4.3.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 71/1


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2022/382

tal-4 ta’ Marzu 2022

li tistabbilixxi l-eżistenza ta' influss bil-massa ta' persuni spostati mill-Ukrajna skont it-tifsira tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/55/KE, u li għandha l-effett li tintroduċi protezzjoni temporanja

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2001/55/KE tal-20 ta' Lulju 2001 dwar l-istandards minimi sabiex tingħata protezzjoni temporanja fl-eventwalità ta' influss bil-massa ta' persuni spostati u dwar il-miżuri li jippromwovu bilanċ fl-isforzi bejn l-Istati Membri meta jirċievu dawn il-persuni u li jġorru l-konsegwenzi ta' dawn (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 5 tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Fl-24 ta' Frar 2022, il-forzi armati Russi nedew invażjoni fuq skala kbira tal-Ukrajna f'diversi postijiet mill-Federazzjoni Russa, mill-Belarussja u minn żoni mhux ikkontrollati mill-gvern tal-Ukrajna.

(2)

B'riżultat ta' dan, żoni sostanzjali tat-territorju Ukren issa jikkostitwixxu żoni ta' kunflitt armat li minnhom ħarbu jew qed jaħarbu eluf ta' persuni.

(3)

Wara l-invażjoni, li għandha l-għan li ddgħajjef is-sigurtà u l-istabbiltà Ewropea u globali, il-Kunsill Ewropew, fil-konklużjonijiet tiegħu tal-24 ta' Frar 2022, ikkundanna l-aggressjoni militari mhux provokata u mhux ġustifikata tar-Russja kontra l-Ukrajna bl-aktar mod qawwi possibbli, filwaqt li ssottolinja l-ksur gravi tad-dritt internazzjonali u tal-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti. Il-Kunsill Ewropew talab lir-Russja tirrispetta b'mod sħiħ l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna fi ħdan il-fruntieri rikonoxxuti internazzjonalment tagħha, li jinkludi d-dritt tal-Ukrajna li tagħżel id-destin propju tagħha. Il-Kunsill Ewropew ikkonferma wkoll li l-gvern Russu għandu responsabbiltà sħiħa għall-att ta' aggressjoni tiegħu, li qed jikkawża tbatija umana u telf ta' ħajjiet, u li ser jinżamm responsabbli għall-azzjonijiet tiegħu. B'solidarjetà mal-Ukrajna, il-Kunsill Ewropew qabel dwar aktar sanzjonijiet, appella biex titmexxa 'l quddiem il-ħidma dwar it-tħejjija fil-livelli kollha, u stieden lill-Kummissjoni biex tressaq miżuri ta' kontinġenza.

(4)

L-Unjoni wriet, u ser tkompli turi, l-appoġġ determinat tagħha għall-Ukrajna u għaċ-ċittadini tagħha, quddiem att ta' aggressjoni mingħajr preċedent mill-Federazzjoni Russa. Din id-Deċiżjoni tifforma parti mir-rispons tal-Unjoni għall-pressjoni migratorja li tirriżulta mill-invażjoni militari Russa fl-Ukrajna.

(5)

Il-kunflitt diġà għandu implikazzjonijiet għall-Unjoni, inkluż il-probabbiltà ta' pressjoni migratorja għolja fuq il-fruntieri tal-Lvant tagħha hekk kif jiżvolġi l-kunflitt. Mill-1 ta' Marzu 2022, aktar minn 650 000 persuna spostata kienu waslu fl-Unjoni mill-Ukrajna mill-Polonja, is-Slovakkja, l-Ungerija u r-Rumanija. Dawn in-numri mistennija jiżdiedu.

(6)

