li l-kost unitarju ddeterminat en route ta’ Malta għall-2024 se jkompli jkun aktar baxx bi 22,1 % mill-medja tal-grupp komparatur.

(126)

Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk id-devjazzjonijiet osservati hawn fuq mill-kriterji stabbiliti fil-punti 1.4(a) u 1.4(b) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317 jistgħux jitqiesu neċessarji u proporzjonati skont il-punt 1.4(d) ta’ dak l-Anness.

(127)

Il-Kummissjoni tinnota li d-differenza stmata mill-korp ta’ analiżi tal-prestazzjoni bejn il-kostijiet en route ddeterminati fl-RP3 irrapportati fl-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni ta’ Malta u l-kostijiet iddeterminati meħtieġa biex tiġi ssodisfata x-xejra tal-kost unitarju ddeterminat mal-Unjoni kollha fl-RP3 hija ta’ madwar EUR 1 miljun fl-EUR 2017, filwaqt li devjazzjoni korrispondenti mix-xejra fit-tul mal-Unjoni kollha tammonta għal madwar EUR 5,8 miljun fl-EUR 2017.

(128)

Fir-rigward tal-kriterju stabbilit fil-punt 1.4(d)(i) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, fl-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni tagħha Malta ppreżentat ċerti miżuri u investimenti relatati mal-ilħuq tal-miri tal-kapaċità.

(129)

B’mod partikolari, il-Kummissjoni tosserva li sal-2024, MATSA qed tippjana li timpjega erba’ speċjalisti tekniċi bħala persunal tal-elettronika tas-sikurezza tat-traffiku tal-ajru u ħames kontrolluri tat-traffiku tal-ajru. Madankollu, il-kontrolluri tat-traffiku tal-ajru l-ġodda se jibdew bi klassifikazzjoni ta’ Torri u l-kostijiet tal-persunal relatati huma għalhekk ippjanati li inizjalment jiġu allokati l-aktar għas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru fit-terminal. Il-Kummissjoni tinnota wkoll li, mill-2023, MATSA qed tippjana li żżid ir-remunerazzjonijiet tal-persunal wara ffriżar tas-salarji ta’ sentejn miftiehem b’mod kollettiv mal-persunal tagħha sabiex jiġu ffrankati l-kostijiet matul il-pandemija.

(130)

Il-Kummissjoni tinnota li MATSA qed tippjana li żżid kostijiet operatorji oħrajn bil-għan li ttejjeb il-kompetenza tal-persunal u tipprovdi taħriġ sabiex tippermetti t-twassil ta’ kapaċità futura. Il-Kummissjoni tosserva wkoll li MATSA tirrapporta li primjums tal-assigurazzjoni u inflazzjoni ogħla huma fatturi ewlenin oħra ta’ kostijiet operatorji addizzjonali oħrajn.

(131)

Il-korp ta’ analiżi tal-prestazzjoni jirrapporta li matul l-RP3, MATSA qed tippjana li żżid b’mod sinifikanti l-kostijiet tad-deprezzament tagħha. Madankollu, il-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda evidenza li ż-żieda fil-kostijiet tad-deprezzament tista’ tiġi ġġustifikata minħabba miżuri relatati mal-kapaċità, peress li l-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni ta’ Malta ma jipprovdi l-ebda dettall dwar il-kontribuzzjoni għall-kapaċità tal-investimenti l-ġodda ppjanati fl-RP3.

(132)

Il-Kummissjoni tqis li żieda fl-għadd ta’ persunal tal-ANSP sabiex takkomoda l-kapaċità mistennija futura tista’ tkun raġuni valida għal devjazzjoni skont il-punt 1.4(d)(i) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317 fir-rigward ta’ Malta. Madankollu, minħabba informazzjoni insuffiċjenti fl-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni, il-Kummissjoni ma setgħetx tistabbilixxi jekk iż-żidiet irrapportati fis-salarji tal-persunal u l-investimenti ppjanati fl-assi fissi humiex meħtieġa u proporzjonati bil-ħsieb li jintlaħqu l-miri tal-kapaċità lokali, u għalhekk tista’ tiġi invokata biex tiġġustifika devjazzjoni mix-xejriet tad-DUC mal-Unjoni kollha.

(133)

Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li Malta ma wrietx b’mod adegwat li d-devjazzjonijiet imsemmija fil-premessi 128 sa 132 jistgħu jiġu attribwiti esklużivament għal kostijiet iddeterminati addizzjonali relatati mal-miżuri meħtieġa biex jintlaħqu l-miri tal-prestazzjoni lokali fil-qasam ta’ prestazzjoni ewlieni tal-kapaċità. B’konsegwenza ta’ dan, il-kriterju stabbilit fil-punt 1.4(d)(i) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317 mhuwiex issodisfat fir-rigward ta’ Malta.

(134)

Fir-rigward tal-kriterju stabbilit fil-punt 1.4(d)(ii) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, huwa biżżejjed li jissemma li fl-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni, Malta ma ppreżentat l-ebda miżura ta’ ristrutturar li tiġġustifika devjazzjoni mix-xejra tal-kost unitarju ddeterminat mal-Unjoni kollha jew mix-xejra fit-tul tal-kost unitarju ddeterminat mal-Unjoni kollha. B’hekk, il-kriterju stabbilit fil-punt 1.4(d)(ii) mhuwiex issodisfat fir-rigward ta’ Malta.

(135)

Abbażi tas-sejbiet stabbiliti fil-premessi 122 sa 134, jenħtieġ li l-miri proposti inklużi fl-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni ta’ Malta jiġu vvalutati bħala inkonsistenti mal-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha fil-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tal-kosteffiċjenza.

Rieżami tal-abbozzi tal-miri tal-kosteffiċjenza għas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru fit-terminal

(136)

Il-Kummissjoni għandha tħassib fir-rigward tal-abbozz tal-miri tal-prestazzjoni tal-kosteffiċjenza fit-terminal ta’ Malta f’konformità mal-punt 2.1(c) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317.

(137)

L-ewwel nett, meta qabblet ix-xejra tal-kost unitarju ddeterminat fit-terminal għall-RP3 max-xejra tal-kost unitarju ddeterminat en route, il-Kummissjoni sabet li x-xejra tal-kost unitarju ddeterminat fit-terminal taż-żona tal-imposti fit-terminal ta’ Malta ta’ +4,3 % hija ogħla mix-xejra tal-kost unitarju ddeterminat en route ta’ Malta fil-livell taż-żona tal-imposti ta’ +2,0 % matul l-RP3.

(138)

It-tieni, il-Kummissjoni tosserva li l-abbozz tal-miri għax-xejra tal-kost unitarju ddeterminat fit-terminal għaż-żona tal-imposti fit-terminal ta’ Malta ta’ +4,3 % matul l-RP3 huwa ogħla mix-xejra reali tal-kost unitarju ddeterminat fit-terminal ta’ +0,6 % osservata matul l-RP2.

