10.3.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 83/39


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/403

tat-3 ta’ Marzu 2022

dwar l-eżenzjonijiet mid-dazju anti-dumping estiż fuq ċerti partijiet tar-rota li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina skont ir-Regolament (KE) Nru 88/97

(notifikata bid-dokument C(2022) 1262)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), u b’mod partikolari l-Artikolu 13(4) tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/45 tal-20 ta’ Jannar 2020 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1379 dwar l-estensjoni tad-dazju tal-anti-dumping impost fuq l-importazzjonijiet ta’ roti li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina għall-importazzjonijiet ta’ ċerti komponenti tar-roti li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 71/97 (2),

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 88/97 tal-20 ta’ Jannar 1997 dwar l-awtorizzazzjoni għall-eżenzjoni tal-importazzjoni ta’ wħud mill-partijiet tar-roti li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina mill-estensjoni permezz tar-Regolament (KE) Nru 71/97 tal-Kunsill, tad-dazju anti-dumping impost mir-Regolament (KEE) Nru 2474/93 tal-Kunsill (3), u b’mod partikolari l-Artikoli 4 sa 7 tiegħu,

Wara li informat lill-Istati Membri,

Billi:

(1)

Dazju anti-dumping japplika fuq l-importazzjonijiet ta’ partijiet essenzjali tar-roti li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“iċ-Ċina”) (“id-dazju estiż”) bħala riżultat tal-estensjoni tad-dazju anti-dumping impost fuq l-importazzjonijiet ta’ roti li joriġinaw miċ-Ċina permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 71/97 (4).

(2)

Skont l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 71/97, il-Kummissjoni tingħata s-setgħa tadotta l-miżuri meħtieġa biex tawtorizza l-eżenzjoni tal-importazzjonijiet ta’ partijiet essenzjali tar-roti li ma jevitawx id-dazju anti-dumping.

(3)

Dawn il-miżuri ta’ implimentazzjoni huma stabbiliti fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 88/97 (“ir-Regolament ta’ eżenzjoni”) li jistabbilixxi s-sistema ta’ eżenzjoni speċifika.

(4)

Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni eżentat mid-dazju estiż għadd ta’ impriżi tal-assemblaġġ tar-roti.

(5)

Kif previst fl-Artikolu 16(2) tar-Regolament ta’ eżenzjoni, il-Kummissjoni ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea listi sussegwenti tal-partijiet eżentati (5).

(6)

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni l-aktar reċenti dwar l-eżenzjonijiet skont ir-Regolament ta’ eżenzjoni kienet adottata fil-15 ta’ April 2021 (6).

(7)

Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, japplikaw id-definizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 88/97.

(8)

Fil-25 ta’ Awwissu 2019, il-Kummissjoni rċeviet mingħand il-kumpanija Pollakka Rowerland Piotr Tokarz (“Rowerland”) (“il-kumpanija”) talba għal eżenzjoni bl-informazzjoni meħtieġa biex jiġi ddeterminat jekk din it-talba kinitx ammissibbli skont l-Artikolu 4 tar-Regolament ta’ eżenzjoni.

(9)

Skont l-Artikolu 5(1) tar-Regolament ta’ eżenzjoni sakemm tittieħed deċiżjoni dwar il-mertu tat-talba, il-ħlas tad-dazju estiż fir-rigward ta’ kull importazzjoni ta’ partijiet essenzjali tar-roti ddikjarati għaċ-ċirkolazzjoni libera minn Rowerland ġie sospiż mill-jum li fih il-Kummissjoni rċeviet it-talba debitament sostanzjata għal eżenzjoni.

(10)

Il-kodiċi addizzjonali TARIC C529 ġie assenjat lill-Parti elenkata fit-Tabella 1, sabiex jidentifika l-importazzjonijiet ta’ partijiet essenzjali tar-roti ddikjarati għaċ-ċirkolazzjoni libera u soġġett għas-sospensjoni tal-ħlas tad-dazju estiż.