L-Ukrajna hija elenkata fl-Anness II għar-Regolament (UE) 2018/1806 (2), u n-nazzjonali tal-Ukrajna huma eżentati mir-rekwiżit li jkunu fil-pussess ta' viża meta jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri għal soġġorni ta' mhux aktar minn 90 jum fi kwalunkwe perijodu ta' 180 jum. Fuq il-bażi tal-esperjenza miksuba minn wara l-annessjoni illegali Russa tal-2014 tar-Repubblika Awtonoma tal-Krimea u l-belt ta' Sevastopol u mill-gwerra fil-Lvant tal-Ukrajna, huwa mistenni li nofs l-Ukreni li jiġu fl-Unjoni, li jibbenefikaw minn vjaġġar mingħajr viża għal żjarat qosra, ser jingħaqdu mal-membri tal-familja jew ifittxu impjieg fl-Unjoni, filwaqt li n-nofs l-ieħor ser jitolbu protezzjoni internazzjonali. Skont kif jevolvi l-kunflitt, abbażi tal-istimi attwali, l-Unjoni x'aktarx li tkun iffaċċjata b'għadd kbir ħafna ta' persuni spostati, potenzjalment bejn 2,5 miljun u 6,5 miljun bħala konsegwenza tal-kunflitt armat, li minnhom huwa mistenni li bejn 1,2 u 3,2 miljun persuna jkunu persuni li qed ifittxu protezzjoni internazzjonali. Il-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) għar-Refuġjati jistma li, fl-agħar xenarju possibbli, sa 4 miljun persuna jistgħu potenzjalment jaħarbu mill-Ukrajna.

(7)

Dawk iċ-ċifri juru li l-Unjoni x'aktarx tiġi ffaċċjata b'sitwazzjoni kkaratterizzata minn influss massiv ta' persuni spostati mill-Ukrajna li ma jkunux jistgħu jirritornaw lejn il-pajjiż jew ir-reġjun ta' oriġini tagħhom minħabba aggressjoni militari Russa. L-iskala tal-influss x'aktarx tkun tali li jkun hemm ukoll riskju ċar li s-sistemi tal-ażil tal-Istati Membri ma jkunux jistgħu jipproċessaw il-wasliet mingħajr effetti negattivi fuq l-operat effiċjenti tagħhom u fuq l-interessi tal-persuni kkonċernati u fuq dawk ta' persuni oħra li jitolbu l-protezzjoni.

(8)

In-NU nediet Appell Umanitarju Flash għal ħtiġijiet ta' protezzjoni u assistenza fl-Ukrajna, u Pjan ta' Rispons Reġjonali għar-Refuġjati għall-Ukrajna li jipprovdi dettalji dwar l-għadd ta' persuni fil-bżonn u dawk li għandhom ikunu fil-mira tal-assistenza.

(9)

Il-Kummissarju Għoli tan-NU għar-Refuġjati laqa' l-appoġġ espress minn ħafna Stati Membri biex tiġi attivata l-protezzjoni temporanja prevista bid-Direttiva 2001/55/KE sabiex tippermetti rifuġju immedjat u temporanju fl-Unjoni, u biex tiffaċilita l-kondiviżjoni tar-responsabbiltà għan-nies li jaħarbu mill-Ukrajna fost l-Istati Membri.

(10)

Bħala reazzjoni għal din is-sitwazzjoni, jenħtieġ li jiġi stabbilit li hemm influss bil-massa ta' persuni spostati skont it-tifsira tad-Direttiva 2001/55/KE, sabiex tiġi pprovduta protezzjoni temporanja għalihom.

(11)

L-għan ta' din id-Deċiżjoni huwa li tintroduċi protezzjoni temporanja għan-nazzjonali Ukreni residenti fl-Ukrajna li ġew spostati fl-24 ta' Frar 2022 jew wara bħala riżultat tal-invażjoni militari mill-forzi armati Russi li bdiet f'dik id-data. Jenħtieġ li tiġi introdotta wkoll protezzjoni temporanja għal nazzjonali ta' pajjiżi terzi minbarra l-Ukrajna, li ġew spostati mill-Ukrajna fl-24 ta' Frar 2022 jew wara, u li kienu qed jibbenefikaw fl-Ukrajna minn status ta' refuġjati jew protezzjoni ekwivalenti qabel l-24 ta' Frar 2022. Barra minn hekk, huwa importanti li tiġi ppreservata l-unità tal-familji u li jiġu evitati status diverġenti fost il-membri tal-istess familja. Għaldaqstant, huwa neċessarju li tiġi introdotta wkoll protezzjoni temporanja għall-membri tal-familja ta' dawk il-persuni, fejn il-familji tagħhom kienu diġà fl-Ukrajna, u li jirrisjedu hemm, fiż-żmien taċ-ċirkostanzi madwar l-influss bil-massa ta' persuni spostati.