(139)

Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li Malta jenħtieġ li tiġġustifika aktar il-miri tal-kosteffiċjenza fit-terminal fid-dawl tal-osservazzjonijiet ta’ hawn fuq, jew jenħtieġ li tirrevedi ’l isfel l-abbozzi tal-miri għall-kost unitarju ddeterminat fit-terminal matul l-RP3.

SEJBIET RIGWARD IR-RUMANIJA

Valutazzjoni tal-abbozzi tal-miri tal-prestazzjoni fil-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tal-kosteffiċjenza

(140)

L-abbozzi tal-miri tal-kosteffiċjenza en route proposti mir-Rumanija għall-RP3 huma kif ġej:

Żona tal-imposti en route tar-Rumanija

2014

valur bażi

2019

valur bażi

2020-2021

2022

2023

2024

L-abbozzi tal-miri tal-kosteffiċjenza en route, espressi bħala kost unitarju ddeterminat en route (f’termini reali bil-prezzijiet tal-2017)

RON 165,00

RON 155,38

RON 298,87

RON 191,50

RON 174,25

RON 174,33

EUR 36,13

EUR 34,03

EUR 65,45

EUR 41,94

EUR 38,16

EUR 38,18

(141)

Fir-rigward tal-kriterju stabbilit fil-punt 1.4(a) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, il-Kummissjoni tosserva li x-xejra tal-kost unitarju ddeterminat en route tar-Rumanija fil-livell taż-żona tal-imposti ta’ +2,9 % kull sena matul l-RP3 hija inqas mix-xejra mal-Unjoni kollha ta’ +1,0 % matul l-istess perjodu.

(142)

Fir-rigward tal-kriterju stabbilit fil-punt 1.4(b) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, il-Kummissjoni tosserva li x-xejra fit-tul tal-kost unitarju ddeterminat en route tar-Rumanija fil-livell taż-żona tal-imposti matul l-RP2 u l-RP3 ta’ +0,6 % kull sena hija inqas mix-xejra fit-tul mal-Unjoni kollha ta’ -1,3 % matul l-istess perjodu.

(143)

Fir-rigward tal-kriterju stabbilit fil-punt 1.4(c) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, il-Kummissjoni tosserva li l-valur bażi għall-kost unitarju ddeterminat ta’ EUR 34,03 tar-Rumanija fl-EUR 2017 huwa 14,6 % iktar baxx mill-valur bażi medju ta’ EUR 39,84 fl-EUR 2017 tal-grupp komparatur rilevanti. Il-Kummissjoni tinnota li l-kost unitarju ddeterminat en route tar-Rumanija għall-2024 se jkompli jkun aktar baxx b’9,0 % mill-medja tal-grupp komparatur.

(144)

Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk id-devjazzjonijiet osservati hawn fuq mill-kriterji stabbiliti fil-punti 1.4(a) u 1.4(b) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317 jistgħux jitqiesu neċessarji u proporzjonati skont il-punt 1.4(d) ta’ dak l-Anness.

(145)

Il-Kummissjoni tinnota li d-differenza stmata mill-korp ta’ analiżi tal-prestazzjoni bejn il-kostijiet en route ddeterminati fl-RP3 irrapportati fl-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni u l-kostijiet iddeterminati meħtieġa biex tiġi ssodisfata x-xejra tal-kost unitarju ddeterminat mal-Unjoni kollha fl-RP3 hija ta’ madwar EUR 15-il miljun fl-EUR 2017, filwaqt li devjazzjoni korrispondenti mix-xejra fit-tul mal-Unjoni kollha tammonta għal madwar EUR 32 miljun fl-EUR 2017.

(146)

Fir-rigward tal-kriterju stabbilit fil-punt 1.4(d)(i) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, il-Kummissjoni tinnota li fl-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni, ir-Rumanija tirrapporta li matul l-RP3 se jiġġarrbu kostijiet iddeterminati addizzjonali mill-fornitur tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru en route, jiġifieri ROMATSA, sabiex jiġu implimentati miżuri biex jintlaħqu l-miri tal-kapaċità lokali. Il-miżuri invokati mir-Rumanija huma relatati l-aktar mal-kostijiet tal-persunal u tat-taħriġ, segwiti mill-kostijiet tal-investiment.

(147)

Il-Kummissjoni tosserva li ROMATSA qed jippjana li jġarrab kostijiet addizzjonali tal-persunal u kostijiet operatorji oħrajn sabiex jirrekluta u jħarreġ kontrolluri tat-traffiku tal-ajru en route ġodda. Ir-Rumanija tiġġustifika l-pjan propost ta’ reklutaġġ u ta’ taħriġ sabiex tissostitwixxi mewġa kbira ta’ rtirar ippjanat li huwa previst li jilħaq l-ogħla livell fl-RP4. Ir-Rumanija tindika li l-pjan għandu jibda diġà fl-RP3 meta wieħed iqis li jkun hemm bżonn ta’ bejn tliet snin u ħames snin biex jiġi mħarreġ kontrollur tat-traffiku tal-ajru kompletament liċenzjat. Madankollu, il-korp ta’ analiżi tal-prestazzjoni sab li l-livell tal-kostijiet assoċjati mal-pjan ta’ reklutaġġ jenħtieġ li jiġi ssostanzjat u ġġustifikat ulterjorment, meta jitqies il-livell għoli tagħhom. Abbażi tal-pariri mill-korp ta’ analiżi tal-prestazzjoni, il-Kummissjoni tqis li ROMATSA jenħtieġ li, b’mod partikolari, jipprovdi spjegazzjoni ulterjuri dwar kif ġew ikkalkolati l-kostijiet tal-persunal u tat-taħriġ għal kull ekwivalenti ta’ ingaġġ full-time.

(148)

Fir-rigward tal-kostijiet ta’ investiment, il-Kummissjoni tosserva li l-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni tar-Rumanija jiddeskrivi l-ħtieġa li jiġu mġarrba kostijiet tad-deprezzament addizzjonali u l-kost tal-kapital, sabiex jiġu implimentati l-proġetti li ġejjin: il-pass 1 tal-fażi 1 tas-sistema tal-ATM (li bdiet fl-RP2 u tiddeprezza mill-2020) u l-pass 1 tal-fażi 2 (li bdiet fl-RP2 u tiddeprezza mill-2022), l-għodda tal-kumplessità u tal-valutazzjoni tat-traffiku ppjanata li tiġi implimentata fl-2024, u l-kuntratt ta’ servizzi ta’ Datalink.

