|
6.4.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 107/80 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2022/550
tas-17 ta’ Marzu 2022
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fit-tieni segment tar-raba’ laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Minamata dwar il-Merkurju fir-rigward tal-adozzjoni ta’ Deċiżjoni li tistabbilixxi l-limiti għall-iskart tal-merkurju, f’konformità mal-Artikolu 11(2) ta’ dik il-Konvenzjoni
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 192(1), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
Il-Konvenzjoni ta’ Minamata dwar il-Merkurju (“il-Konvenzjoni”) ġiet konkluża mill-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/939 (1) u daħlet fis-seħħ fis-16 ta’ Awwissu 2017. |
|
(2) |
Skont id-Deċiżjoni MC-1/1 dwar ir-Regoli ta’ Proċeduri adottata mill-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni (“il-Konferenza tal-Partijiet”) fl-ewwel laqgħa tagħha, il-Partijiet jenħtieġ li jagħmlu kull sforz biex jilħqu ftehim b’kunsens dwar il-materji kollha ta’ sustanza. |
|
(3) |
Il-Konferenza tal-Partijiet, matul it-tielet laqgħa tagħha tal-25–29 ta’ Novembru 2019, adottat id-Deċiżjoni MC-3/5 li tistabbilixxi limiti għall-iskart li jikkonsisti minn jew li fih il-merkurju jew komposti tal-merkurju, kif imsemmija fl-Artikolu 11(2) tal-Konvenzjoni, u li teħtieġ li l-grupp ta’ esperti tekniċi, stabbilit mill-Konferenza tal-Partijiet fit-tieni laqgħa tagħha tad-19–23 ta’ Novembru 2018, jiżviluppa limiti għall-iskart ikkontaminat bil-merkurju jew bil-komposti tal-merkurju (“skart ikkontaminat bil-merkurju”), inkluż għaż-żwiel mill-estrazzjoni minerarja għajr l-estrazzjoni primarja tal-merkurju. |
|
(4) |
Il-Konferenza tal-Partijiet, waqt it-tieni segment tar-raba’ laqgħa tagħha tal-21–25 ta’ Marzu 2022, hija mistennija tadotta Deċiżjoni (“id-Deċiżjoni proposta”) dwar limiti għall-iskart ikkontaminat bil-merkurju, kif imsemmi fl-Artikolu 11(2) tal-Konvenzjoni, li bħala riżultat, jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 11 tal-Konvenzjoni għal tali skart. L-iskart ikkontaminat bil-merkurju li jaqa’ fl-ambitu tal-Artikolu 11(2) tal-Konvenzjoni, jenħtieġ li jkun soġġett għall-immaniġjar ambjentalment korrett skont l-Artikolu 11(3) tal-Konvenzjoni. |
|
(5) |
Jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Konferenza tal-Partijiet, billi d-Deċiżjoni proposta, jekk tiġi approvata, se jkollha effetti legali peress li l-Partijiet għall-Konvenzjoni se jkollhom jieħdu miżuri biex jimplimentawha fil-livelli nazzjonali jew reġjonali, jew it-tnejn li huma. |
|
(6) |
L-Unjoni kkontribwiet b’mod sinifikanti għall-iżvilupp tad-dispożizzjonijiet dwar l-iskart tal-Konvenzjoni u għall-ħidma intersessjonali tal-esperti mnedija bid-Deċiżjoni MC-3/5 u dan wassal għad-Deċiżjoni proposta. |
|
(7) |
L-acquis tal-Unjoni teħtieġ diġà li l-iskart tal-merkurju kollu msemmi fl-Artikolu 11(2) tal-Konvenzjoni, inkluż l-iskart ikkontaminat bil-merkurju, jiġi mmaniġġjat mingħajr ma tiġi pperikolata s-saħħa tal-bniedem u mingħajr ma ssir ħsara lill-ambjent, irrispettivament mill-kontenut tal-merkurju tagħhom. |
|
(8) |
Jenħtieġ li l-Unjoni tappoġġa l-adozzjoni ta’ Deċiżjoni mill-Konferenza tal-Partijiet biss jekk tkun konsistenti mal-acquis tal-Unjoni, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fit-tieni segment tar-raba’ laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni għandha tkun li tappoġġa l-adozzjoni ta’ Deċiżjoni li tistabbilixxi l-limiti għall-iskart ikkontaminat bil-merkurju li tkun konsistenti mal-acquis tal-Unjoni.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Marzu 2022.
Għall-Kunsill
Il-President
B. POMPILI
(1) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/939 tal-11 ta’ Mejju 2017 dwar il-konklużjoni f’isem l-Unjoni Ewropea tal-Konvenzjoni ta’ Minamata dwar il-Merkurju (ĠU L 142, 2.6.2017, p. 4).