10.3.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 83/55


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/406

tat-3 ta’ Marzu 2022

li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1202 fir-rigward tal-istandards armonizzati għaż-żennuni awtomatiċi għall-użu fid-distributuri tal-fjuwil, il-pompi tal-kejl, id-distributuri u l-unitajiet ta’ pompi li jitħaddmu mill-bogħod, il-mezzi ta’ sikurezza għall-użu fuq pompi tal-kejl u distributuri, il-valvi ta’ sikurezza u swivels għall-użu fuq pompi tal-kejl u distributuri, li jintużaw fil-pompi tal-petrol

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar l-Istandardizzazzjoni Ewropea, li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 89/686/KEE u 93/15/KEE u d-Direttivi 94/9/KE, 94/25/KE, 95/16/KE, 97/23/KE, 98/34/KE, 2004/22/KE, 2007/23/KE, 2009/23/KE u 2009/105/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/95/KEE u d-Deċiżjoni Nru 1673/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 10(6) tiegħu,

Billi:

(1)

F’konformità mal-Artikolu 12 tad-Direttiva 2014/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), il-prodotti li jkunu konformi ma’ standards armonizzati jew ma’ partijiet minnhom, li r-referenzi tagħhom ikunu ġew ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, għandhom ikunu preżunti konformi mar-rekwiżiti essenzjali tas-saħħa u tas-sikurezza stabbiliti fl-Anness II ta’ dik id-Direttiva koperti minn dawk l-istandards jew minn partijiet minnhom.

(2)

Bl-ittra BC/CEN/46-92 – BC/CLC/05-92 tat-12 ta’ Diċembru 1994, il-Kummissjoni għamlet talba lill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni (CEN) u lill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni Elettroteknika (CENELEC) għat-tfassil u għar-reviżjoni tal-istandards armonizzati b’appoġġ għad-Direttiva 94/9/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3). Dik id-Direttiva ġiet sostitwita bid-Direttiva 2014/34/UE mingħajr ma nbidlu r-rekwiżiti essenzjali tas-saħħa u tas-sikurezza stabbiliti fl-Anness II tad-Direttiva 94/9/KE.

(3)

B’mod partikolari, is-CEN u s-Cenelec intalbu jabbozzaw l-istandards li ġejjin għall-prodotti użati fl-istazzjonijiet tal-fjuwil tal-petrol: Il-kostruzzjoni u l-prestazzjoni ta’ żennuni awtomatiċi għall-użu fuq distributuri tal-fjuwil, rekwiżiti ta’ sikurezza għall-kostruzzjoni u l-prestazzjoni ta’ pompi tal-kejl, distributuri u unitajiet ta’ pompi li jitħaddmu mill-bogħod: Rekwiżiti ta’ sikurezza għall-kostruzzjoni u l-prestazzjoni ta’ mezzi ta’ sikurezza għall-użu fuq pompi tal-kejl u distributuri, rekwiżiti ta’ sikurezza għall-kostruzzjoni u l-prestazzjoni ta’ valvi ta’ sikurezza u rekwiżiti ta’ sikurezza għall-kostruzzjoni u l-prestazzjoni ta’ swivels għall-użu fuq pompi tal-kejl u distributuri. Dak ix-xogħol ta’ standardizzazzjoni kien indikat fil-Kapitolu I. tal-programm ta’ standardizzazzjoni maqbul bejn is-CEN u s-Cenelec u l-Kummissjoni u mehmuż mat-talba BC/CEN/46-92 – BC/CLC/05-92. Is-CEN u s-Cenelec intalbu wkoll jirrevedu l-istandards eżistenti bl-għan li jallinjawhom mar-rekwiżiti essenzjali tas-saħħa u tas-sikurezza tad-Direttiva 94/9/KE.

