23.2.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

LI 42/109


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2022/266

tat-23 ta’Frar 2022

dwar miżuri restrittivi b'reazzjoni għar-rikonoxximent taż-żoni mhux ikkontrollati mill-gvern tal-oblasts tal-Ukrajna ta’ Donetsk u Luhansk u d-deċiżjoni li jintbagħtu l-forzi armati Russi f’ dawk iż-żoni

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

L-Unjoni Ewropea tibqa' soda fl-appoġġ tagħha għas-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukrajna.

(2)

Fil-konklużjonijiet tiegħu tal-24 u l-25 ta' Ġunju 2021, il-Kunsill Ewropew appella lir-Russja biex tassumi bis-sħiħ ir-responsabbiltà tagħha fl-iżgurar tal-implimentazzjoni sħiħa tal-Ftehimiet ta' Minsk bħala l-kondizzjoni ewlenija għal kwalunkwe bidla sostanzjali fil-pożizzjoni tal-Unjoni. Il-Kunsill Ewropew stieden ukoll lill-Kummissjoni u lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (ir-‘Rappreżentant Għoli’) biex jippreżentaw opzjonijiet għal miżuri restrittivi addizzjonali, inkluż sanzjonijiet ekonomiċi.

(3)

Fil-konklużjonijiet tiegħu tas-16 ta' Diċembru 2021, il-Kunsill Ewropew enfasizza l-ħtieġa urġenti li r-Russja tnaqqas it-tensjoni kkawżata miż-żieda fil-preżenza militari tul il-fruntiera tagħha mal-Ukrajna u r-retorika aggressiva tagħha. Huwa tenna l-appoġġ sħiħ tiegħu għas-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukrajna. Filwaqt li jinkoraġġixxi sforzi diplomatiċi u jappoġġa l-format tan-Normandija fil-kisba tal-implimentazzjoni sħiħa tal-Ftehimiet ta' Minsk, il-Kunsill Ewropew iddikjara li kwalunkwe aggressjoni militari ulterjuri kontra l-Ukrajna jkollha konsegwenzi enormi u gravi bħala rispons, inkluż miżuri restrittivi koordinati ma' sħab.

(4)

Fl-24 ta' Jannar 2022, il-Kunsill approva konklużjonijiet li fihom ikkundanna l-azzjonijiet aggressivi u t-theddid kontinwi tar-Russja kontra l-Ukrajna, u appella lir-Russja biex tnaqqas it-tensjoni, tirrispetta d-dritt internazzjonali u timpenja ruħha b'mod kostruttiv fi djalogu permezz tal-mekkaniżmi internazzjonali stabbiliti. Filwaqt li jfakkar fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-16 ta’ Diċembru 2021, il-Kunsill tenna li kwalunkwe aggressjoni militari ulterjuri mir-Russja kontra l-Ukrajna jkollha konsegwenzi enormi u kost kbir, inkluż firxa wiesgħa ta’ miżuri restrittivi settorjali u individwali li jiġu adottati f’koordinazzjoni mas-sħab.

(5)

Fil-21 ta’ Frar 2022, il-President tal-Federazzjoni Russa ffirma digriet li jirrikonoxxi l-indipendenza u s-sovranità tal-awtoproklamata "Repubblika tal-Poplu ta’ Donetsk" u tar-"Repubblika tal-Poplu ta’ Luhansk", u ordna li l-forzi armati Russi jiġu skjerati f’dawk iż-żoni.

(6)

Fit-22 ta' Frar 2022, ir-Rappreżentant Għoli ħareġ dikjarazzjoni f'isem l-Unjoni li tikkundanna d-deċiżjoni tal-President tal-Federazzjoni Russa li jirrikonoxxi ż-żoni mhux ikkontrollati mill-gvern tal-oblasts tal-Ukrajna ta’ Donetsk u Luhansk bħala entitajiet indipendenti u d-deċiżjoni sussegwenti li jintbagħtu truppi Russi f'dawk iż-żoni. Dak l-att illegali jkompli jdgħajjef is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna u huwa ksur serju tad-dritt internazzjonali u tal-ftehimiet internazzjonali, inkluż il-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, l-Att Finali ta' Ħelsinki, il-Karta ta' Pariġi u l-Memorandum ta' Budapest, kif ukoll tal-Ftehimiet ta' Minsk u tar-Riżoluzzjoni 2202 (2015) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU. Ir-Rappreżentant Għoli ħeġġeġ lir-Russja, bħala parti fil-konflitt, biex treġġa' lura r-rikonoxximent, tonora l-impenji tagħha, tirrispetta d-dritt internazzjonali u terġa' lura għad-diskussjonijiet fil-format tan-Normandija u l-Grupp ta' Kuntatt Trilaterali. Huwa ħabbar li l-Unjoni twieġeb għal dan l-aħħar ksur mir-Russja billi tadotta miżuri restrittivi addizzjonali b’urġenza.