(12)

Huwa wkoll xieraq li tiġi pprovduta l-protezzjoni ta' persuni apolidi, u nazzjonali ta' pajjiżi terzi minbarra l-Ukrajna, li jistgħu jagħtu prova li kienu legalment residenti fl-Ukrajna qabel l-24 ta' Frar 2022 abbażi ta' permess ta' residenza permanenti validu maħruġ skont il-liġi tal-Ukrajna, u li ma jistgħux jirritornaw f'kundizzjonijiet sikuri u dejjiema lejn il-pajjiż jew ir-reġjun ta' oriġini tagħhom. Din il-protezzjoni għandha tieħu l-forma jew tal-applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni għalihom, jew ta' protezzjoni adegwata oħra skont il-liġi nazzjonali, li għandha tiġi deċiża minn kull Stat Membru. Dawk li jfittxu li jibbenefikaw mill-protezzjoni jenħtieġ li jkunu jistgħu jagħtu prova li jissodisfaw dawn il-kriterji ta' eliġibbiltà billi jippreżentaw id-dokumenti rilevanti lill-awtoritajiet kompetenti fl-Istat Membru kkonċernat. Jekk ma jkunux jistgħu jippreżentaw id-dokumenti rilevanti, jenħtieġ li l-Istati Membri jidderiġuhom mill-ġdid lejn il-proċedura xierqa.

(13)

F'konformità mad-Direttiva 2001/55/KE, l-Istati Membri jistgħu jestendu l-protezzjoni temporanja lil dawk l-oħra kollha li huma persuni apolidi jew nazzjonali ta’ pajjiżi terzi li mhumiex Ukreni li jirrisjedu legalment fl-Ukrajna li ma jistgħux jirritornaw f'kundizzjonijiet sikuri u dejjiema lejn il-pajjiż jew ir-reġjun ta' oriġini tagħhom. Tali persuni jistgħu jinkludu nazzjonali ta' pajjiżi terzi li kienu qed jistudjaw jew jaħdmu fl-Ukrajna fuq bażi ta' żmien qasir fiż-żmien tal-avvenimenti li wasslu għall-influss bil-massa ta’ persuni spostati. Jenħtieġ li fi kwalunkwe każ tali persuni jiġu ammessi fl-Unjoni għal raġunijiet umanitarji mingħajr ma jirrikjedu, b'mod partikolari, il-pussess ta' viża valida jew mezzi suffiċjenti ta' sussistenza jew dokumenti tal-ivvjaġġar validi, biex jiġi żgurat passaġġ sikur bil-ħsieb li jirritornaw lejn il-pajjiż jew ir-reġjun ta' oriġini tagħhom.

(14)

L-Istati Membri jistgħu wkoll jestendu l-protezzjoni temporanja għal kategoriji addizzjonali ta' persuni spostati lil hinn minn dawk li għalihom tapplika din id-Deċiżjoni, fejn dawk il-persuni jiġu spostati għall-istess raġunijiet u mill-istess pajjiż jew reġjun ta' oriġini kif imsemmi f'din id-Deċiżjoni. F'dak il-każ, jenħtieġ li l-Istati Membri jinnotifikaw lill-Kunsill u lill-Kummissjoni minnufih. F'dan il-kuntest, jenħtieġ li l-Istati Membri jiġu mħeġġa jikkunsidraw li jestendu l-protezzjoni temporanja għal dawk il-persuni li ħarbu mill-Ukrajna mhux ħafna qabel l-24 ta' Frar 2022 hekk kif żdiedu t-tensjonijiet jew li sabu ruħhom fit-territorju tal-Unjoni (eż. f'vaganzi jew għal raġunijiet ta' xogħol) eżatt qabel dik id-data u li, bħala riżultat tal-kunflitt armat, ma jistgħux jirritornaw lejn l-Ukrajna.

(15)

Ta' min jinnota li l-Istati Membri qablu f'dikjarazzjoni li mhumiex ser japplikaw l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2001/55/KE.

(16)

