9.6.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 225/2


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tat-2 ta’ Ġunju 2022

li taħtar membri u membri supplenti tal-Bord ta’ Ġestjoni tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel li jirrappreżentaw l-interessi tas-soċjetà ċivili u tal-katina alimentary

(2022/C 225/02)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà tal-ikel (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 25(1a), il-punt (c), tiegħu,

Wara li kkunsidra l-lista ta’ kandidati ppreżentata lill-Kunsill mill-Kummissjoni Ewropea b’ittra datata l-20 ta’ Jannar 2022,

Wara li kkunsidra l-fehmiet espressi mill-Parlament Ewropew b’ittra datata t-18 ta’ Mejju 2022,

Billi:

(1)

Huwa essenzjali li jiġu żgurati l-indipendenza, il-kwalità xjentifika għolja, it-trasparenza u l-effiċjenza tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA). Huwa wkoll indispensabbli li tiġi żgurata l-kooperazzjoni tal-EFSA mal-Istati Membri.

(2)

Ir-Regolament (UE) 2019/1381 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) emenda r-Regolament (KE) Nru 178/2002, fost l-oħrajn, il-kompożizzjoni tal-Bord ta’ Ġestjoni tal-EFSA.

(3)

Skont l-Artikolu 10(2) tar-Regolament (UE) 2019/1381, il-mandat tal-membri tal-Bord ta’ Ġestjoni tal-EFSA fil-kariga fit-30 ta’ Ġunju 2022 ser jiskadi f’dik id-data. Il-membri u l-membri supplenti tal-Bord ta’ Ġestjoni tal-EFSA li l-mandat tagħhom jibda fl-1 ta’ Lulju 2022 jeħtieġ li jiġu appuntati f’konformità mal-proċedura l-ġdida għan-nomina u l-ħatra introdotta bir-Regolament (UE) 2019/1381.

(4)

Il-Kunsill, permezz tad-Deċiżjoni tas-7 ta’ April 2022 (3), diġà ħatar lir-rappreżentanti tal-Istati Membri bħala membri u membri supplenti tal-Bord ta’ Ġestjoni tal-EFSA.

(5)

il-proċedura l-ġdida għan-nomina u l-ħatra introdotta bir-Regolament (UE) 2019/1381tirrikjedi li l-Bord ta’ Ġestjoni tal-EFSA jinkludi wkoll erba’ membri u erba’ membri supplenti bid-dritt tal-vot bħala r-rappreżentanti tal-interessi tas-soċjetà ċivili u tal-katina alimentari, jiġifieri membru wieħed u membru supplenti wieħed minn organizzazzjonijiet tal-konsumaturi, membru wieħed u membru supplenti wieħed minn organizzazzjonijiet ambjentali nongovernattivi, membru wieħed u membru supplenti wieħed minn organizzazzjonijiet tal-bdiewa, u membru wieħed u membru supplenti wieħed minn organizzazzjonijiet industrijali.

(6)

Il-membri u l-membri supplenti li jirrappreżentaw l-interessi tas-soċjetà ċivili u tal-katina alimentari jinħatru mill-Kunsill f’konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew abbażi ta’ lista mfassla mill-Kummissjoni. Il-mandat tagħhom huwa ta’ erba’ snin u jista’ jiġġedded għal darba biss.

(7)

Il-kandidati inklużi fil-lista ppreżentata mill-Kummissjoni ntgħażlu wara sejħa għal espressjoni ta’ interess abbażi tal-esperjenza u l-għarfien espert rilevanti tagħhom fil-qasam tal-liġi u l-politika tal-katina alimentari, inkluż il-valutazzjoni tar-riskju, kif ukoll l-għarfien espert rilevanti fl-oqsma ta’ kwistjonijiet maniġerjali, amministrattivi, finanzjarji u legali.

(8)

Il-lista ppreżentata mill-Kummissjoni ġiet eżaminata, bil-ħsieb li jinħatru l-erba’ membri u l-erba’ membri supplenti tal-Bord ta’ Ġestjoni tal-EFSA li jirrappreżentaw l-interessi tas-soċjetà ċivili u tal-katina alimentari, abbażi tad-dokumentazzjoni pprovduta mill-Kummissjoni u fid-dawl tal-fehmiet espressi mill-Parlament Ewropew. Il-ħatra, permezz ta’ din id-Deċiżjoni, ta’ dawk il-membri u l-membri supplenti tkompli tiżgura l-ogħla standard ta’ kompetenza u l-aktar firxa wiesgħa ta’ esperjenza u għarfien espert rilevanti disponibbli fil-qasam tal-liġi u l-politika tal-katina alimentari, inkluż il-valutazzjoni tar-riskju, filwaqt li jiġi żgurat li jkun hemm għarfien espert rilevanti fl-oqsma ta’ kwistjonijiet maniġerjali, amministrattivi, finanzjarji u legali fi ħdan il-Bord ta’ Ġestjoni tal-EFSA,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-persuni li ġejjin huma b’dan maħturin bħala membri u membri supplenti tal-Bord ta’ Ġestjoni tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel għall-perjodu mill-1 ta’ Lulju 2022 sat-30 ta’ Ġunju 2026:

Kategorija

Membri

Membri supplenti

Organizzazzjonijiet tal-konsumatur

Is-Sa Floriana CIMMARUSTI

Is-Sa Eleni IOANNOU

Organizzazzjonijiet ambjentali mhux governattivi

Is-Sur Xavier GABARRELL DURANY

Is-Sa Apolline ROGER

Organizzazzjonijiet tal-bdiewa

Is-Sa Annette TOFT

Is-Sa Maira DZELZKALĒJA-BURMISTRE

Organizzazzjonijiet tal-industrija

Is-Sa Rebeca FERNANDEZ

Is-Sur Dimitrios LADIKOS

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fil-Lussemburgu, it-2 ta’ Ġunju 2022.

Għall-Kunsill

Il-President

A. DE MONTCHALIN


(1)  ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1.

(2)  Ir-Regolament (UE) 2019/1381 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar it-trasparenza u s-sostenibbiltà tal-valutazzjoni tar-riskju tal-UE fil-katina alimentari u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 178/2002, (KE) Nru 1829/2003, (KE) Nru 1831/2003, (KE) Nru 2065/2003, (KE) Nru 1935/2004, (KE) Nru 1331/2008, (KE) Nru 1107/2009, (UE) 2015/2283 u d-Direttiva 2001/18/KE (ĠU L 231, 6.9.2019, p. 1).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-7 ta’ April 2022 li taħtar rappreżentanti tal-Istati Membri bħala membri u membri supplenti tal-Bord ta’ Ġestjoni tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (ĠU C 159, 12.4.2022, p. 6).