|
25.3.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 98/82 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/482
tas-16 ta’ Marzu 2022
dwar it-talba għar-reġistrazzjoni tal-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej intitolata “Fur Free Europe” skont ir-Regolament (UE) 2019/788 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
(notifikata bid-dokument C(2022)1530)
(It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2019/788 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 6(2) u (3) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Fil-25 ta’ Jannar 2022, ġiet ippreżentata talba lill-Kummissjoni għar-reġistrazzjoni ta’ inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej intitolata “Fur Free Europe”. |
|
(2) |
L-objettivi tal-inizjattiva kif espressi mill-organizzaturi fl-anness tal-inizjattiva huma “li tinkiseb projbizzjoni fl-UE kollha fuq: (a) iż-żamma u l-qtil ta’ annimali għall-iskop uniku jew ewlieni tal-produzzjoni tal-fer; (b) it-tqegħid fis-suq tal-UE ta’ pil tal-annimali mrobbija, u prodotti li fihom fer bħal dan ” . |
|
(3) |
Anness u dokument addizzjonali jipprovdu aktar dettalji dwar is-suġġett, l-objettivi u l-isfond tal-inizjattiva, billi jistabbilixxu u jagħtu dettalji dwar ir-raġunijiet għall-appoġġ tat-tmiem tat-trobbija ta’ annimali għall-pil. L-organizzaturi jsostnu li t-trobbija ta’ annimali għall-pil hija minnha nnifisha krudili, peress li l-maġġoranza l-kbira tal-annimali miżmuma għall-produzzjoni tali għadhom essenzjalment slavaġ, filwaqt li maġġoranza ċara taċ-ċittadini tal-Unjoni jixtiequ jaraw it-trobbija ta’ annimali għall-pil ipprojbita. It-trobbija ta’ annimali għall-pil tippreżenta riskju għas-saħħa tal-annimali u tal-bniedem kif ukoll għall-bijodiversità nattiva. L-organizzaturi jirreferu għall-inizjattivi ta’ xi Stati Membri biex tiġi eliminata l-produzzjoni tal-fer fil-livell nazzjonali. Fl-istess ħin, dawk id-diverġenzi nazzjonali jwasslu għal distorsjoni fis-suq intern tal-Unjoni, li tiġġustifika fil-fehma tagħhom, projbizzjoni diretta fl-UE kollha skont l-Artikolu 114 TFUE. Huma jsostnu wkoll li l-kummerċjalizzazzjoni tal-pil imrobbi u tal-prodotti li fihom pil bħal dan ma għandhiex tkun permessa fl-Unjoni. |
|
(4) |
Fir-rigward tal-objettivi tal-inizjattiva biex tinkiseb projbizzjoni fl-UE kollha kemm fuq it-trobbija ta’ annimali għall-pil kif ukoll fuq il-kummerċjalizzazzjoni tal-pil fl-Unjoni, sa fejn dawn għandhom l-għan li jtejbu l-funzjonament tas-suq intern, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tippreżenta proposti għal atti legali abbażi tal-Artikolu 114 TFUE. Barra minn hekk, fir-rigward tal-objettiv li tinkiseb projbizzjoni fl-UE kollha fuq it-trobbija ta’ annimali għall-pil, jista’ jiġi adottat att legali tal-Unjoni għall-fini tal-implimentazzjoni tat-Trattati għal dispożizzjonijiet meħtieġa biex jintlaħqu l-objettivi tal-politika agrikola komuni abbażi tal-Artikolu 43(2) TFUE. |
|
(5) |
Għal dawn ir-raġunijiet, l-ebda parti mill-inizjattiva ma taqa’ manifestament barra mill-qafas tas-setgħat tal-Kummissjoni li tippreżenta proposta għal att legali tal-Unjoni għall-fini tal-implimentazzjoni tat-Trattati. |
|
(6) |
Din il-konklużjoni hija mingħajr preġudizzju għall-valutazzjoni ta’ jekk il-kundizzjonijiet fattwali u sostantivi konkreti meħtieġa biex il-Kummissjoni taġixxi, inklużi l-konformità mal-prinċipji ta’ proporzjonalità u sussidjarjetà u l-kompatibilità mad-drittijiet fundamentali, jkunux issodisfati f’dan il-każ. |
|
(7) |
Il-grupp ta’ organizzaturi pprovda evidenza xierqa li huwa jissodisfa r-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 5(1) u (2) tar-Regolament (UE) 2019/788 u ħatar il-persuni ta’ kuntatt f’konformità mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(3) ta’ dak ir-Regolament. |
|
(8) |
L-inizjattiva la hija manifestament abbużiva, frivola jew vessatorja u lanqas ma tmur manifestament kontra l-valuri tal-Unjoni kif stabbiliti fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u d-drittijiet stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. |
|
(9) |
Jenħtieġ, għalhekk, li l-inizjattiva intitolata “Fur Free Europe” tiġi rreġistrata, |
|
(10) |
Il-konklużjoni li l-kundizzjonijiet għar-reġistrazzjoni skont l-Artikolu 6(3) tar-Regolament (UE) 2019/788 huma ssodisfati bl-ebda mod ma timplika li l-Kummissjoni tikkonferma l-korrettezza fattwali tal-kontenut tal-inizjattiva, li hija r-responsabbiltà unika tal-grupp ta’ organizzaturi tal-inizjattiva. Il-kontenut tal-inizjattiva jesprimi biss il-fehmiet tal-grupp ta’ organizzaturi, u bl-ebda mod ma jista’ jitqies li jirrifletti l-fehmiet tal-Kummissjoni, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej intitolata “Fur Free Europe” għandha tiġi rreġistrata.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-grupp ta’ organizzaturi tal-inizjattiva taċ-ċittadini intitolata “Fur Free Europe”, irrappreżentata mis-Sinjura Elise FLEURY u s-Sinjura Agnese MARCON li jaġixxu bħala persuni ta’ kuntatt.
Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Marzu 2022.
Għall-Kummissjoni
Věra JOUROVÁ
Viċi President