|
21.3.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 92/1 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2022/451
tat-3 ta’ Marzu 2022
li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati f’isem l-Unjoni Ewropea għal ftehim internazzjonali dwar il-prevenzjoni, it-tħejjija u r-rispons għall-pandemiji, kif ukoll emendi komplementari għar-Regolamenti Internazzjonali tas-Saħħa (2005)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 168(5) flimkien mal-Artikolu 218(3) u (4) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
Fil-31 ta’ Mejju 2021, permezz tad-deċiżjoni tagħha l-WHA74(16), l-74 Assemblea Dinjija tas-Saħħa (WHA) appellat li ssir sessjoni speċjali sabiex jiġu kkunsidrati l-benefiċċji li tiġi żviluppata konvenzjoni, ftehim jew strument internazzjonali ieħor tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) dwar it-tħejjija u r-rispons għall-pandemiji bil-ħsieb li jiġi stabbilit proċess intergovernattiv biex tiġi abbozzata u nnegozjata tali konvenzjoni, ftehim jew strument; |
|
(2) |
Fl-1 ta’ Diċembru 2021, permezz tad-deċiżjoni tagħha SSA2(5), it-tieni sessjoni speċjali tad-WHA iddeċidiet li tistabbilixxi korp intergovernattiv tan-negozjati li jkun miftuħ għall-Istati Membri, il-Membri Assoċjati u l-organizzazzjonijiet reġjonali għall-integrazzjoni ekonomika kollha tad-WHO biex tiġi abbozzata u nnegozjata konvenzjoni, ftehim jew strument internazzjonali ieħor dwar il-prevenzjoni, it-tħejjija u r-rispons għall-pandemiji bil-ħsieb ta’ adozzjoni skont l-Artikolu 19, jew skont dispożizzjonijiet oħra tal-Kostituzzjoni tad-WHO kif jitqies xieraq mill- korp intergovernattiv tan-negozjati. |
|
(3) |
Fl-20 ta’ Jannar 2022 id-Direttur Ġenerali tad-WHO kkomunika lill-Istati Parti t-test ta’ proposta għall-emenda tar-Regolamenti Internazzjonali tas-Saħħa (2005) (IHR) propost mill-Istati Uniti tal-Amerka skont l-Artikolu 55(1) tal-IHR. |
|
(4) |
Il-150 sessjoni tal-Bord Eżekuttiv tad-WHA li saret mill-24 sad-29 ta’ Jannar 2022, iddeċidiet li tħeġġeġ lill-Istati Membri tal-WHO u, fejn applikabbli, l-organizzazzjonijiet reġjonali għall-integrazzjoni ekonomika, biex jieħdu l-miżuri kollha xierqa biex jiġu kkunsidrati emendi potenzjali għall-IHR. |
|
(5) |
L-Unjoni, fir-rigward ta’ kwistjonijiet li jaqgħu fil-kompetenza tagħha, jenħtieġ li tipparteċipa, flimkien mal-Istati Membri tagħha, fir-rigward ta’ kwistjonijiet li jaqgħu fil-kompetenza tagħhom, fin-negozjati għal tali konvenzjoni, ftehim jew strument ieħor dwar il-prevenzjoni, it-tħejjija u r-rispons għall-pandemiji, kif ukoll emendi komplementari għall-IHR, kif previst fit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). |
|
(6) |
F’konformità mal-Artikolu 6 u l-Artikolu 168(5) TFUE, fil-qasam tal-protezzjoni u t-titjib tas-saħħa tal-bniedem, inkluż fir-rigward tal-ġlieda kontra l-flaġelli ewlenin tas-saħħa transfruntiera kif ukoll il-monitoraġġ, it-twissija bikrija ta’ u l-ġlieda kontra theddid transfruntier serju għas-saħħa, l-azzjoni tal-Unjoni jenħtieġ li tappoġġa, tikkoordina jew tissupplimenta l-azzjonijiet tal-Istati Membri. |