Il-protezzjoni temporanja hija l-iżjed strument xieraq fis-sitwazzjoni attwali. Minħabba s-sitwazzjoni straordinarja u eċċezzjonali, inkluż l-invażjoni militari tal-Ukrajna mill-Federazzjoni Russa u l-iskala tal-influss bil-massa ta’ persuni spostati, il-protezzjoni temporanja jenħtieġ li tippermettilhom igawdu drittijiet armonizzati madwar l-Unjoni li joffru livell adegwat ta' protezzjoni. L-introduzzjoni tal-protezzjoni temporanja mistennija tkun ta' benefiċċju wkoll għall-Istati Membri, peress li d-drittijiet li jakkumpanjaw il-protezzjoni temporanja jillimitaw il-ħtieġa għall-persuni spostati li jfittxu immedjatament protezzjoni internazzjonali u b'hekk ir-riskju li jisbqu s-sistemi tal-ażil tagħhom, billi dawn inaqqsu l-formalitajiet għall-minimu minħabba l-urġenza tas-sitwazzjoni. Barra minn hekk, in-nazzjonali Ukreni, bħala vjaġġaturi mingħajr viża, għandhom id-dritt li jiċċaqilqu liberament fl-Unjoni wara li jiddaħħlu fit-territorju għal perijodu ta' 90 jum. Fuq din il-bażi huma jistgħu jagħżlu l-Istat Membru li fih iridu jgawdu d-drittijiet marbuta mal-protezzjoni temporanja u jingħaqdu mal-familja u l-ħbieb tagħhom fin-networks sinifikanti tad-dijaspora li jeżistu bħalissa madwar l-Unjoni. Fil-prattika dan ser jiffaċilita l-bilanċ tal-isforzi bejn l-Istati Membri, u b'hekk titnaqqas il-pressjoni fuq sistemi ta' akkoljenza nazzjonali. Ladarba Stat Membru jkun ħareġ permess ta' residenza f'konformità mad-Direttiva 2001/55/KE, il-persuna li tgawdi minn protezzjoni temporanja, filwaqt li jkollha d-dritt li tivvjaġġa fl-Unjoni għal 90 jum fi żmien perijodu ta' 180 jum, jenħtieġ li tkun tista' tagħmel użu mid-drittijiet derivati mill-protezzjoni temporanja unikament fl-Istat Membru li jkun ħareġ il-permess ta' residenza. Dan jenħtieġ li jkun mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li Stat Membru jiddeċiedi li joħroġ, fi kwalunkwe ħin, permess ta' residenza lil persuni li jgawdu minn protezzjoni temporanja skont din id-Deċiżjoni.

(17)

Din id-Deċiżjoni hija kompatibbli ma' skemi nazzjonali ta' protezzjoni temporanja, u tista' tiġi applikata f'komplementarjetà magħhom, li jistgħu jitqiesu bħala li jimplimentaw id-Direttiva 2001/55/KE. Jekk l-Istat Membru jkollu skema nazzjonali li tkun aktar favorevoli mill-arranġamenti stipulati fid-Direttiva 2001/55/KE, l-Istat Membru jenħtieġ li jkun jista' jkompli japplikaha, peress li dik id-Direttiva tipprevedi li l-Istati Membri jistgħu jadottaw jew iżommu kundizzjonijiet aktar favorevoli għal persuni koperti minn protezzjoni temporanja. Madankollu, jekk l-iskema nazzjonali tkun anqas favorevoli, l-Istat Membru jenħtieġ li jiżgura d-drittijiet addizzjonali previsti fid-Direttiva 2001/55/KE.

(18)

Id-Direttiva 2001/55/KE tieħu kont debitu tar-responsabbiltajiet li jaqgħu fuq l-Istati Membri fir-rigward taż-żamma tal-ordni pubbliku u s-salvagwardja tas-sigurtà interna, peress li din tippermetti lill-Istati Membri jeskludu persuna spostata mill-protezzjoni temporanja fejn ikun hemm raġunijiet serji biex jitqies li l-persuna: wettqet delitt kontra l-paċi, delitt tal-gwerra, jew delitt kontra l-umanità, kif definit fl-istrumenti internazzjonali mfassla biex jagħmlu dispożizzjoni fir-rigward ta' tali delitti; li l-persuna tkun wettqet delitt serju mhux politiku barra mill-Istat Membru tal-lqugħ qabel l-ammissjoni tagħha f'dan l-Istat Membru bħala persuna li tgawdi l-protezzjoni temporanja; jew li tkun instabet ħatja ta' atti kuntrarji għall-għanijiet u l-prinċipji tan-NU. Id-Direttiva tippermetti wkoll li l-Istati Membri jeskludu persuna spostata mill-protezzjoni temporanja meta jkun hemm raġunijiet raġonevoli biex din il-persuna titqies bħala periklu għas-sigurtà tal-Istat Membru ospitanti jew periklu għall-komunità tal-Istat Membru ospitanti.