(149)

Fir-rigward tal-kostijiet tas-sistema tal-ATM, fir-rapport ta’ monitoraġġ tal-RP2 tiegħu, il-korp ta’ analiżi tal-prestazzjoni kien sab li n-nefqa kapitali għall-pass 1 tal-fażi 2 prevista għall-RP2 ma ġietx irrealizzata matul il-perjodu referenzjarju kollu, u l-kostijiet tal-investiment reali totali kienu ferm aktar baxxi minn dawk iddeterminati fil-pjan tal-prestazzjoni tal-RP2. B’mod ġenerali, il-korp ta’ analiżi tal-prestazzjoni jikkalkula li fl-RP2, l-utenti tal-ispazju tal-ajru ffinanzjaw EUR 32,5 miljun għal investimenti li ma mmaterjalizzawx, u mhuwiex magħruf jekk dan l-ammont huwiex se jiġi rimborżat lill-utenti tal-ispazju tal-ajru. Għalhekk, il-korp ta’ analiżi tal-prestazzjoni kkonkluda li l-kostijiet addizzjonali invokati mir-Rumanija bħala devjazzjoni biex jintlaħqu l-miri tal-kapaċità en route tal-RP3 lokali tagħha mhumiex iġġustifikati.

(150)

Jenħtieġ li jiġi nnotat li l-Kummissjoni sabet, abbażi tal-valutazzjoni tal-korp ta’ analiżi tal-prestazzjoni, li l-kost tal-kapital propost mir-Rumanija ma ġiex stabbilit f’livell proporzjonat mal-kost effiċjenti tal-livell tal-kapital. Dan iwassal għal kost tal-kapital matul l-RP3 li huwa EUR 16-il miljun ogħla mir-riskju finanzjarju mġarrab b’riżultat tal-mekkaniżmu tar-riskju tat-traffiku. Dan l-eċċess ma jistax jiġi ġġustifikat b’referenza għall-ilħuq tal-miri tal-kapaċità.

(151)

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet stabbiliti fil-premessi 146 sa 150 u wara li kkunsidrat il-pariri mill-korp ta’ analiżi tal-prestazzjoni, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-kriterju stabbilit fil-punt 1.4(d)(i) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317 mhuwiex issodisfat fir-rigward tar-Rumanija.

(152)

Fir-rigward tal-kriterju stabbilit fil-punt 1.4(d)(ii) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, huwa biżżejjed li jissemma li fl-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni, ir-Rumanija ma ppreżentat l-ebda miżura ta’ ristrutturar li tiġġustifika devjazzjoni mix-xejra tal-kost unitarju ddeterminat mal-Unjoni kollha jew mix-xejra fit-tul tal-kost unitarju ddeterminat mal-Unjoni kollha. B’hekk, il-kriterju stabbilit fil-punt 1.4(d)(ii) mhuwiex issodisfat fir-rigward tar-Rumanija.

(153)

Abbażi tas-sejbiet stabbiliti fil-premessi 140 sa 152, jenħtieġ li l-miri proposti inklużi fl-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni tar-Rumanija jiġu vvalutati bħala inkonsistenti mal-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha fil-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tal-kosteffiċjenza.

Rieżami tal-abbozzi tal-miri tal-kosteffiċjenza għas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru fit-terminal

(154)

Il-Kummissjoni għandha tħassib fir-rigward tal-abbozz tal-miri tal-prestazzjoni tal-kosteffiċjenza fit-terminal tar-Rumanija f’konformità mal-punt 2.1(c) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317.

(155)

L-ewwel nett, meta qabblet ix-xejra tal-kost unitarju għall-RP3 iddeterminat fit-terminal max-xejra tal-kost unitarju ddeterminat en route, il-Kummissjoni sabet li x-xejra tal-kost unitarju ddeterminat fit-terminal taż-żona tal-imposti fit-terminal tar-Rumanija ta’ +4,3 % hija ogħla mix-xejra tal-kost unitarju ddeterminat en route tar-Rumanija fil-livell taż-żona tal-imposti ta’ +2,9 % matul l-RP3.

(156)

It-tieni, il-Kummissjoni tosserva li l-abbozz tal-miri għax-xejra tal-kost unitarju ddeterminat fit-terminal għaż-żona tal-imposti fit-terminal tar-Rumanija ta’ +4,3 % matul l-RP3 huwa ogħla mix-xejra reali tal-kost unitarju ddeterminat fit-terminal ta’ -3,1 % osservata matul l-RP2.

(157)

Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li r-Rumanija jenħtieġ li tiġġustifika ulterjorment il-miri tal-kosteffiċjenza fit-terminal fid-dawl tal-osservazzjonijiet ta’ hawn fuq, jew jenħtieġ li tirrevedi ’l isfel l-abbozzi tal-miri għall-kost unitarju ddeterminat fit-terminal għall-RP3.

Rieżami tal-iskemi ta’ inċentivi msemmija fl-Artikolu 11 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317 li jikkomplementa l-valutazzjoni mill-Kummissjoni tal-abbozzi tal-miri tal-kapaċità

(158)

Fir-rigward tal-elementi għal rieżami stabbiliti fil-punt 2.1(f) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, il-Kummissjoni tosserva li l-iskema ta’ inċentivi tal-kapaċità fit-terminal, proposta fl-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni tar-Rumanija, tinkludi żvantaġġ finanzjarju massimu li jammonta għal 0,50 % tal-kostijiet iddeterminati u vantaġġ finanzjarju massimu li jammonta għal 0,50 % tal-kostijiet iddeterminati.

(159)

Fir-rigward tal-iskema ta’ inċentivi fit-terminal, abbażi tal-parir minn esperti pprovdut mill-korp ta’ analiżi tal-prestazzjoni, il-Kummissjoni għandha dubji kbar dwar jekk l-iżvantaġġ finanzjarju massimu propost, li jammonta għal 0,50 % tal-kostijiet iddeterminati, ikollux impatt materjali fuq id-dħul f’riskju, kif meħtieġ skont l-Artikolu 11(3), il-punt (a) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317.

(160)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Rumanija tirrevedi l-abbozz tal-iskema ta’ inċentivi tagħha għall-ilħuq tal-miri tal-kapaċità fit-terminal sabiex l-iżvantaġġ finanzjarju massimu li jirriżulta minn dik l-iskema ta’ inċentivi jiġi stabbilit f’livell li jkollu impatt materjali fuq id-dħul f’riskju, kif meħtieġ b’mod espliċitu skont l-Artikolu 11(3), il-punt (a), tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, li fil-fehma tal-Kummissjoni jenħtieġ li jwassal għal żvantaġġ finanzjarju massimu daqs jew akbar minn 1 % tal-kostijiet iddeterminati.