(7)

F’dawn iċ-ċirkostanzi, il-Kunsill iqis li l-importazzjoni fl-Unjoni Ewropea ta’ merkanzija li toriġina fiż-żoni mhux ikkontrollati mill-gvern tal-oblasts ta’ Donetsk u Luhansk tal-Ukranja jenħtieġ li tkun ipprojbita, bl-eċċezzjoni ta’ merkanzija li tkun ingħatat ċertifikat ta’ oriġini mill-Gvern tal-Ukrajna.

(8)

Barra minn hekk, jenħtieġ li l-kummerċ f’merkanzija u teknoloġija għall-użu f’ċerti setturi fiż-żoni mhux ikkontrollati mill-gvern tal-Oblasts ta' Donetsk u Luhansk tal-Ukranja jkun ristrett. Jenħtieġ li jiġu pprojbiti servizzi fis-setturi tat-trasport, tat-telekomunikazzjoni, tal-enerġija jew tal-ipprospettar, l-esplorazzjoni għal żejt, gass u riżorsi minerali, u l-produzzjoni tagħhom, kif ukoll servizzi relatati ma’ attivitajiet turistiċi fiż-żoni mhux ikkontrollati mill-gvern tal-oblasts ta' Donetsk u Luhansk tal-Ukranja.

(9)

Azzjoni ulterjuri mill-Unjoni hija meħtieġa sabiex jiġu implimentati ċerti miżuri,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   L-importazzjoni ta' merkanzija li toriġina fiż-żoni mhux ikkontrollati mill-gvern tal-oblast ta' Donetsk fl-Ukranja jew fiż-żoni mhux ikkontrollati mill-gvern tal-oblast ta’ Luhansk fl-Ukranja għandha tkun ipprojbita.

2.   Għandu jkun ipprojbit il-forniment, dirett jew indirett, ta' finanzjament jew għajnuna finanzjarja, kif ukoll l-assigurazzjoni u r-riassigurazzjoni, relatati mal-importazzjoni ta' merkanzija li toriġina fiż-żoni mhux ikkontrollati mill-gvern tal-oblast ta' Donetsk jew fiż-żoni mhux ikkontrollati mill-gvern tal-oblast ta’ Luhansk.

Artikolu 2

Il-projbizzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 1 m'għandhomx japplikaw għall-merkanzija li toriġina fiż-żoni mhux ikkontrollati mill-gvern msemmija fl-Artikolu 1li kienet disponibbli għal eżami, u li tkun ġiet ikkontrollata mill-awtoritajiet tal-Ukrajna u li ngħatat ċertifikat ta' oriġini mill-Gvern tal-Ukrajna.

Artikolu 3

Il-projbizzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 1 għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għall-eżekuzzjoni sa l-24 ta' Mejju 2022 ta' kuntratti konklużi qabel it-23 ta' Frar 2022 jew ta’ kuntratti anċillari meħtieġa għall-eżekuzzjoni ta' tali kuntratti, li għandhom jiġu konklużi u eżegwiti mhux aktar tard minn l-24 ta' Mejju 2022.

Artikolu 4

Il-parteċipazzjoni, konxjament u bi ħsieb, f'attivitajiet li għandhom l-għan jew l-effett li jevitaw il-projbizzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 1 għandha tiġi pprojbita.

Artikolu 5

1.   Kwalunkwe minn dan li ġej għandu jiġi pprojbit:

(a)

l-akkwist ta’, jew l-estensjoni ta' parteċipazzjoni fi, proprjetà immobbli fiż-żoni mhux ikkontrollati mill-gvern imsemmija fl-Artikolu 1;

(b)

l-akkwist ta’, jew l-estensjoni ta' parteċipazzjoni fi, entitajiet fiż-żoni mhux ikkontrollati mill-gvern imsemmija fl-Artikolu 1, inkluż l-akkwist b'mod sħiħ ta' tali entitajiet u l-akkwist ta' ishma fihom, u l-akkwist ta' titoli oħrajn ta' natura parteċipattiva;

(c)

l-għoti ta' kwalunkwe finanzjament lil entitajiet fiż-żoni mhux ikkontrollati mill-gvern imsemmija fl-Artikolu 1, jew għall-iskop dokumentat tal-finanzjament ta' tali entitajiet;

(d)

il-ħolqien ta' kwalunkwe intrapriża konġunta ma' entitajiet fiż-żoni mhux ikkontrollati mill-gvern imsemmija fl-Artikolu 1; u,

(e)

il-forniment ta' servizzi ta' investiment direttament relatati mal-attivitajiet imsemmija fil-punti (a) sa (d) ta’ dan il-paragrafu.

