24.3.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 96/45


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2022/472

tat-23 ta’ Marzu 2022

li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2022/339 dwar miżura ta’ assistenza taħt il-Faċilità Ewropea għall-Paċi biex tappoġġa l-Forzi Armati Ukreni

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 28(1) u 41(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/339 (1) tistabbilixxi ammont ta’ referenza finanzjarja ta’ EUR 50 000 000 maħsub biex ikopri l-finanzjament tal-forniment ta’ tagħmir u provvisti mhux imfassla biex iwasslu forza letali, bħal tagħmir ta’ protezzjoni personali, kaxex għall-ewwel għajnuna u fjuwil, lill-Forzi Armati Ukreni.

(2)

Fid-dawl tal-konflitt armat li għaddej fit-territorju Ukren, jenħtieġ li l-ammont ta’ referenza finanzjarja jiżdied b’EUR 50 000 000 addizzjonali u d-durata tal-miżura ta’ assistenza tiġi estiża bi 12-il xahar.

(3)

Għalhekk id-Deċiżjoni (PESK) 2022/339 jenħtieġ li tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni (PESK) 2022/339 hija emendata kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 1, il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4.   Id-durata tal-Miżura ta’ Assistenza għandha tkun ta’ 36 xahar mill-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.”;

(2)

fl-Artikolu 2, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   L-ammont ta’ referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa relatata mal-Miżura ta’ Assistenza għandu jkun ta’ EUR 100 000 000.”;

(3)

fl-Artikolu 2, il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   F’konformità mal-Artikolu 29(5) tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509, l-amministratur għall-miżuri ta’ assistenza jista’ jagħmel sejħa għal kontribuzzjonijiet wara l-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, sa EUR 100 000 000. Il-fondi li għalihom għamel sejħa l-amministratur għall-miżuri ta’ assistenza għandhom jintużaw biss biex titħallas in-nefqa fil-limiti approvati mill-Kumitat stabbilit bid-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 fil-baġit emendatorju tal-2022 li tikkorrispondi għall-Miżura ta’ Assistenza.”;

(4)

fl-Artikolu 2, il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4.   In-nefqa relatata mal-implimentazzjoni tal-Miżura ta’ Assistenza għandha tkun eliġibbli mill-1 ta’ Jannar 2022, u sa data li għandha tiġi ddeterminata mill-Kunsill. Mill-inqas 50 fil-mija tal-ammont ta’ referenza finanzjarja għandu jkopri n-nefqa mġarrba mill-11 ta’ Marzu 2022 ’il quddiem.”;

(5)

fl-Artikolu 4, paragrafu 4, il-punt (k) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(k)

il-Ministeru tad-Difiża, l-Uffiċċju Federali tal-Affarijiet Barranin u aġenziji governattivi oħrajn tal-Ġermanja;”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Marzu 2022.

Għall-Kunsill

Il-President

J.-Y. LE DRIAN


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/339 tat-28 ta’ Frar 2022 dwar miżura ta’ assistenza taħt il-Faċilità Ewropea għall-Paċi biex tappoġġa l-Forzi Armati Ukreni (ĠU L 61, 28.2.2022, p. 1).