SEJBIET RIGWARD L-IŻVEZJA

Valutazzjoni tal-abbozzi tal-miri tal-prestazzjoni fil-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tal-kosteffiċjenza

(161)

L-abbozzi tal-miri tal-kosteffiċjenza en route proposti mill-Iżvezja għall-RP3 huma kif ġej:

Żona tal-imposti en route tal-Iżvezja

2014

valur bażi

2019

valur bażi

2020-2021

2022

2023

2024

L-abbozzi tal-miri tal-kosteffiċjenza en route, espressi bħala kost unitarju ddeterminat en route (f’termini reali bil-prezzijiet tal-2017)

SEK 522,30

SEK 567,11

SEK 1 361,88

SEK 676,24

SEK 605,51

SEK 570,87

EUR 54,22

EUR 58,87

EUR 141,38

EUR 70,20

EUR 62,86

EUR 59,26

(162)

Fir-rigward tal-kriterju stabbilit fil-punt 1.4(a) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, il-Kummissjoni tosserva li x-xejra tal-kost unitarju ddeterminat en route tal-Iżvezja fil-livell taż-żona tal-imposti ta’ +0,2 % kull sena matul l-RP3 hija ogħla mix-xejra mal-Unjoni kollha ta’ +1,0 % matul l-istess perjodu.

(163)

Fir-rigward tal-kriterju stabbilit fil-punt 1.4(b) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, il-Kummissjoni tosserva li x-xejra fit-tul tal-kost unitarju ddeterminat en route tal-Iżvezja fil-livell taż-żona tal-imposti matul l-RP2 u l-RP3 ta’ +1,0 % kull sena, hija inqas mix-xejra fit-tul mal-Unjoni kollha ta’ -1,3 % matul l-istess perjodu.

(164)

Fir-rigward tal-kriterju stabbilit fil-punt 1.4(c) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, il-Kummissjoni tosserva li l-valur bażi għall-kost unitarju ddeterminat ta’ EUR 58,87 tal-Iżvezja fl-EUR 2017 huwa 31,6 % ogħla mill-valur bażi medju ta’ EUR 44,74 fl-EUR 2017 tal-grupp komparatur rilevanti. Il-Kummissjoni tinnota li dik id-differenza ssir saħansitra ikbar matul l-RP3, peress li l-kost unitarju ddeterminat en route tal-Iżvezja għall-2024 huwa ogħla b’41,8 % mill-medja tal-grupp komparatur.

(165)

Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk id-devjazzjonijiet osservati hawn fuq mill-kriterji stabbiliti fil-punti 1.4(b) u 1.4(c) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317 jistgħux jitqiesu neċessarji u proporzjonati skont il-punt 1.4(d) ta’ dak l-Anness.

(166)

Il-Kummissjoni tinnota li d-differenza stmata mill-korp ta’ analiżi tal-prestazzjoni bejn il-kostijiet en route ddeterminati fl-RP3 irrapportati fl-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni tal-Iżvezja u l-kostijiet iddeterminati li jkunu meħtieġa biex tiġi ssodisfata x-xejra fit-tul mal-Unjoni tammonta għal madwar EUR 43 miljun fl-EUR 2017.

(167)

Fir-rigward tal-kriterju stabbilit fil-punt 1.4(d)(i) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, il-Kummissjoni tinnota li fl-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni, l-Iżvezja tippreżenta bosta miżuri relatati mal-ilħuq tal-miri tal-kapaċità lokali.

(168)

B’mod partikolari, il-Kummissjoni tosserva li l-fornitur prinċipali tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru en route, jiġifieri LFV, qed jippjana li jħarreġ kontrolluri tat-traffiku tal-ajru ġodda biex jindirizzaw l-irtirar li ġej fis-snin li jifdal mill-RP3. L-Iżvezja tirrapporta żieda netta ppjanata matul l-RP3 ta’ 14-il ekwivalenti ta’ ingaġġ full-time ta’ kontrolluri tat-traffiku tal-ajru fiċ-ċentru ta’ kontroll taż-żona f’Malmo u 14-il ekwivalenti ta’ ingaġġ full-time ta’ kontrolluri tat-traffiku tal-ajru fiċ-ċentru ta’ kontroll taż-żona fi Stokkolma. Madankollu, il-Kummissjoni tinnota li l-Iżvezja ma kkwantifikatx l-impatt mistenni fuq il-kostijiet ta’ dawk il-miżuri relatati mal-persunal fl-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni tagħha.

(169)

Il-Kummissjoni tosserva li, minbarra l-kostijiet tal-persunal, l-Iżvezja tirrapporta li l-akbar investiment ewlieni ġdid tal-LVF huwa “l-espansjoni tas-servizzi tat-torrijiet mill-bogħod” fi Stokkolma u f’erba’ ajruporti konnessi (Kiruna, Umeå, Östersund, Malmö). Il-kostijiet iddeterminati tal-“espansjoni tas-servizzi tat-torrijiet mill-bogħod” jammontaw għal 11 % tal-kostijiet iddeterminati totali tal-investimenti matul l-RP3. Il-Kummissjoni tinnota li b’mod ġenerali, it-torrijiet mill-bogħod huma investimenti li jipprovdu servizzi tat-traffiku tal-ajru fl-ajruporti, u għalhekk, fil-prinċipju, jenħtieġ li jiġu allokati prinċipalment għas-servizzi tat-terminal. Madankollu, l-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni tal-Iżvezja jalloka 75 % tal-kostijiet tal-“espansjoni tas-servizzi tat-torrijiet mill-bogħod” għal servizzi en route mingħajr ma jagħti ġustifikazzjoni dwar l-ambitu ġeografiku u n-natura tas-servizzi. Il-Kummissjoni tosserva wkoll li matul il-konsultazzjonijiet, l-utenti tal-ispazju tal-ajru qajmu dubji dwar l-argument għall-vijabbiltà ta’ dan l-investiment. Il-Kummissjoni tqis li l-Iżvezja jenħtieġ li tirrevedi jew tiġġustifika ulterjorment l-argument għall-vijabbiltà u l-allokazzjoni tal-kostijiet ta’ dan l-investiment, u jenħtieġ li tindirizza t-tħassib espress mill-utenti tal-ispazju tal-ajru.

(170)

Il-Kummissjoni tinnota li l-investimenti l-ġodda l-oħrajn ippjanati mill-Iżvezja jammontaw għal 33 % tal-kostijiet iddeterminati totali tal-investimenti matul l-RP3. L-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni tal-Iżvezja jsemmi li investimenti ġodda oħra jikkonsistu minn sostituzzjonijiet u/jew minn aġġornamenti relatati mas-sistemi ta’ komunikazzjoni, ir-radju, l-għajnuniet tan-navigazzjoni, kif ukoll sistemi ta’ riżerva u ta’ appoġġ għall-ATS. Madankollu, il-Kummissjoni tinnota li l-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni tal-Iżvezja ma jipprovdix informazzjoni dwar kif kull wieħed minn dawn l-investimenti l-ġodda l-oħrajn se jikkontribwixxi biex jintlaħqu l-miri tal-kapaċità lokali.