Tabella 1

Kodiċi addizzjonali TARIC

Isem

Indirizz

Id-data tad-dħul fis-seħħ

C529

Rowerland Piotr Tokarz

ul. Klubowa 23,

PL-32-600 Broszkowice, il-Polonja

17.10.2019

(11)

F’konformità mal-Artikolu 6 tar-Regolament ta’ eżenzjoni, il-Kummissjoni identifikat il-perjodu mill-1 ta’ Novembru 2019 sal-31 ta’ Ottubru 2020 bħala l-perjodu li jrid jiġi investigat sabiex jiġu vverifikati l-attivitajiet ta’ Rowerland matul il-perjodu ta’ sospensjoni u tiddeċiedi jekk tagħtix eżenzjoni (“il-perjodu ta’ investigazzjoni”).

(12)

F’Jannar 2021, kif ukoll f’Mejju 2021 b’mod komplementari, Rowerland ipprovdiet id-data u ċ-ċifri lill-Kummissjoni li skonthom, matul il-perjodu ta’ investigazzjoni, il-kumpanija kienet tikkonforma mal-kundizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament ta’ eżenzjoni sabiex tiġi eżentata.

(13)

B’mod partikolari, Rowerland allegat a) li hi użat partijiet essenzjali tar-roti għall-assemblaġġ tar-roti fi kwantitajiet ’il fuq mil-limitu ta’ 299 unità għal kull tip ta’ parti essenzjali tar-roti fuq bażi ta’ kull xahar (“ir-regola de minimis”) u b) li l-valur miżjud għall-partijiet inkorporati matul l-operazzjonijiet ta’ assemblaġġ tagħha jikkorrispondi għal aktar minn 25 % tal-kost tal-manifattura (“il-kriterju tal-valur miżjud ta’ 25 %”). Għalhekk, l-operazzjonijiet ta’ assemblaġġ tagħha ma kinux jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 13(2) tar-Regolament bażiku. Barra minn hekk, Rowerland ma ddikjaratx li l-partijiet miġjuba miċ-Ċina kienu jikkostitwixxu inqas minn 60 % tal-valur totali tal-partijiet użati fl-operazzjonijiet ta’ assemblaġġ matul il-perjodu ta’ investigazzjoni skont l-Artikolu 13(2) tar-Regolament bażiku (“il-kriterju 60–40 %”).

(14)

F’Novembru 2021, il-Kummissjoni għamlet żjara ta’ verifika fl-impjant tal-kumpanija biex teżamina l-merti tat-talba għal eżenzjoni.

(15)

Matul l-eżami tagħhom, is-servizzi tal-Kummissjoni stabbilew li:

(a)

Rowerland ikkonformat mar-regola de minimis kif iddikjarat fil-premessa (13) kemm f’termini ta’ volumi ta’ partijiet tar-roti mixtrija u użati għall-attività ta’ assemblaġġ, u kif ivverifikat f’termini ta’ volumi ta’ roti magħquda;

(b)

iċ-ċifri użati mill-kumpanija biex turi l-konformità mar-regoli kontra ċ-ċirkomvenzjoni jistgħu jiġu rikonċiljati ma’ dawk irreġistrati fis-sistema kontabilistika;

(c)

is-sistema kontabilistika użata minn Rowerland ma ppermettietx il-kumpanija tintraċċa l-oriġini tal-partijiet tar-roti mixtrija u użati fl-operazzjonijiet ta’ assemblaġġ u għalhekk il-kriterju 60–40 % ma setax jiġi vvalutat;

(d)

l-investigazzjoni wriet li Rowerland ma mmanifatturatx partijiet tal-biċikletti, ħlief ir-roti tal-biċikletti;

(e)

f’konformità mad-dokumentazzjoni u mal-ispjegazzjonijiet ipprovduti minn Rowerland matul il-proċess ta’ verifika, diversi kostijiet irrappurtati minn Rowerland bħala valur miżjud ġew emendati kif spjegat fil-punti (i)-(ii) hawn taħt, mentri kostijiet oħra kif spjegat fil-punti (iii)-(v) hawn taħt ma ġewx aċċettati bħala kostijiet marbuta direttament mal-attivitajiet ta’ assemblaġġ:

(i)

l-ammont irrapportat bħala kostijiet diretti tal-enerġija ġie kkalkolat minn Rowerland abbażi tal-għadd ta’ ħaddiema assenjati għall-operazzjonijiet ta’ assemblaġġ, mentri l-ammont irrapportat bħala kostijiet indiretti tal-enerġija ġie kkalkulat abbażi tal-għadd ta’ impjegati amministrattivi. Din il-metodoloġija ma tqisitx xierqa peress li l-kostijiet tal-enerġija huma marbuta mal-bini fejn iseħħu l-operazzjonijiet ta’ assemblaġġ u mhux mal-għadd ta’ impjegati. Għalhekk, il-kostijiet tal-enerġija ġew ikkalkulati mill-ġdid u ġew allokati abbażi tal-metri kwadri tal-bini fejn l-operazzjonijiet ta’ assemblaġġ twettqu (kostijiet diretti tal-enerġija) u tal-metri kwadri tal-uffiċċji u tal-imħażen fejn kienu maħżuna l-partijiet tar-roti (kostijiet indiretti tal-enerġija);

(ii)

l-ammont irrapportat minn Rowerland bħala kera/lokazzjoni u elenkat bħala kost tal-manifattura indirett ġie emendat minħabba żball klerikali;

(iii)

l-ammont irrappurtat minn Rowerland bħala kostijiet indiretti tal-enerġija kien jinkludi l-kostijiet tal-enerġija għal bini mhux marbut mal-operazzjonijiet ta’ assemblaġġ tal-kumpanija. Għalhekk, dawn il-kostijiet ma ġewx ikkunsidrati mal-kostijiet tal-manifattura tar-roti;

(iv)

l-ammont irrapportat minn Rowerland taħt “kostijiet diretti oħra tal-manifattura” kien jinkludi kostijiet relatati mat-tiżbigħ tal-partijiet tar-roti mhux użati matul il-perjodu ta’ investigazzjoni. Għalhekk, dawn il-kostijiet ġew injorati wkoll mill-kostijiet tal-manifattura tar-roti magħquda matul il-perjodu ta’ investigazzjoni;

(v)

l-ammont irrapportat minn Rowerland bħala deprezzament kien jinkludi deprezzament għall-bini, għall-faċilitajiet u l-bini kollha tal-kumpanija. Il-kumpanija ma rrapportatx deprezzament għall-makkinarju peress li t-tagħmir limitat fil-pussess tal-kumpanija kien diġà ġie deprezzat. Billi d-deprezzament tal-bini kummerċjali (ħanut) u l-imħażen relatati ma kienx marbut ma’ operazzjonijiet ta’ assemblaġġ, dan tqies bħala spejjeż amministrattivi u mhux parti mill-kostijiet tal-manifattura.

(f)

wara l-kalkolu mill-ġdid, il-valur miżjud għall-partijiet miġjuba minn Rowerland matul l-operazzjoni ta’ assemblaġġ ammonta għal inqas minn 25 % tal-kost tal-manifattura.

(16)

B’riżultat ta’ dan, il-kumpanija ma kinitx tissodisfa l-kriterji għal eżenzjoni. B’mod partikolari, matul il-perjodu ta’ investigazzjoni Rowerland kienet taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 13(2) tar-Regolament bażiku.

(17)

Għal dawn ir-raġunijiet u skont l-Artikolu 7(3) tar-Regolament ta’ eżenzjoni, it-talba għal eżenzjoni għandha tiġi miċħuda u għandha titneħħa s-sospensjoni tal-ħlas tad-dazju estiż skont l-Artikolu 5 tal-istess Regolament.

(18)

Konsegwentement, id-dazju estiż għandu jinġabar b’mod retroattiv mid-data li fiha daħlet fis-seħħ is-sospensjoni, jiġifieri s-17 ta’ Ottubru 2019.

(19)

Fil-25 ta’ Jannar 2022, il-kumpanija ġiet infurmata bis-sejbiet ta’ hawn fuq li fuq il-bażi tagħhom il-Kummissjoni kellha l-ħsieb li tipproponi ċ-ċaħda tat-talba tagħha għal eżenzjoni, u ngħatat l-opportunità li tikkummenta. Il-kumpanija ngħatat ukoll l-opportunità ta’ smigħ, u sar smigħ mal-kumpanija.

(20)

Fil-kummenti tagħha wara d-divulgazzjoni, Rowerland ikkontestat ir-reviżjoni tal-kostijiet tagħha magħmula mill-Kummissjoni kif iddikjarat fil-premessa (15). B’mod partikolari, Rowerland sostniet li l-ammont ta’ deprezzament inkluż fil-kalkolu tal-valur miżjud għandu jinkludi wkoll l-ispejjeż ta’ deprezzament għal faċilitajiet addizzjonali bħall-pjazza pavimentata, is-sala tat-tinda u l-bini kummerċjali bil-maħżen, peress li dawn il-faċilitajiet kienu allegatament marbuta direttament ma’ operazzjonijiet ta’ assemblaġġ tar-roti u/jew kienu jikkostitwixxu parti integrali mill-faċilità sħiħa.