(19)

Meta jipprovdu protezzjoni temporanja, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-ipproċessar tad-data personali tal-persuni li jgawdu minn protezzjoni temporanja jirrispetta r-rekwiżiti stabbiliti fl-acquis tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data, b'mod partikolari r-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3).

(20)

Din id-Deċiżjoni jenħtieġ li tippermetti lill-Unjoni tikkoordina u tissorvelja mill-qrib il-kapaċità ta' akkoljenza fl-Istati Membri sabiex tieħu azzjoni u tipprovdi appoġġ addizzjonali kif meħtieġ. Id-Direttiva 2001/55/KE tirrikjedi li l-Istati Membri, flimkien mal-Kummissjoni, jikkooperaw u jiskambjaw informazzjoni biex jiffaċilitaw l-implimentazzjoni tal-protezzjoni temporanja. Dak jenħtieġ li jsir permezz ta' "Pjattaforma ta' Solidarjetà" fejn l-Istati Membri jiskambjaw informazzjoni dwar il-kapaċitajiet ta' akkoljenza tagħhom u l-għadd ta' persuni li jgawdu minn protezzjoni temporanja fit-territorji tagħhom. S'issa, abbażi tal-informazzjoni rrappurtata minn ftit Stati Membri fil-kuntest tan-Network għat-Tħejjija għall-Migrazzjoni u għall-Ġestjoni tal-Kriżijiet tal-Migrazzjoni tal-UE, il-kapaċitajiet ta' akkoljenza, minbarra l-kapaċità ta' assorbiment tad-dijaspora Ukrena li tirrisjedi fl-Unjoni, jeċċedu t-310 000 post. Għall-fini ta' dak l-iskambju ta' informazzjoni, il-Kummissjoni jenħtieġ li tieħu rwol ta' koordinazzjoni. Barra minn hekk, f'dawn l-aħħar snin, ġew stabbiliti diversi pjattaformi bil-għan li tiġi żgurata l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri, li minnhom in-Network għat-Tħejjija għall-Migrazzjoni u għall-Ġestjoni tal-Kriżijiet tal-Migrazzjoni tal-UE (f'konformità mar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1366 (4)) huwa l-aktar network xieraq għall-kooperazzjoni amministrattiva prevista fid-Direttiva 2001/55/KE. Jenħtieġ ukoll li l-Istati Membri jikkontribwixxu għal għarfien tas-sitwazzjoni komuni tal-Unjoni permezz tal-kondiviżjoni ta' informazzjoni rilevanti permezz tal-arranġamenti integrati għal rispons politiku f'sitwazzjonijiet ta' kriżi (IPCR) (5). Jenħtieġ li s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna jiġi kkonsultat fejn rilevanti. F'dan il-kuntest, jenħtieġ ukoll li l-Istati Membri jaħdmu mill-qrib mal-Kummissarju Għoli tan-NU għar-Refuġjati.

(21)

F’konformità mad-Direttiva 2001/55/KE, it-tul ta' żmien tal-protezzjoni temporanja jenħtieġ li jkun għal perijodu inizjali ta' sena. Sakemm ma jintemmx skont it-termini tal-Artikolu 6(1), il-punt (b), ta' dik id-Direttiva, dak il-perijodu jista' jiġi estiż awtomatikament b'perijodi taż-żmien ta' sitt xhur għall-massimu ta' sena. Il-Kummissjoni ser iżżomm is-sitwazzjoni taħt monitoraġġ u rieżami kostanti. Fi kwalunkwe ħin, hija tista' tipproponi lill-Kunsill biex itemm il-protezzjoni temporanja, ibbażata fuq il-fatt li s-sitwazzjoni fl-Ukrajna tkun tali li tippermetti r-ritorn sikur u dejjiemi ta' dawk li ngħataw protezzjoni temporanja, jew tipproponi li l-Kunsill jestendi l-protezzjoni temporanja sa sena.