(171)

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet stabbiliti fil-premessi 167 sa 170, il-Kummissjoni tqis li l-Iżvezja ma wrietx b’mod adegwat li d-devjazzjoni msemmija fil-premessa 166 tista’ tiġi attribwita esklużivament għal kostijiet iddeterminati addizzjonali relatati mal-miżuri meħtieġa biex jintlaħqu l-miri tal-prestazzjoni tal-kapaċità lokali. B’hekk, il-kriterju stabbilit fil-punt 1.4(d)(i) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317 mhuwiex issodisfat fir-rigward tal-Iżvezja.

(172)

Fir-rigward tal-kriterju stabbilit fil-punt 1.4(d)(ii) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, huwa biżżejjed li jissemma li fl-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni, l-Iżvezja ma ppreżentat l-ebda miżura ta’ ristrutturar li tiġġustifika devjazzjoni mix-xejra tal-kost unitarju ddeterminat mal-Unjoni kollha jew mix-xejra fit-tul tal-kost unitarju ddeterminat mal-Unjoni kollha. B’hekk, il-kriterju stabbilit fil-punt 1.4(d)(ii) mhuwiex issodisfat fir-rigward tal-Iżvezja.

(173)

Barra minn hekk, ir-rieżami tal-fatturi u tal-parametri ewlenin imsemmija fil-punt 2.1(d) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317 li fuqhom huma bbażati l-abbozzi tal-miri tal-prestazzjoni fil-qasam ewlieni ta’ prestazzjoni tal-kosteffiċjenza, irriżulta fis-sejbiet li ġejjin relatati mal-valuri bażi tal-kostijiet tal-2019, mal-kost tal-kapital u tal-pensjonijiet.

(174)

Il-Kummissjoni tosserva li l-Iżvezja tipproponi li taġġusta l-valuri bażi tal-2019 biex tqis l-introduzzjoni ta’ tliet ajruporti ġodda fis-sistema tal-imposti en route mill-2020 ’il quddiem. Il-korp ta’ analiżi tal-prestazzjoni jinnota li l-maġġoranza ta’ dan l-aġġustament hija relatata mal-Ajruport tal-Muntanji Skandinavi fejn l-ANSP SDATS jipprovdi servizzi tal-ATC. L-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni jirrapporta li ħafna ajruporti Żvediżi jipprovdu servizzi en route. L-Iżvezja tindika li l-fatt li l-ajruporti jitħallew jipprovdu servizzi en route u ta’ avviċinament huwa aktar kosteffiċjenti minħabba li ż-żoni ta’ mmanuvrar tat-terminal fl-ajruporti Żvediżi huma kbar u ġeografikament imbiegħda.

(175)

L-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni tal-Iżvezja jindika li l-inklużjoni tat-tliet ajruporti l-ġodda fl-iskema en route ma tittrasferixxix ir-responsabbiltajiet jew il-kostijiet bejn l-ANSPs li huma diġà inklużi fl-iskema. Il-korp ta’ analiżi tal-prestazzjoni sab li dan l-aġġustament mhuwiex spjegat b’mod ċar fl-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni tal-Iżvezja.

(176)

Abbażi tal-pariri mill-korp ta’ analiżi tal-prestazzjoni, il-Kummissjoni tqis li l-Iżvezja jenħtieġ li tevalwa mill-ġdid l-ammonti proposti li għandhom jiġu imposti bħala redditu fuq l-ekwità fi ħdan il-kost tal-kapital għal LFV. Il-korp ta’ analiżi tal-prestazzjoni jistma li, matul l-RP3, il-kost irrapportat tal-kapital huwa ta’ EUR 1,3 miljun ogħla mill-kost effiċjenti tal-kapital. B’mod speċifiku, il-Kummissjoni u l-korp ta’ analiżi tal-prestazzjoni josservaw li l-firxa tal-kost tal-ekwità proposta mill-Iżvezja għal LFV li tammonta għal 0,7 % - 1,9 % hija ogħla mill-kost tal-ekwità permess mill-Gvern Żvediż għal LFV li jammonta għal 0,0 %. Il-Kummissjoni tinnota li l-kost propost tal-kapital ta’ LFV jinkludi redditu fuq l-ekwità ta’ għadd ta’ ajruporti Żvediżi li jipprovdu servizzi en route. Il-Kummissjoni tqis li l-Iżvezja jenħtieġ li tiċċara u tiġġustifika l-inklużjoni ta’ dawn l-ajruporti fl-entrati kollha tal-kostijiet ta’ LFV, jew inkella tirrevedi s-sottomissjoni tagħha kif xieraq.

(177)

Abbażi tal-pariri mill-korp ta’ analiżi tal-prestazzjoni, il-Kummissjoni tqis li l-Iżvezja jenħtieġ li tevalwa mill-ġdid il-kostijiet tal-pensjoni proposti. Il-korp ta’ analiżi tal-prestazzjoni sab li s-sehem medju tal-kostijiet tal-pensjoni ta’ LFV matul l-RP3 huwa ogħla b’mod sinifikanti mill-medja mal-Unjoni kollha. Huwa sab ukoll li l-kontribuzzjonijiet assoċjati mal-iskema tal-pensjoni pubblika huma inklużi fil-kostijiet tal-persunal bħala kostijiet tas-sigurtà soċjali aktar milli fil-kostijiet tal-pensjoni identifikati separatament fit-tabelli ta’ rapportar. Il-korp ta’ analiżi tal-prestazzjoni jindika li l-kostijiet tal-pensjoni huma rreġistrati wkoll fil-kost tal-kapital peress li r-riċevibbli pendenti relatati mal-kostijiet tal-pensjoni minn perjodi referenzjarji preċedenti huma inklużi fil-bażi tal-assi. Il-korp ta’ analiżi tal-prestazzjoni jikkonkludi li n-nuqqas ta’ trasparenza fis-suppożizzjonijiet tal-iskema ta’ pensjoni b’benefiċċji stabbiliti jista’ jsir kwistjoni għall-verifika tal-kostijiet tal-RP3 eżentati. Il-Kummissjoni tqis li l-Iżvezja jenħtieġ li tirrapporta b’mod trasparenti l-kostijiet tal-pensjoni fil-linja separata tal-kostijiet tal-pensjoni tat-tabelli ta’ rapportar.

(178)

Abbażi tas-sejbiet stabbiliti fil-premessi 161 sa 177, jenħtieġ li l-miri proposti inklużi fl-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni tal-Iżvezja jiġu vvalutati bħala inkonsistenti mal-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha fil-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tal-kosteffiċjenza.

Rieżami tal-abbozzi tal-miri tal-kosteffiċjenza għas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru fit-terminal

(179)

Il-Kummissjoni għandha tħassib fir-rigward tal-abbozz tal-miri tal-prestazzjoni tal-kosteffiċjenza fit-terminal tal-Iżvezja f’konformità mal-punt 2.1(c) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317.