|
(7) |
F’konformità mal-Artikolu 168(7) TFUE, ir-responsabbiltajiet tal-Istati Membri għad-definizzjoni tal-politika tas-saħħa tagħhom u għall-organizzazzjoni u t-twassil tas-servizzi tas-saħħa u l-kura medika, inkluż il-ġestjoni tas-servizzi tas-saħħa u l-kura medika u l-allokazzjoni tar-riżorsi assenjati lilhom, jenħtieġ li jiġu rrispettati bis-sħiħ matul il-proċess ta’ negozjati. |
|
(8) |
Din id-Deċiżjoni hija mingħajr preġudizzju għat-tqassim tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha jew għall-parteċipazzjoni tal-Istati Membri fin-negozjati f’konformità mat-Trattati. |
|
(9) |
F’konformità mal-prinċipju tal-kooperazzjoni leali, il-Kummissjoni u l-Istati Membri jenħtieġ li jikkooperaw mill-qrib matul il-proċess ta’ negozjati, inkluż permezz ta’ kuntatti regolari mal-esperti tekniċi u r-rappreżentanti tal-Istati Membri f’Ġinevra. |
|
(10) |
Għal dan il-għan, l-arranġamenti prattiċi li ser japplikaw fit-tmexxija tan-negozjati jenħtieġ li jiġu definiti kemm jista’ jkun malajr, b’mod partikolari bil-ħsieb li tiġi żgurata kooperazzjoni effettiva bejn in-negozjatur tal-Unjoni u l-Istati Membri, mingħajr preġudizzju għar-rwol tal-kumitat speċjali skont it-tifsira tal-Artikolu 218(4) TFUE. |
|
(11) |
Il-Kunsill jenħtieġ li jirrevedi u jiżviluppa aktar id-direttivi ta’ negozjati stabbiliti fl-addendum għal din id-deċiżjoni kif xieraq skont l-iżvilupp tan-negozjati. |
|
(12) |
In-negozjati ser isiru fil-kuntest tad-WHO, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
1. Il-Kummissjoni hija b’dan awtorizzata tinnegozja f’isem l-Unjoni, dwar kwistjonijiet li jaqgħu fil-kompetenza tal-Unjoni, f’konformità mat-Trattati, ftehim internazzjonali dwar il-prevenzjoni, it-tħejjija u r-rispons għall-pandemiji, kif ukoll emendi komplementari għall-IHR, fil-qafas tad-deċiżjoni SSA2(5) tad-WHA tal-1 ta’ Diċembru 2021 u tad-Deċiżjoni EB150(3) tas-26 ta’ Jannar 2022 tal-Bord Eżekuttiv tad-WHO rispettivament.
2. In-negozjati għandhom jitmexxew fuq il-bażi tad--direttivi ta’ negozjati li jinsabu fl-addendum (1) ta’ din id-Deċiżjoni. Dawk id-direttivi għandhom jiġu riveduti u żviluppati aktar kif xieraq skont l-iżvilupp tan-negozjati.
Artikolu 2
1. In-negozjati għandhom jitmexxew f’konsultazzjoni mill-qrib mal-Grupp ta’ Ħidma dwar is-Saħħa Pubblika, li huwa b’dan maħtur bħala l-kumitat speċjali skont it-tifsira tal-Artikolu 218(4) TFUE.
2. Il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-kumitat speċjali u tikkonsultah fuq bażi regolari. Kull meta tkun mitluba mill-Kunsill, il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Kunsill dwar it-tmexxija u l-eżitu tan-negozjati, inkluż bil-miktub.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.
Magħmul fi Brussell, it-3 ta’ Marzu 2022.
Għall-Kunsill
Il-President
G. DARMANIN
(1) Ara d-dokument ST 6133/22 ADD 1 fuq http://register.consilium.europa.eu