(21)

Bħala nota ġenerali, ta’ min jinnota li meta jiġi kkalkulat, skont l-Artikolu 13(2) tar-Regolament bażiku, jekk il-valur miżjud tal-parts li ntużaw matul l-operazzjoni ta’ assemblaġġ kienx ikbar minn 25 % tal-kost tal-manifattura, il-kostijiet inklużi fil-kalkolu tal-valur miżjud huma kostijiet imġarrba fil-proċess ta’ manifattura li jwasslu għal żieda fil-valur tal-prodott lest, minbarra l-ispejjeż tal-bidu (pereżempju l-kostijiet lavorattivi tal-manifattura, l-ispejjeż ġenerali, id-deprezzament tal-faċilitajiet tal-assemblaġġ, il-parts immanifatturati internament). Dawn il-kostijiet għandhom għalhekk jiġu speċifikament imġarrba fil-proċess tal-manifattura u tat-tlestija tar-roti. Il-kostijiet imġarrba mill-kumpanija li ma jistgħux ikunu marbuta mal-proċess tal-manifattura matul il-perjodu ta’ investigazzjoni mhumiex inklużi sabiex jiġi kkalkulat il-valur miżjud. Għalhekk, it-tipi l-oħra tal-ispejjeż tal-bejgħ, ġenerali u amministrattivi mhumiex inklużi fil-kalkolu tal-valur miżjud billi dawn il-kostijiet ma ġġarrbux mill-kumpanija fil-proċess tal-manifattura u ma jżidux il-valur miżjud tal-prodott.

(22)

Barra minn hekk, għandu jiġi mfakkar li, kif iddikjarat fil-premessa (15)(d), Rowerland ma mmanifatturatx partijiet tal-biċikletti, ħlief ir-roti tal-biċikletti. L-ispejjeż ta’ deprezzament irrapportati kienu primarjament għal diversi binjiet. L-investigazzjoni żvelat li minn April 2020 Rowerland kellha wkoll binja li kienet tintuża għall-bejgħ tar-roti. Id-deprezzament ta’ dan il-bini għalhekk ma kienx inkluż fil-kalkolu tal-valur miżjud. Madankollu, id-deprezzament tal-binjiet fejn saru l-operazzjonijiet ta’ assemblaġġ jew li kienu marbuta mal-operazzjonijiet ta’ assemblaġġ ġew inklużi fil-kalkolu tal-valur miżjud. Barra minn hekk, il-Kummissjoni inkludiet ukoll il-kera ta’ żewġ imħażen fejn kienu maħżuna l-partijiet tar-roti, peress li dawn il-kostijiet huma marbuta mal-proċess tal-manifattura. Fir-rigward tal-pjazza pavimentata u tat-tinda, ma ġietx ipprovduta biżżejjed evidenza li kien hemm rabta diretta mal-operazzjoni ta’ assemblaġġ. Fi kwalunkwe każ, l-impatt ta’ din il-kwistjoni huwa marġinali fil-prattika, peress li l-valur miżjud xorta jkun inqas minn 25 %. Għalhekk, l-affermazzjoni ġiet miċħuda.

(23)

Barra minn hekk, Rowerland ma qablitx mar-reviżjoni tal-kostijiet tal-elettriku mill-Kummissjoni skont il-premessi (15)(e)(i) u 15(e)(iii). Hija sostniet li l-koeffiċjent tal-allokazzjoni tagħha użat għall-elettriku ntgħażel minn awditur ċertifikat. Ma ġiet ippreżentata l-ebda evidenza f’dan ir-rigward. Għalhekk, l-affermazzjoni ġiet miċħuda.

(24)

Rowerland sostniet ukoll li l-ispejjeż marbuta mal-ilma pprovdut lill-impjegati u r-rimi tal-iskart għandhom jiġu inklużi fil-kalkolu tal-valur miżjud. Madankollu, dawn l-ispejjeż kienu tant baxxi li ma kellhom l-ebda impatt materjali fuq il-kalkolu tal-valur miżjud.