(22)

Għall-fini tal-Artikolu 24 tad-Direttiva 2001/55/KE, ir-referenza għall-Fond Ewropew għar-Refuġjati stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/596/KE (6) jenħtieġ li tinqara bħala referenza għall-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/1147 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7). L-isforzi kollha tal-Istati Membri biex jikkonformaw mal-obbligi li jirriżultaw minn din id-Deċiżjoni ser jiġu appoġġati finanzjarjament mill-Fondi tal-Unjoni. Il-mekkaniżmi ta' emerġenza u ta' flessibbiltà fi ħdan il-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2021-2027 jistgħu wkoll jimmobilizzaw fondi biex jindirizzaw ħtiġijiet speċifiċi ta' emerġenza fl-Istati Membri. Barra minn hekk, il-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili (8) ġie attivat (9). Permezz ta' dak il-Mekkaniżmu, l-Istati Membri jistgħu jitolbu oġġetti kruċjali biex jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-persuni spostati mill-Ukrajna preżenti fit-territorju tagħhom u jistgħu jibbenefikaw minn kofinanzjament għat-twassil ta' tali assistenza.

(23)

Mill-adozzjoni tad-Direttiva 2001/55/KE, ġew stabbiliti diversi aġenziji tal-Unjoni, jew issaħħu l-mandati ta' dawk stabbiliti qabel dan. F'dak il-kuntest, il-Kummissjoni jenħtieġ li tikkoopera mal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex), l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ażil, u l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol), bil-ħsieb li s-sitwazzjoni tinżamm taħt monitoraġġ u rieżami kostanti. Barra minn hekk, il-Frontex, l-Aġenzija Ewropea għall-Ażil (EUAA) u l-Europol jenħtieġ li jipprovdu appoġġ operazzjonali lill-Istati Membri li talbu l-assistenza biex jgħinuhom ilaħħqu mas-sitwazzjoni, inkluż għall-finijiet tal-applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni.

(24)

Din id-Deċiżjoni tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tħares il-prinċipji rikonoxxuti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

(25)

L-Irlanda hija marbuta bid-Direttiva 2001/55/KE u għalhekk qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni.

(26)

F'konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew suġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

(27)

Fid-dawl tal-urġenza tas-sitwazzjoni, din id-Deċiżjoni jenħtieġ li tidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Suġġett

L-eżistenza ta' influss bil-massa fl-Unjoni ta' persuni spostati li kellhom jitilqu mill-Ukrajna minħabba kunflitt armat hija b'dan stabbilita.

Artikolu 2

Il-persuni li għalihom tapplika l-protezzjoni temporanja

1.   Din id-Deċiżjoni tapplika għall-kategoriji li ġejjin ta' persuni spostati mill-Ukrajna fl-24 ta' Frar 2022 jew wara din id-data, b'riżultat tal-invażjoni militari mill-forzi armati Russi li bdiet f'dik id-data:

(a)

nazzjonali Ukreni residenti fl-Ukrajna qabel l-24 ta' Frar 2022;

(b)

persuni apolidi, u nazzjonali ta' pajjiżi terzi għajr l-Ukrajna, li bbenefikaw minn protezzjoni internazzjonali jew protezzjoni nazzjonali ekwivalenti fl-Ukrajna qabel l-24 ta' Frar 2022; u

(c)

membri tal-familja tal-persuni msemmija fil-punti (a) u (b).

2.   L-Istati Membri għandhom japplikaw jew din id-Deċiżjoni jew protezzjoni adegwata taħt il-liġi nazzjonali tagħhom, fir-rigward ta' persuni apolidi, u nazzjonali ta' pajjiżi terzi għajr l-Ukrajna, li jistgħu jippruvaw li kienu legalment residenti fl-Ukrajna qabel l-24 ta' Frar 2022 abbażi ta' permess ta' residenza permanenti validu maħruġ skont il-liġi tal-Ukrajna, u li ma jistgħux jirritornaw f'kundizzjonijiet sikuri u dejjiema lejn il-pajjiż jew ir-reġjun ta' oriġini tagħhom.

3.   F’konformità mal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2001/55/KE, l-Istati Membri jistgħu japplikaw ukoll din id-Deċiżjoni għal persuni oħra, inklużi persuni apolidi u nazzjonali ta' pajjiżi terzi għajr l-Ukrajna, li kienu jirrisjedu legalment fl-Ukrajna u li ma jistgħux jirritornaw f'kundizzjonijiet sikuri u dejjiema lejn il-pajjiż jew ir-reġjun ta' oriġini tagħhom.

