19.4.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 117/38


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2022/638

tat-13 ta’ April 2022

li temenda d-Deċiżjoni 2014/486/PESK dwar il-Missjoni ta’ Konsulenza tal-Unjoni Ewropea għar-Riforma tas-Settur tas-Sigurtà Ċivili fl-Ukrajna (EUAM Ukraine)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 42(4) u l-Artikolu 43(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fit-23 ta’ Frar 2022, il-Federazzjoni Russa nediet aggressjoni militari mhux provokata u mhux ġustifikata kontra l-Ukrajna, li l-Kunsill Ewropew ikkundanna bl-aktar mod qawwi possibbli fil-konklużjonijiet tiegħu tal-24 ta’ Frar 2022.

(2)

Fl-24 ta’ Marzu 2022, il-Kunsill Ewropew fil-konklużjonijiet tiegħu ddikjara li “l-gwerra tar-Russja ta’ aggressjoni kontra l-Ukrajna tikser b’mod serju d-dritt internazzjonali u qed tikkawża telf kbir ta’ ħajjiet u ħsara lil persuni ċivili. Ir-Russja qed tidderieġi attakki kontra l-popolazzjoni ċivili u qed timmira fuq oġġetti ċivili, inkluż sptarijiet, faċilitajiet mediċi, skejjel u refuġji. Dawn id-delitti tal-gwerra jridu jieqfu minnufih. Dawk responsabbli, u l-kompliċi tagħhom, ser ikollhom iwieġbu għal għemilhom f’konformità mad-dritt internazzjonali.”. Il-Kunsill Ewropew barra minn hekk afferma mill-ġdid id-Dikjarazzjoni ta’ Versailles tal-11 ta’ Marzu 2022 li, b’mod partikolari, laqgħet id-deċiżjoni tal-prosekutur tal-Qorti Kriminali Internazzjonali li jiftaħ investigazzjoni għad-delitti li jaqgħu taħt il-ġuriżdizzjoni tiegħu.

(3)

Id-Deċiżjoni (PESK) 2014/486 (1) stabbiliet l-EUAM Ukraine sabiex tassisti lill-Ukraina fil-qasam tar-riforma tas-settur tas-sigurtà ċivili, inkluż il-pulizija u l-istat tad-dritt.

(4)

EUAM Ukraine jenħtieġ li tipprovdi appoġġ lill-awtoritajiet Ukreni biex tiffaċilita l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati internazzjonali mwettqa fil-kuntest tal-aggressjoni militari tal-Federazzjoni Russa kontra l-Ukrajna.

(5)

Jenħtieġ li d-Deċiżjoni 2014/486/PESK tiġi emendata skont dan.

(6)

EUAM Ukraine ser titwettaq fil-kuntest ta’ sitwazzjoni li tista’ tiddeterjora u li tista’ timpedixxi l-kisba tal-objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni kif stipulati fl-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni 2014/486/PESK hija emendata kif ġej:

(1)

L-Artikolu 2a huwa rinumerat bħala l-Artikolu 2b;

(2)

Jiddaħħal l-Artikolu segwenti:

“Artikolu 2a

Appoġġ lill-awtoritajiet Ukreni biex jiġu ffaċilitati l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ delitti internazzjonali

1.   EUAM Ukraine għandha tipprovdi appoġġ lill-awtoritajiet Ukreni, b’mod partikolari lill-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali, lill-Uffiċċji tal-Prosekutur Pubbliku reġjonali u lill-Aġenziji tal-Infurzar tal-Liġi, sabiex tiffaċilita l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ kwalunkwe delitt internazzjonali mwettaq fil-kuntest tal-aggressjoni militari mhux provokata u mhux ġustifikata tar-Russja kontra l-Ukrajna.

2.   Sabiex dak il-kompitu jiġi implimentat:

(a)

EUAM Ukraine għandha, b’mod partikolari, tipprovdi lill-awtoritajiet Ukreni b’pariri strateġiċi dwar l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ delitti internazzjonali, dwar l-emendi meħtieġa għal-leġiżlazzjoni tal-Ukrajna u dwar l-istrateġija ta’ komunikazzjoni relatata. Għandha tipprovdi wkoll taħriġ dwar kwistjonijiet relatati oħrajn. Tista’ tagħti fondi jew tagħmir lill-awtoritajiet Ukreni biex jiffaċilitaw l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ delitti internazzjonali;

(b)

EUAM Ukraine għandha tiżgura koordinazzjoni mill-qrib mal-Qorti Kriminali Internazzjonali u mal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (EUROJUST), kif ukoll mal-Istati Membri li jaġixxu b’appoġġ dirett għall-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ delittti internazzjonali fl-Ukrajna. Għandha tikkoordina ma’ atturi rilevanti oħra kif xieraq.

(c)

elementi ta’ EUAM Ukraine jistgħu temporanjament iwettqu l-attivitajiet tagħhom mit-territorji tar-Repubblika tal-Moldova u tal-Istati Membri. Jistgħu jsiru arranġamenti għal dak il-għan bejn EUAM Ukraine u r-Repubblika tal-Moldova jew l-Istati Membri kkonċernati.”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ April 2022.

Għall-Kunsill

Il-President

J.-Y. LE DRIAN


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/486/PESK tat-22 ta’ Lulju 2014 dwar il-Missjoni ta’ Konsulenza tal-Unjoni Ewropea għar-Riforma tas-Settur tas-Sigurtà Ċivili fl-Ukrajna (EUAM Ukraine) (ĠU L 217, 23.7.2014, p. 42).