2.   Il-projbizzjonijiet fil-paragrafu 1:

(a)

għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għall-eżekuzzjoni ta' obbligu minn kuntratti konklużi qabel it-23 ta' Frar 2022; u,

(b)

ma għandhomx jostakolaw l-estensjoni ta' parteċipazzjoni, jekk tali estensjoni tkun obbligu taħt kuntratt konkluż qabel l-24 ta' Frar 2022.

3.   Għandha tiġi pprojbita l-parteċipazzjoni, konxjament jew bi ħsieb, f'attivitajiet li l-għan jew l-effett tagħhom ikun li jevitaw il-projbizzjonijiet imsemmijin fil-paragrafu 1.

4.   Il-projbizzjonijiet u r-restrizzjonijiet li jinsabu f'dan l-Artikolu ma għandhomx japplikaw għall-eżerċizzju ta' kummerċ leġittimu ma' entitajiet barra miż-żoni mhux ikkontrollati mill-gvern imsemmija fl-Artikolu 1, dment li l-investimenti relatati ma jkunux destinati għal entitajiet fiż-żoni mhux ikkontrollati mill-gvern imsemmija fl-Artikolu 1.

Artikolu 6

1.   Għandhom jiġu pprojbiti l-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment, jew l-esportazzjoni ta' merkanzija jew teknoloġija minn ċittadini tal-Istati Membri, jew mit-territorji tal-Istati Membri, jew l-użu ta' bastimenti jew inġenji tal-ajru taħt il-ġurisdizzjoni tal-Istati Membri, kemm jekk joriġinaw fit-territorji tagħhom kif ukoll jekk le:

(a)

lejn kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika. Entità jew korp fiż-żoni mhux ikkontrollati mill-gvern imsemmija fl-Artikolu 1; jew,

(b)

għall-użu fiż-żoni mhux ikkontrollati mill-gvern imsemmija fl-Artikolu 1,

fi kwalunkwe mis-setturi li ġejjin:

(i)

trasport;

(ii)

telekomunikazzjoni;

(iii)

enerġija; u

(iv)

l-ipprospettar, l-esplorazzjoni għal żejt, gass u riżorsi minerali, u l-produzzjoni tagħhom.

2.   L-għoti ta':

(a)

assistenza jew taħriġ tekniku u servizzi oħra relatati mal-merkanzija u t-teknoloġija fis-setturi msemmija fil-paragrafu 1;

(b)

finanzjament jew assistenza finanzjarja għal kwalunkwe bejgħ, provvista, trasferiment jew esportazzjoni ta' merkanzija jew teknoloġija fis-setturi msemmija fil-paragrafu 1, jew għall-provvista ta' assistenza teknika jew taħriġ relatat,

għandu jkun ipprojbit.

3.   Għandha tiġi pprojbita l-parteċipazzjoni, konxjament jew bi ħsieb, f'attivitajiet li l-għan jew l-effett tagħhom ikun li jevitaw il-projbizzjonijiet imsemmijin fil-paragrafi 1 u 2.

4.   L-Unjoni għandha tieħu l-miżuri meħtieġa sabiex tiddetermina l-oġġetti rilevanti li għandhom ikunu koperti b'dan l-Artikolu.

Artikolu 7

1.   Għandu jiġi pprojbit il-forniment ta' għajnuna teknika, jew servizzi ta' senserija, ta' kostruzzjoni jew ta' inġinerija li jkunu direttament relatati mal-infrastruttura fiż-żoni mhux ikkontrollati mill-gvern imsemmija fl-Artikolu 1fis-setturi msemmija fl-Artikolu 6(1), indipendentement mill-oriġini tal-merkanzija jew tat-teknoloġija.

2.   Il-projbizzjonijiet fil-paragrafu 1 għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għall-eżekuzzjoni, sa l-24 ta' Awwissu 2022 ta' kuntratti konklużi qabel it-23 ta' Frar 2022, jew kuntratti anċillari meħtieġa għall-eżekuzzjoni ta' tali kuntratti.

3.   Għandha tiġi pprojbita l-parteċipazzjoni, konxjament jew bi ħsieb, f'attivitajiet li l-għan jew l-effett tagħhom ikun li jevitaw il-projbizzjonijiet imsemmijin fil-paragrafi 1 u 2.