(25)

Finalment, Rowerland sostniet li matul iż-żjara ta’ verifika, hija għarrfet ħażin b’mod mhux intenzjonat lit-tim tal-każ tal-Kummissjoni dwar il-perjodu tal-użu ta’ ċerti partijiet tar-roti li kkawżaw kostijiet ta’ tiżbigħ. Hija sostniet li dawn il-parts intużaw għall-assemblaġġ tar-roti fil-perjodu ta’ investigazzjoni u għalhekk il-kostijiet taż-żebgħa għandhom jiġu inklużi fil-kalkolu tal-valur miżjud.

(26)

Il-Kummissjoni tinnota li ma ġiet ippreżentata l-ebda evidenza f’dan ir-rigward u li għalhekk l-argument ġie miċħud bħala mhux sostanzjat,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

It-talba għal eżenzjoni mid-dazju anti-dumping estiż ippreżentata mill-Parti elenkata fit-Tabella ta’ dan l-Artikolu b’dan qed tiġi miċħuda skont l-Artikolu 7(3) tar-Regolament (KE) Nru 88/97.

Il-Parti li għaliha għandha titneħħa s-sospensjoni

Kodiċi addizzjonali TARIC

Isem

Indirizz

Id-data tad-dħul fis-seħħ

C529

Rowerland Piotr Tokarz

ul. Klubowa 23,

PL-32-600 Broszkowice, il-Polonja

17.10.2019

Artikolu 2

Is-sospensjoni tal-pagament tad-dazju antidumping estiż skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 88/97 hija b’dan imneħħija għall-Parti elenkata fit-Tabella tal-Artikolu 1.

Id-dazju estiż jenħtieġ li jinġabar mid-data prevista fil-kolonna intitolata “Data tad-dħul fis-seħħ”.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri u lill-Parti elenkata fl-Artikolu 1 u ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-3 ta’ Marzu 2022.

Għall-Kummissjoni

Valdis DOMBROVSKIS

Viċi President Eżekuttiv


(1)   ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21.

(2)   ĠU L 16, 21.1.2020, p. 7.

(3)   ĠU L 17, 21.1.1997, p. 17.

(4)   ĠU L 16, 18.1.1997, p. 55.

(5)   ĠU C 45, 13.2.1997, p. 3, ĠU C 112, 10.4.1997, p. 9, ĠU C 220, 19.7.1997, p. 6, ĠU L 193, 22.7.1997, p. 32, ĠU L 334, 5.12.1997, p. 37, ĠU C 378, 13.12.1997, p. 2, ĠU C 217, 11.7.1998, p. 9, ĠU C 37, 11.2.1999, p. 3, ĠU C 186, 2.7.1999, p. 6, ĠU C 216, 28.7.2000, p. 8, ĠU C 170, 14.6.2001, p. 5, ĠU C 103, 30.4.2002, p. 2, ĠU C 35, 14.2.2003, p. 3, ĠU C 43, 22.2.2003, p. 5, ĠU C 54, 2.3.2004, p. 2, ĠU L 343, 19.11.2004, p. 23, ĠU C 299, 4.12.2004, p. 4, ĠU L 17, 21.1.2006, p. 16, ĠU L 313, 14.11.2006, p. 5, ĠU L 81, 20.3.2008, p. 73, ĠU C 310, 5.12.2008, p. 19, ĠU L 19, 23.1.2009, p. 62, ĠU L 314, 1.12.2009, p. 106, ĠU L 136, 24.5.2011, p. 99, ĠU L 343, 23.12.2011, p. 86, ĠU L 119, 23.4.2014, p. 67, ĠU L 132, 29.5.2015, p. 32, ĠU L 331, 17.12.2015, p. 30, ĠU L 47, 24.2.2017, p. 13, ĠU L 79, 22.3.2018, p. 31, ĠU L 171, 26.6.2019, p. 117, ĠU L 138, 30.4.2020, p. 8, ĠU L 158, 20.5.2020, p. 7, ĠU L 325, 7.10.2020, p. 74, ĠU L 140, 23.4.2021, p. 1.

(6)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/659 tal-15 ta’ April 2021 dwar l-eżenzjonijiet mid-dazju anti-dumping estiż fuq ċerti partijiet tar-rota li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina skont ir-Regolament (KE) Nru 88/97 (ĠU L 140, 23.4.2021, p. 1).