(4)

Abbażi tat-talba BC/CEN/46-92 – BC/CLC/05-92, is-CEN abbozza dawn l-istandards armonizzati li ġejjin għall-prodotti użati fil-pompi tal-petrol: EN 13012: 2021 Kostruzzjoni u prestazzjoni ta’ żennuni awtomatiċi għall-użu fuq distributuri tal-fjuwil, EN 13617–1: 2021 Rekwiżiti ta’ sikurezza għall-kostruzzjoni u l-prestazzjoni ta’ pompi tal-kejl, distributuri u unitajiet ta’ pompi mill-bogħod, EN 13617–2: 2021 Rekwiżiti ta’ sikurezza għall-kostruzzjoni u t-twettiq ta’ mezzi ta’ sikurezza għall-użu fuq pompi tal-kejl u distributuri, EN 13617–3: 2021 Rekwiżiti ta’ sigurtà għall-kostruzzjoni u l-prestazzjoni ta’ valvi ta’ sikurezza u EN 13617–4: 2021. Rekwiżiti ta’ sikurezza għall-kostruzzjoni u l-prestazzjoni ta’ swivels għall-użu fuq pompi tal-kejl u distributuri.

(5)

Il-Kummissjoni flimkien mas-CEN ivvalutat jekk l-istandards EN 13012:2021, EN 13617-1:2021, EN 13617-2:2021, EN 13617-3:2021, EN 13617-4:2021 imfassla mis-CEN huwiex konformi mat-talba BC/CEN/46-92 – BC/CLC/05-92.

(6)

L-istandards EN 13012:2021, EN 13617-1:2021, EN 13617-2:2021, EN 13617-3:2021 u EN 13617-4:2021 jissodisfaw ir-rekwiżiti li għandhom l-għan li jkopru u li huma stabbiliti fl-Anness II tad-Direttiva 2014/34/UE. Għaldaqstant, jixraq li r-referenzi ta’ dawk l-istandards jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(7)

L-istandard EN 13012:2021 jissostitwixxi l-istandard EN 13012:2012. L-istandard EN 13617-1:2021 jissostitwixxi l-istandard EN 13617-1:2012. L-istandard EN 13617-2:2021 jissostitwixxi l-istandard EN 13617-2:2012. L-istandard EN 13617-3:2021 jissostitwixxi l-istandard EN 13617-3:2012. L-istandard EN 13617-4:2021 jissostitwixxi l-istandard EN 13617-4:2012. Għalhekk jeħtieġ li r-referenzi tal-istandards EN 13012:2012, EN 13617-1:2012, EN 13617-2:2012, EN 13617-3:2012, u EN 13617-4:2012 li huma ppubblikati mill-komunikazzjoni tal-Kummissjoni (2018/C 371/01) (4) jiġu rtirati minn Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(8)

Sabiex il-manifatturi jingħataw biżżejjed żmien biex jadattaw il-prodotti tagħhom għall-verżjonijiet riveduti tal-istandards EN 13012:2012, EN 13617-1:2012, EN 13617-2:2012, EN 13617-3:2012, u EN 13617-4:2012, jeħtieġ li l-irtirar tar-referenza għal dawk l-istandards jiġi differit.

(9)

L-Anness I tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1202 (5) jelenka r-referenzi tal-istandards armonizzati abbozzati b’appoġġ għad-Direttiva 2014/34/UE. Sabiex jiġi żgurat li r-referenzi tal-istandards armonizzati abbozzati b’appoġġ għad-Direttiva 2014/34/UE jkunu kollha elenkati f’att wieħed, ir-referenzi tal-istandards armonizzati EN 13012:2021, EN 13617-1:2021, EN 13617-2:2021, EN 13617-3:2021 u EN 13617-4:2021 għandhom jiġu inklużi f’dak l-Anness.

(10)

L-Anness II tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1202 jelenka r-referenzi tal-istandards armonizzati abbozzati b’appoġġ għad-Direttiva 2014/34/UE rtirati mis-serje C ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Ir-referenzi tal-istandards armonizzati EN 13012:2012, EN 13617-1:2012, EN 13617-2:2012, EN 13617-3:2012 u EN 13617-4:2012 jenħtieġ li jiġu inklużi f’dak l-Anness.

(11)

Għaldaqstant, jenħtieġ li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1202 tiġi emendata skont dan.

(12)

Il-konformità ma’ standard armonizzat tagħti preżunzjoni ta’ konformità mar-rekwiżiti essenzjali korrispondenti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-armonizzazzjoni mid-data tal-pubblikazzjoni tar-referenza ta’ tali standard f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Għalhekk, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1202 hija emendata kif ġej:

(1)

l-Anness I huwa emendat f’konformità mal-Anness I ta’ din id-Deċiżjoni;

(2)

l-Anness II huwa emendat f’konformità mal-Anness II ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-3 ta’ Marzu 2022.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 316, 14.11.2012, p. 12.