(180)

L-ewwel nett, meta qabblet ix-xejra tal-kost unitarju ddeterminat fit-terminal għall-RP3 max-xejra tal-kost unitarju ddeterminat en route, il-Kummissjoni sabet li x-xejra tal-kost unitarju ddeterminat fit-terminal taż-żona tal-imposti fit-terminal tal-Iżvezja ta’ +0,9 % hija ogħla mix-xejra tal-kost unitarju ddeterminat en route tal-Iżvezja fil-livell taż-żona tal-imposti ta’ +0,2 % matul l-RP3.

(181)

It-tieni, il-Kummissjoni tosserva li l-abbozz tal-miri għax-xejra tal-kost unitarju ddeterminat fit-terminal għaż-żona tal-imposti fit-terminal tal-Iżvezja ta’ +0,9 % matul l-RP3 huwa ogħla mix-xejra reali tal-kost unitarju ddeterminat fit-terminal ta’ -5,8 % osservata matul l-RP2.

(182)

It-tielet, meta qabblet l-abbozzi tal-miri nazzjonali tax-xejra tal-kost unitarju ddeterminat fit-terminal mal-prestazzjoni ta’ ajruporti simili għall-RP3, il-Kummissjoni osservat li l-kost unitarju ddeterminat għall-Ajruport ta’ Arlanda fi Stokkolma huwa stmat li huwa ogħla mill-kost unitarju ddeterminat medjan tal-grupp komparatur rilevanti b’marġni limitat.

(183)

Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li l-Iżvezja jenħtieġ li tiġġustifika ulterjorment il-miri tal-kosteffiċjenza fit-terminal fid-dawl tal-osservazzjonijiet ta’ hawn fuq, jew jenħtieġ li tirrevedi ’l isfel l-abbozzi tal-miri għall-kost unitarju ddeterminat fit-terminal għall-RP3.

KONKLUŻJONIJIET

(184)

Abbażi tal-valutazzjoni stabbilita fil-premessi 21 sa 183, il-Kummissjoni sabet li l-abbozz tal-pjanijiet tal-prestazzjoni tal-blokok ta’ spazju tal-ajru nazzjonali u funzjonali ppreżentati mill-Belġju, mill-Ġermanja, mill-Greċja, minn Franza, minn Ċipru, mil-Latvja, mil-Lussemburgu, minn Malta, min-Netherlands, mir-Rumanija, u mill-Iżvezja fihom ċerti miri tal-prestazzjoni li mhumiex konsistenti mal-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha.

(185)

F’konformità mal-Artikolu 14(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, l-Istati Membri kkonċernati għandhom jippreżentaw l-abbozzi riveduti tal-pjanijiet tal-prestazzjoni tagħhom lill-Kummissjoni fi żmien tliet xhur mid-data tal-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, filwaqt li jqisu r-rakkomandazzjonijiet imressqa mill-Kummissjoni.

(186)

Il-Belġju, Franza, il-Ġermanja, il-Lussemburgu, in-Netherlands, li flimkien mal-Iżvizzera żviluppaw u ppreżentaw abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni għall-RP3 fil-livell tal-FAB, jenħtieġ li jippreżentaw b’mod konġunt abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni rivedut għall-FABEC li jindirizza r-rakkomandazzjonijiet stabbiliti f’din id-Deċiżjoni.

(187)

Il-Kummissjoni tivvaluta sussegwentement l-abbozzi tal-pjanijiet tal-prestazzjoni riveduti fl-intier tagħhom f’konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 15 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, u bħala riżultat ta’ dik il-valutazzjoni sussegwenti, il-Kummissjoni tista’ tieħu kwalunkwe pożizzjoni fir-rigward tal-abbozzi tal-miri tal-prestazzjoni u fir-rigward ta’ elementi oħrajn tal-pjanijiet tal-prestazzjoni li għalihom ma tqajmet l-ebda oġġezzjoni f’din id-Deċiżjoni.

(188)

Skont l-Artikolu 17 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, il-miri stabbiliti fl-iktar verżjoni riċenti tal-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni għandhom japplikaw fuq bażi proviżorja sa meta l-Kummissjoni tkun ħarġet deċiżjoni dwar il-konsistenza tal-miri tal-prestazzjoni jew tal-miri riveduti tal-prestazzjoni, u wara dan, l-Istat Membru kkonċernat jew l-Istati Membri kkonċernati huma meħtieġa jadottaw il-pjan tal-prestazzjoni finali tagħhom.

(189)

Fir-rigward tal-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tal-kosteffiċjenza, l-Artikolu 17 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317 ikkonferixxa effett retroattiv lill-miri li jinsabu fil-pjan tal-prestazzjoni finali. B’riżultat ta’ dan, kwalunkwe differenza fid-dħul minħabba l-applikazzjoni tar-rata unitarja jew tar-rati unitarji kkalkolati abbażi tal-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni, minflok ir-rata unitarja jew ir-rati unitarji kkalkolati abbażi tal-pjan tal-prestazzjoni finali, se tiġi saldata permezz ta’ aġġustamenti sussegwenti tar-rata unitarja matul l-RP3 li huma rregolati ulterjorment mill-miżuri eċċezzjonali għall-RP3 stabbiliti fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1627. B’hekk, il-Kummissjoni mhijiex se tikkonkludi dwar il-konformità tar-rati unitarji f’konformità mal-Artikolu 29(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317 qabel ma jkunu ġew adottati l-pjanijiet ta’ prestazzjoni finali rilevanti.

(190)

Il-Kummissjoni tinnota li xi Stati Membri indikaw l-intenzjoni tagħhom li fil-bażijiet tal-kostijiet tal-RP3 tagħhom jinkludu entrati ta’ kostijiet relatati mad-detezzjoni tad-droni fl-ajruporti. Ma kienx possibbli li jiġi stabbilit b’mod preċiż, abbażi tal-elementi li jinsabu fl-abbozz tal-pjanijiet tal-prestazzjoni, sa liema punt l-Istati Membri inkludew dawn il-kostijiet iddeterminati fil-bażijiet tal-kostijiet tal-RP3 tagħhom u, fejn ġew inklużi dawn il-kostijiet, sa liema punt jiġġarrbu fir-rigward tal-forniment ta’ servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru u b’hekk jistgħux jitqiesu eliġibbli skont l-iskema ta’ prestazzjoni u ta’ imposti. Is-servizzi tal-Kummissjoni bagħtu talba għal informazzjoni ad hoc lill-Istati Membri kollha sabiex jiġbru informazzjoni rilevanti, u se jkomplu jeżaminaw il-kostijiet tad-detezzjoni tad-droni fl-ajruporti rrapportati fil-kuntest tal-verifika tal-konformità tar-rata unitarja. Din id-Deċiżjoni hija mingħajr preġudizzju għas-sejbiet u għall-konklużjonijiet tal-Kummissjoni dwar is-suġġett tal-kostijiet tad-detezzjoni tad-droni.