4.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, il-punt (c), il-persuni li ġejjin għandhom jitqiesu bħala parti minn familja, sa fejn il-familja kienet diġà preżenti u residenti fl-Ukrajna qabel l-24 ta' Frar 2022:

(a)

il-konjuġi ta' persuna msemmija fil-paragrafu 1, il-punt (a) jew (b), jew is-sieħeb mhux miżżewweġ f'relazzjoni stabbli, meta l-leġiżlazzjoni jew il-prattika tal-Istat Membru kkonċernat jittrattaw koppji mhux miżżewġa f'manjiera paragunabbli mal-koppji miżżewġa skont il-liġi nazzjonali tiegħu li tirrigwarda l-barranin;

(b)

it-tfal minuri mhux miżżewġin ta' persuna msemmija fil-paragrafu 1, il-punt (a) jew (b), jew tal-konjuġi tagħha, mingħajr distinzjoni dwar jekk twieldux fiż-żwieġ jew barra miż-żwieġ jew adottati;

(c)

qraba qrib oħra li għexu flimkien bħala parti mill-unità tal-familja fiż-żmien taċ-ċirkostanzi madwar l-influss bil-massa ta’ persuni spostati, u li kienu dipendenti għal kollox jew prinċipalment fuq persuna msemmija fil-paragrafu 1, il-punt (a) jew (b) f'dak iż-żmien.

Artikolu 3

Kooperazzjoni u monitoraġġ

1.   Għall-finijiet tal-Artikolu 27 tad-Direttiva 2001/55/KE, l-Istati Membri għandhom jużaw in-Network għat-Tħejjija għall-Migrazzjoni u għall-Ġestjoni tal-Kriżijiet tal-Migrazzjoni, f'konformità mar-Rakkomandazzjoni (UE) 2020/1366. L-Istati Membri għandhom ukoll jikkontribwixxu għal għarfien tas-sitwazzjoni komuni tal-Unjoni billi jikkondividu informazzjoni rilevanti permezz tal-arranġamenti integrati għal rispons politiku f'sitwazzjonijiet ta' kriżi (IPCR).

2.   Il-Kummissjoni għandha tikkoordina l-kooperazzjoni u l-iskambju ta' informazzjoni fost l-Istati Membri, b'mod partikolari fir-rigward tal-monitoraġġ tal-kapaċitajiet ta' akkoljenza f'kull Stat Membru u l-identifikazzjoni ta' kwalunkwe ħtieġa għal appoġġ addizzjonali.

Għal dak il-għan, il-Kummissjoni, f'kooperazzjoni mal-Istati Membri, l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex), l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ażil (EUAA) u l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) għandha żżomm is-sitwazzjoni taħt monitoraġġ u rieżami kostanti, filwaqt li tagħmel użu min-Network għat-Tħejjija għall-Migrazzjoni u għall-Ġestjoni tal-Kriżijiet tal-Migrazzjoni tal-UE.

Barra minn hekk, il-Frontex, l-EUAA u l-Europol għandhom jipprovdu appoġġ operazzjonali lill-Istati Membri li jkunu talbu l-assistenza tagħhom biex ilaħħqu mas-sitwazzjoni, inkluż għall-finijiet tal-applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 4

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-istess jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, l-4 ta’ Marzu 2022.

Għall-Kunsill

Il-President

J. BORRELL FONTELLES


(1)   ĠU L 212, 7.8.2001, p. 12.

(2)  Ir-Regolament (UE) 2018/1806 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Novembru 2018 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżenti minn dik il-ħtieġa (ĠU L 303, 28.11.2018, p. 39).

(3)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

(4)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1366 tat-23 ta' Settembru 2020 dwar mekkaniżmu tal-UE għat-Tħejjija u għall-Ġestjoni tal-Kriżijiet b'rabta mal-Migrazzjoni (ĠU L 317, 1.10.2020, p. 26).

(5)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1993 tal-11 ta' Diċembru 2018 dwar l-Arranġamenti Integrati tal-UE għal Rispons Politiku f'Sitwazzjonijiet ta' Kriżi (ĠU L 320, 17.12.2018, p. 28).

(6)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/596/KE tat-28 ta' Settembru 2000 li twaqqaf il-Fond Ewropew għar-Refuġjati (ĠU L 252, 6.10.2000, p. 12).

(7)  Ir-Regolament (UE) 2021/1147 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Lulju 2021 li jistabbilixxi l-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni (ĠU L 251, 15.7.2021, p. 1).

(8)  Ir-Regolament (UE) 2021/836 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Mejju 2021 li jemenda d-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE dwar Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili (ĠU L 185, 26.5.2021, p. 1).

(9)  Mit-28 ta' Frar 2022 mis-Slovakkja.