(2)  Id-Direttiva 2014/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relattivament għal tagħmir u sistemi ta’ protezzjoni maħsuba għall-użu f’atmosferi potenzjalment esplużivi (riformulazzjoni) (ĠU L 96, 29.3.2014, p. 309).

(3)  Id-Direttiva 94/9/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Marzu 1994 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li jikkonċernaw it-tagħmir u sistemi ta’ protezzjoni maħsuba għall-użu f’atmosferi potenzjalment esplussivi (ĠU L 100, 19.4.1994, p. 1).

(4)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni fil-qafas tal-implimentazzjoni tad-Direttiva 2014/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relattivament għal tagħmir u sistemi ta’ protezzjoni maħsuba għall-użu f’atmosferi potenzjalment esplużivi (Pubblikazzjoni ta’ titli u referenzi ta’ standards armonizzati skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-armonizzazzjoni) (ĠU C 371, 12.10.2018, p. 1).

(5)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1202 tat-12 ta’ Lulju 2019 dwar l-istandards armonizzati għal tagħmir u sistemi ta’ protezzjoni maħsuba għall-użu f’atmosferi potenzjalment esplużivi mfassla b’sostenn għad-Direttiva 2014/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 189, 15.7.2019, p. 71).


ANNESS I

Fl-Anness I tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1202 jiżdiedu l-entrati li ġejjin:

Nru

Referenza tal-istandard

“5.

EN 13012:2021

Pompi tal-petrol - Kostruzzjoni u prestazzjoni ta’ żennuni awtomatiċi għall-użu fuq distributuri tal-fjuwil

6.

EN 13617-1:2021

Pompi tal-petrol - Parti 1: Rekwiżiti ta’ sikurezza għall-kostruzzjoni u l-prestazzjoni ta’ pompi tal-kejl, distributuri u unitajiet ta’ pompi li jitħaddmu mill-bogħod

7.

EN 13617-2:2021

Pompi tal-petrol - Parti 2: Rekwiżiti ta’ sikurezza għall-kostruzzjoni u l-prestazzjoni ta’ mezzi ta’ sikurezza għall-użu fuq pompi tal-kejl u distributuri

8.

EN 13617-3:2021

Pompi tal-petrol - Parti 3: Rekwiżiti ta’ sikurezza għall-kostruzzjoni u l-prestazzjoni ta’ valvi ta’ sikurezza

9.

EN 13617-4:2021

Pompi tal-petrol - Parti 4: Rekwiżiti ta’ sikurezza għall-kostruzzjoni u l-prestazzjoni ta’ swivels għall-użu fuq pompi tal-kejl u distributuri”


ANNESS II

Fl-Anness II tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1202, jiżdiedu l-entrati li ġejjin:

Nru

Referenza tal-istandard

Data tat-tneħħija

“4.

EN 13012:2012

Pompi tal-petrol - Kostruzzjoni u prestazzjoni ta’ żennuni awtomatiċi għall-użu fuq distributuri tal-fjuwil

It-3 ta’ Settembru 2023

5.

EN 13617-1:2012

Pompi tal-petrol - Parti 1: Rekwiżiti ta’ sigurtà għall-kostruzzjoni u l-prestazzjoni ta’ pompi tal-kejl, distributuri u unitajiet ta’ pompi li jitħaddmu mill-bogħod

It-3 ta’ Settembru 2023

6.

EN 13617-2:2012

Pompi tal-petrol - Parti 2: Rekwiżiti ta’ sikurezza għall-kostruzzjoni u l-prestazzjoni ta’ mezzi ta’ sikurezza għall-użu fuq pompi tal-kejl u distributuri

It-3 ta’ Settembru 2023

7.

EN 13617-3:2012

Pompi tal-petrol - Parti 3: Rekwiżiti ta’ sikurezza għall-kostruzzjoni u l-prestazzjoni ta’ valvi ta’ sikurezza

It-3 ta’ Settembru 2023

8.

EN 13617-4:2012

Pompi tal-petrol - Parti 4: Rekwiżiti ta’ sikurezza għall-kostruzzjoni u l-prestazzjoni ta’ swivels għall-użu fuq pompi tal-kejl u distributuri”

It-3 ta’ Settembru 2023”.