22.3.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 93/191


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/460

tal-4 ta’ Marzu 2022

li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/788 li tistabbilixxi regoli għall-monitoraġġ u għar-rappurtar tal-infezzjonijiet bis-SARS-CoV-2 f’ċerti speċijiet ta’ annimali

(notifikata bid-dokument C(2022) 1270)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2003/99/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Novembru 2003 rigward il-monitoraġġ taż-żoonożi u tal-aġenti żoonotiċi, temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 90/424/KEE u tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 92/117/KEE (1), u b’mod partikolari l-Artikoli 4(5) u 9(1) u t-tielet paragrafu tal-Artikolu 11 tagħha,

Billi:

(1)

Mill-2020, ġew irrappurtati infezzjonijiet bil-virus tas-SARS-CoV-2 fil-minks f’ċerti Stati Membri u f’pajjiżi terzi, u ġie stabbilit li t-trażmissjoni mill-bniedem għall-minks u mill-minks għall-bniedem tista’ sseħħ. Għaldaqstant, id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/788 tat-12 ta’ Mejju 2021 (2) tistabbilixxi regoli għall-monitoraġġ u għar-rappurtar armonizzati, fi ħdan l-Unjoni, tal-infezzjonijiet bis-SARS-CoV-2 f’ċerti speċijiet ta’ annimali.

(2)

Jenħtieġ li l-perjodu ta’ applikazzjoni tal-miżuri previsti fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/788 iqis l-epidemjoloġija tas-SARS-CoV-2 f’ċerti speċijiet ta’ annimali. It-tifqigħat fl-istabbilimenti tal-minks f’diversi Stati Membri fl-2021 u fl-2022 jindikaw li s-sitwazzjoni epidemjoloġika għadha qed tevolvi u li valutazzjoni ulterjuri tar-riskji hija meħtieġa.

(3)

Għaldaqstant, jenħtieġ li minħabba s-sitwazzjoni epidemjoloġika attwali fl-Unjoni u fil-pajjiżi terzi, il-perjodu ta’ applikabbiltà tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/788 jiġi estiż, sabiex jiġi żgurat li l-informazzjoni rilevanti kollha tkompli tinġabar permezz ta’ sistema effiċjenti u armonizzata ta’ monitoraġġ u ta’ rappurtar. Jenħtieġ li l-monitoraġġ u r-rappurtar armonizzati jkomplu sakemm issir valutazzjoni ulterjuri tar-riskji u jiġu applikati l-miżuri ta’ kontroll disponibbli.

(4)

Għaldaqstant, jenħtieġ li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/788 tiġi emendata skont dan.

(5)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/788, id-data “31 ta’ Marzu 2022” hija sostitwita għal “31 ta’ Marzu 2023”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, l-4 ta’ Marzu 2022.

Għall-Kummissjoni

Stella KYRIAKIDES

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 325, 12.12.2003, p. 31.

(2)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/788 tat-12 ta’ Mejju 2021 li tistabbilixxi regoli għall-monitoraġġ u għar-rappurtar tal-infezzjonijiet bis-SARS-CoV-2 f’ċerti speċijiet ta’ annimali (ĠU L 173, 17.5.2021, p. 6).