(191)

B’risposta għall-aggressjoni militari tar-Russja kontra l-Ukrajna, li bdiet fl-24 ta’ Frar 2022, l-Unjoni adottat miżuri restrittivi li jipprojbixxu lit-trasportaturi tal-ajru Russi, lil kwalunkwe inġenju tal-ajru rreġistrat fir-Russja u lil kwalunkwe inġenju tal-ajru mhux irreġistrat fir-Russja li huwa proprjetà ta’ kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika Russa jew mikri b’lokazzjoni lilha, jew inkella kkontrollat minnha, minn entità jew minn korp Russu milli jinżlu fit-territorju tal-Unjoni jew itiru minnu, jew milli jtiru fuq it-territorju tal-Unjoni. Dawk il-miżuri qed iwasslu għal tnaqqis fit-traffiku tal-ajru fl-ispazju tal-ajru fuq it-territorju tal-Unjoni. Madankollu, jenħtieġ li l-impatt fil-livell tal-Unjoni ma jkunx komparabbli mat-tnaqqis tat-traffiku tal-ajru li rriżulta mit-tifqigħa tal-pandemija tal-COVID-19 f’Marzu 2020. Għalhekk, jixraq li jinżammu l-miżuri u l-proċessi eżistenti għall-implimentazzjoni tal-iskema ta’ prestazzjoni u ta’ imposti fl-RP3. Meta jirrevedu l-miri tal-prestazzjoni lokali tagħhom bħala parti mill-abbozzi tal-pjanijiet tal-prestazzjoni riveduti, l-Istati Membri li lilhom tiġi indirizzata din id-Deċiżjoni jenħtieġ li jqisu kif xieraq l-effetti operazzjonali u finanzjarji tal-bidliet rilevanti fit-traffiku.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-miri tal-prestazzjoni li jinsabu fl-abbozz tal-pjanijiet tal-prestazzjoni tal-blokok ta’ spazju tal-ajru nazzjonali u funzjonali ppreżentati mill-Belġju, mill-Ġermanja, mill-Greċja, minn Franza, minn Ċipru, mil-Latvja, mil-Lussemburgu, minn Malta, min-Netherlands, mir-Rumanija, u mill-Iżvezja skont ir-Regolament (KE) Nru 549/2004, elenkati fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni, huma inkonsistenti mal-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha għat-tielet perjodu referenzjarju (“RP3”) stabbiliti fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/891.

Artikolu 2

Ċipru u l-Greċja għandhom jirrevedu ’l isfel l-abbozzi tal-miri tal-kapaċità en route tagħhom, espressi bħala l-medja tal-minuti tad-dewmien fil-ġestjoni tal-fluss tat-traffiku tal-ajru en route għal kull titjira.

L-Istati Membri kkonċernati għandhom jindirizzaw id-devjazzjonijiet osservati bejn l-abbozzi tal-miri tal-kapaċità ppreżentati u l-valuri referenzjarji korrispondenti stabbiliti fil-Pjan Operazzjonali tan-Network ta’ Settembru 2021 fir-rigward tas-snin kalendarji 2022, 2023 u 2024 tal-RP3 sabiex tiġi akkomodata d-domanda antiċipata tat-traffiku. Meta l-Pjan Operazzjonali tan-Network jirrakkomanda miżuri speċifiċi biex tittejjeb il-prestazzjoni tal-kapaċità, dawk il-miżuri għandhom jitqiesu fir-reviżjoni tal-miri tal-prestazzjoni.

Artikolu 3

Il-Belġju, il-Greċja, Ċipru, il-Latvja, il-Lussemburgu, Malta, ir-Rumanija u l-Iżvezja għandhom jirrevedu ’l isfel l-abbozzi tal-miri tal-kosteffiċjenza stabbiliti għaż-żoni tal-imposti en route tagħhom, espressi bħala kost unitarju ddeterminat (DUC).

Meta jirrevedu l-abbozzi tal-miri tal-kosteffiċjenza tagħhom, l-Istati Membri kkonċernati kollha għandhom:

(a)

jiżguraw li l-miri tal-kosteffiċjenza riveduti jkunu konsistenti kemm max-xejra tad-DUC mal-Unjoni kollha kif ukoll max-xejra tad-DUC fit-tul mal-Unjoni kollha;

(b)

inaqqsu l-livell tal-kostijiet iddeterminati kif xieraq, mill-inqas fir-rigward tas-sena kalendarja 2024;

(c)

jużaw l-aktar tbassir tat-traffiku riċenti, espress f’unitajiet ta’ servizz, f’konformità mal-Artikolu 10(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317;

B’deroga mill-punt (a), meta l-Kummissjoni tkun sabet f’din id-Deċiżjoni li l-valur bażi taż-żona tal-imposti en route rilevanti jissodisfa l-kriterju stabbilit fil-punt 1.4(c) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, l-Istat Membru kkonċernat għandu jiżgura li l-miri tal-kosteffiċjenza riveduti jkunu konsistenti mill-inqas max-xejra tad-DUC mal-Unjoni kollha jew max-xejra tad-DUC fit-tul mal-Unjoni kollha.

Meta Stat Membru fl-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni rivedut tiegħu jinvoka devjazzjoni skont il-punt 1.4(d) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, huwa għandu jiżgura li tali devjazzjoni tkun issostanzjata b’informazzjoni u b’ġustifikazzjonijiet adegwati.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tal-Belġju, lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, lir-Repubblika Ellenika, lir-Repubblika Franċiża, lir-Repubblika ta’ Ċipru, lir-Repubblika tal-Latvja, lill-Gran Dukat tal-Lussemburgu, lir-Repubblika ta’ Malta, lir-Renju tan-Netherlands, lir-Rumanija, u lir-Renju tal-Iżvezja.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ April 2022.

Għall-Kummissjoni

Adina VĂLEAN

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 96, 31.3.2004, p. 1.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/317 tal-11 ta’ Frar 2019 li jistabbilixxi skema ta’ prestazzjoni u imposti fl-Ajru Uniku Ewropew u li jħassar ir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 390/2013 u (UE) Nru 391/2013 (ĠU L 56, 25.2.2019, p. 1).

(3)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/903 tad-29 ta’ Mejju 2019 li tistabbilixxi l-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha għan-network tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru għat-tielet perjodu ta’ referenza li jibda fl-1 ta’ Jannar 2020 u li jintemm fil-31 ta’ Diċembru 2024 (ĠU L 144, 3.6.2019, p. 49).

(4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1627 tat-3 ta’ Novembru 2020 dwar miżuri eċċezzjonali għat-tielet perjodu ta’ referenza (2020-2024) tal-iskema ta’ prestazzjoni u imposti tal-ajru uniku Ewropew minħabba l-pandemija tal-COVID-19 (ĠU L 366, 4.11.2020, p. 7).