Artikolu 8

1.   L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jagħtu awtorizzazzjoni fir-rigward tal-attivitajiet imsemmija fl-Artikoli 5(1), 6(2) u 7(1), u fir-rigward tal-merkanzija u t-teknoloġija msemmija fl-Artikolu 6(1), dment li jkunu:

(a)

meħtieġa għal finijiet uffiċjali ta' missjonijiet konsulari jew organizzazzjonijiet internazzjonali li għandhom immunitajiet f'konformità mad-dritt internazzjonali li jkunu jinsabu fiż-żoni mhux ikkontrollati mill-gvern imsemmija fl-Artikolu 1; jew,

(b)

relatati ma' proġetti esklużivament b'appoġġ għal sptarijiet jew ċentri tas-saħħa pubblika oħrajn li jipprovdu servizzi mediċi jew faċilitajiet edukattivi ċivili li jinsabu fiż-żoni mhux ikkontrollati mill-gvern imsemmija fl-Artikolu 1, jew

(c)

apparat jew tagħmir għal użu mediku.'

2.   L-awtoritajiet kompetenti jistgħu wkoll jagħtu, taħt tali termini u kondizzjonijiet li huma jqisu xierqa, awtorizzazzjoni għal transazzjoni fir-rigward tal-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 5(1), dment li t-transazzjoni tkun għall-finijiet ta' manutenzjoni biex tiġi żgurata s-sikurezza ta' infrastruttura eżistenti.

3.   L-awtoritajiet kompetenti jistgħu wkoll jagħtu awtorizzazzjoni fir-rigward tal-merkanzija u t-teknoloġija msemmija fl-Artikolu 6(1) u fir-rigward tal-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 6(2) u fl-Artikolu 7, fejn il-bejgħ, il-provvista, it-trasferiment jew l-esportazzjoni tal-oġġetti jew l-eżerċizzju ta' dawk l-attivitajiet ikunu meħtieġa għall-prevenzjoni jew il-mitigazzjoni urġenti ta' avveniment li x'aktarx ikollu impatt serju u sinifikanti fuq is-saħħa u s-sikurezza tal-bniedem, inkluż is-sikurezza ta' infrastruttura eżistenti, jew fuq l-ambjent. F'każijiet ta' emerġenza debitament ġustifikati, il-bejgħ, il-provvista, it-trasferiment jew l-esportazzjoni tista' tipproċedi mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel dment li l-esportatur jinnotifika lill-awtorità kompetenti fi żmien ħamest ijiem ta' xogħol wara li jkun sar il-bejgħ, il-provvista, it-trasferiment jew l-esportazzjoni, u jipprovdi dettalji dwar il-ġustifikazzjoni rilevanti għall-bejgħ, il-provvista, it-trasferiment jew l-esportazzjoni mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel.

Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jinfurmaw lil xulxin dwar il-miżuri meħuda taħt dan il-paragrafu u jikkondividu kwalunkwe informazzjoni oħra rilevanti li jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom.

Artikolu 9

1.   Għandha tiġi pprojbita l-provvista ta' servizzi direttament relatati ma' attivitajiet turistiċi fiż-żoni mhux ikkontrollati mill-gvern imsemmija fl-Artikolu 1, minn ċittadini tal-Istati Membri, jew mit-territorji tal-Istati Membri, jew bl-użu ta' bastimenti jew inġenji tal-ajru taħt il-ġuriżdizzjoni tal-Istati Membri.

2.   Il-projbizzjonijiet li jinsabu fil-paragrafu 1 għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għall-eżekuzzjoni, sa l-24 ta' Awwissu 2022 ta' kuntratti konklużi qabel it-23 ta' Frar 2022, jew kuntratti anċillari meħtieġa għall-eżekuzzjoni ta' tali kuntratti.

3.   Għandha tiġi pprojbita l-parteċipazzjoni, konxjament jew bi ħsieb, f'attivitajiet li l-għan jew l-effett tagħhom ikun li jevitaw il-projbizzjonijiet imsemmijin fil-paragrafu 1.

Artikolu 10

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sa l-24 ta' Frar 2023.

Din id-Deċiżjoni għandha tinżamm taħt rieżami kostanti. Għandha tiġġedded, jew tiġi emendata kif xieraq, jekk il-Kunsill ikun tal-fehma li l-objettivi tagħha ma jkunux intlaħqu.

Magħmul fi Brussel, it-23 ta' Frar 2022.

Għall-Kunsill

Il-President

J.-Y. LE DRIAN