(5)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/891 tat-2 ta’ Ġunju 2021 li tistabbilixxi l-miri tal-prestazzjoni riveduti mal-Unjoni kollha għan-network tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru għat-tielet perjodu referenzjarju (2020-2024) u li tħassar id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/903 (ĠU L 195, 3.6.2021, p. 3).


ANNESS

Miri ta’ prestazzjoni inklużi fil-pjanijiet tal-blokok tal-ispazju tal-ajru nazzjonali jew funzjonali ppreżentati skont ir-Regolament (KE) Nru 549/2004 li nstabu li huma inkonsistenti mal-miri ta’ prestazzjoni għall-Unjoni kollha għat-tielet perjodu referenzjarju

1.   MIRI FL-ABBOZZ TAL-PJAN TA’ PRESTAZZJONI TAL-FABEC

QASAM EWLIENI TAL-PRESTAZZJONI TAL-KOSTEFFIĊJENZA

Kost unitarju ddeterminat għas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru en route

Żona tal-imposti en route tal-Belġju u tal-Lussemburgu

2014

valur bażi

2019

valur bażi

2020-2021

2022

2023

2024

Abbozz tal-miri tal-kosteffiċjenza en route , espressi bħala kost unitarju ddeterminat en route (f’termini reali bil-prezzijiet tal-2017)

EUR 73,13

EUR 83,28

EUR 189,52

EUR 113,26

EUR 108,51

EUR 103,82

2.   MIRI FL-ABBOZZ TAL-PJAN TA’ PRESTAZZJONI TAL-GREĊJA

QASAM EWLIENI TAL-PRESTAZZJONI TAL-KAPAĊITÀ

Dewmien medju fil-Ġestjoni tal-Fluss tat-Traffiku tal-Ajru en route f’minuti għal kull titjira

 

2021

2022

2023

2024

Abbozz tal-miri tal-kapaċità en route tal-Greċja

0,32

0,26

0,20

0,20

Valuri referenzjarji għall-Greċja

0,10

0,14

0,15

0,15

QASAM EWLIENI TAL-PRESTAZZJONI TAL-KOSTEFFIĊJENZA

Kost unitarju ddeterminat għas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru en route

Żona tal-imposti en route tal-Greċja

2014

valur bażi

2019

valur bażi

2020-2021

2022

2023

2024

Abbozz tal-miri tal-kosteffiċjenza en route , espressi bħala kost unitarju ddeterminat en route (f’termini reali bil-prezzijiet tal-2017)

EUR 31,37

EUR 23,20

EUR 40,71

EUR 32,60

EUR 33,12

EUR 32,93

3.   MIRI FL-ABBOZZ TAL-PJAN TA’ PRESTAZZJONI TA’ ĊIPRU

QASAM EWLIENI TAL-PRESTAZZJONI TAL-KAPAĊITÀ

Dewmien medju fil-Ġestjoni tal-Fluss tat-Traffiku tal-Ajru en route f’minuti għal kull titjira

 

2021

2022

2023

2024

Abbozz tal-miri tal-kapaċità en route ta’ Ċipru

0,10

0,30

0,40

0,30

Valuri referenzjarji għal Ċipru

0,10

0,16

0,15

0,15

QASAM EWLIENI TAL-PRESTAZZJONI TAL-KOSTEFFIĊJENZA

Kost unitarju ddeterminat għas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru en route

Żona tal-imposti en route ta’ Ċipru

2014

valur bażi

2019

valur bażi

2020-2021

2022

2023

2024

Abbozz tal-miri tal-kosteffiċjenza en route , espressi bħala kost unitarju ddeterminat en route (f’termini reali bil-prezzijiet tal-2017)

EUR 32,94

EUR 26,61

EUR 49,85

EUR 34,14

EUR 32,52

EUR 32,26

4.   MIRI FL-ABBOZZ TAL-PJAN TA’ PRESTAZZJONI TAL-LATVJA

QASAM EWLIENI TAL-PRESTAZZJONI TAL-KOSTEFFIĊJENZA

Kost unitarju ddeterminat għas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru en route

Żona tal-imposti en route tal-Latvja

2014

valur bażi

2019

valur bażi

2020-2021

2022

2023

2024

Abbozz tal-miri tal-kosteffiċjenza en route , espressi bħala kost unitarju ddeterminat en route (f’termini reali bil-prezzijiet tal-2017)

EUR 27,90

EUR 23,61

EUR 40,07

EUR 31,28

EUR 29,14

EUR 26,83

5.   MIRI FL-ABBOZZ TAL-PJAN TA’ PRESTAZZJONI TA’ MALTA

QASAM EWLIENI TAL-PRESTAZZJONI TAL-KOSTEFFIĊJENZA

Kost unitarju ddeterminat għas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru en route

Żona tal-imposti en route ta’ Malta

2014

valur bażi

2019

valur bażi

2020-2021

2022

2023

2024

Abbozz tal-miri tal-kosteffiċjenza en route , espressi bħala kost unitarju ddeterminat en route (f’termini reali bil-prezzijiet tal-2017)

EUR 21,50

EUR 22,98

EUR 44,08

EUR 31,85

EUR 24,83

EUR 24,85

6.   MIRI FL-ABBOZZ TAL-PJAN TA’ PRESTAZZJONI TAR-RUMANIJA

QASAM EWLIENI TAL-PRESTAZZJONI TAL-KOSTEFFIĊJENZA

Kost unitarju ddeterminat għas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru en route

Żona tal-imposti en route tar-Rumanija

2014

valur bażi

2019

valur bażi

2020-2021

2022

2023

2024

Abbozz tal-miri tal-kosteffiċjenza en route , espressi bħala kost unitarju ddeterminat en route (f’termini reali bil-prezzijiet tal-2017)

RON 165,00

RON 155,38

RON 298,87

RON 191,50

RON 174,25

RON 174,33

EUR 36,13

EUR 34,03

EUR 65,45

EUR 41,94

EUR 38,16

EUR 38,18

7.   MIRI FL-ABBOZZ TAL-PJAN TA’ PRESTAZZJONI TAL-IŻVEZJA

QASAM EWLIENI TAL-PRESTAZZJONI TAL-KOSTEFFIĊJENZA

Kost unitarju ddeterminat għas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru en route

Żona tal-imposti en route tal-Iżvezja

2014

valur bażi

2019

valur bażi

2020-2021

2022

2023

2024

Abbozz tal-miri tal-kosteffiċjenza en route , espressi bħala kost unitarju ddeterminat en route (f’termini reali bil-prezzijiet tal-2017)

SEK 522,30

SEK 567,11

SEK 1 361,88

SEK 676,24

SEK 605,51

SEK 570,87

EUR 54,22

EUR 58,87

EUR 141,38

EUR 70,20

EUR 62,86

EUR 59,26