28.2.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 93/6


DEĊIŻJONI Nru H12

tad-19 ta’ Ottubru 2021

li tikkonċerna d-data li għandha tiġi kkunsidrata għad-determinazzjoni tar-rati tal-kambju msemmija fl-Artikolu 90 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE u għall-Ftehim KE/Żvizzera)

(2022/C 93/06)

IL-KUMMISSJONI AMMINISTRATTIVA GĦALL-KOORDINAZZJONI TAS-SISTEMI TAS-SIGURTÀ SOĊJALI,

Wara li kkunsidrat l-Artikolu 72(a) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-koordinazzjoni tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali (1), li taħtu hija responsabbli li tittratta l-mistoqsijiet amministrattivi jew il-mistoqsijiet ta’ interpretazzjoni kollha li joħorġu mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 u r-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-koordinazzjoni tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali (2),

Wara li kkunsidrat l-Artikolu 90 tar-Regolament (KE) Nru 987/2009 li jikkonċerna l-konverżjoni ta’ valuti,

Billi:

(1)

Ħafna dispożizzjonijiet bħal eż. l-Artikoli 5(a), 21(1), 29, 34, 52, 62(3), 65(6) u (7), 68(2) u 84 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 u l-Artikoli 25 (4) u (5), 26 (7), 54(2), 70, 72, 73, 78 u 80 tar-Regolament (KE) Nru 987/2009, jinkludu sitwazzjonijiet, fejn għall-fini tal-pagament, il-kalkolu jew il-kalkolu mill-ġdid ta’ benefiċċju jew kontribuzzjoni, rimborż, jew għall-finijiet ta’ tpaċija u l-proċeduri ta’ rkupru, ir-rata tal-kambju jeħtieġ li tiġi determinata.

(2)

L-Artikolu 90 tar-Regolament (KE) Nru 987/2009 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni Amministrattiva sabiex tiffissa d-data li għandha tiġi kkunsidrata għad-determinazzjoni tar-rati ta’ konverżjoni li għandhom jiġu applikati meta jiġu kkalkolati ċerti benefiċċji u kontribuzzjonijiet.

(3)

Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE (3) tfakkar li l-Istati Membri jeħtieġ li jieħdu miżuri xierqa sabiex jieħdu kont tal-fluttwazzjonijiet possibbli tal-munita li jirriżultaw mill-applikazzjoni tar-Regolament Bażiku jew tar-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni. Dawn il-miżuri għandhom jirrispettaw l-objettiv tad-dispożizzjonijiet rispettivi tar-Regolament Bażiku jew tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kif definit mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

Filwaqt li taġixxi skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 71(2) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004,

IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:

1.

Għall-fini ta’ din id-Deċiżjoni r-rata tal-konverżjoni għandha tinftiehem bħala r-rata tal-kambju ta’ kuljum ippubblikata mill-Bank Ċentrali Ewropew.

2.

Jekk ma jkunx indikat mod ieħor f’din id-Deċiżjoni, ir-rata tal-kambju għandha tkun ir-rata ppubblikata fil-jum meta titwettaq l-operazzjoni.

3.

Istituzzjoni ta’ Stat Membru, li għall-fini li tiġi stabbilita pretensjoni, u għall-ewwel kalkolu tal-benefiċċju għandha tikkonverti ammont, għandha tuża:

(a)

meta, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali jew ir-Regolament (KE) Nru 883/2004 istituzzjoni tikkunsidra ammonti, bħal dħul jew benefiċċji, matul ċertu perjodu qabel id-data li għaliha jiġi kkalkulat il-benefiċċju, ir-rata tal-kambju ppubblikata fl-aħħar jum ta’ dak il-perjodu;

(b)

meta, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali jew ir-Regolament (KE) Nru 883/2004, għall-fini ta’ kalkolu tal-benefiċċju, istituzzjoni tikkunsidra ammont wieħed, ir rata tal-kambju ppubblikata fl-ewwel jum tax-xahar immedjatament qabel ix-xahar meta d-dispożizzjoni għandha tiġi applikata.

4.

Il-paragrafu 3 għandu japplika mutatis mutandis meta istituzzjoni ta’ Stat Membru għall-kalkolu mill-ġdid tal-benefiċċju minħabba tibdil fis-sitwazzjoni fattwali jew legali tal-persuna kkonċernata, għandha tikkonverti ammont.

5.

Istituzzjoni li tħallas benefiċċju li jiġi indiċizzat regolarment skont il-liġi nazzjonali, u fejn l-ammonti f’muniti oħra għandhom impatt fuq dak il-benefiċċju, għandha, meta tikkalkolah mill-ġdid tuża r-rata tal-kambju ppubblikata fl-ewwel jum tax-xahar li jippreċedi x-xahar meta l-indiċjar huwa mistenni li jsir, sakemm mhux previst b’mod differenti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali.

6.

Għall-finijiet tal-Artikolu 90 tar-Regolament (KE) Nru 987/2009, id-data li għandha titqies biex tiġi ddeterminata r-rata tal-kambju applikabbli bejn żewġ valuti, għandha tkun:

(a)

fil-każ li jkun hemm talba għal tpaċija mill-arretrati/pagamenti għaddejjin, il-jum tax-xogħol eżatt qabel il-jum li fih il-parti applikanti tkun bagħtet l-aħħar talba għat-tpaċija mill-arretrati/pagamenti għaddejjin; jew

(b)

fil-każ li jkun hemm talba għal irkupru, il-jum tax-xogħol eżatt qabel il-jum li fih il-parti applikanti tkun bagħtet l-ewwel talba għall-irkupru.

Għall-finijiet ta’ dan il-paragrafu, jum tax-xogħol jirreferi għall-jum tax-xogħol tal-Bank Ċentrali Ewropew li fih jippubblika r-rata ta’ referenza għall-kambju ta’ valuti kuljum.

7.

Għall-finijiet tal-Artikolu 65(6) u (7) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 u l-Artikolu 70 tar-Regolament (KE) Nru 987/2009, meta t-tqabbil iseħħ bejn l-ammont li effettivament tħallas mill-istituzzjoni tal-post ta’ residenza u l-ammont massimu tar-rimborż imsemmi fit-tielet sentenza tal-Artikolu 65(6) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 (l-ammont tal-benefiċċju li għalih il-persuna kkonċernata tkun intitolata skont il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru li għalih hi kienet soġġetta l-aħħar jekk tkun irreġistrata mas-servizzi tal-impjiegi ta’ dak l-Istat Membru), id-data li għandha tiġi kkunsidrata għad-determinazzjoni tar-rata tal-kambju għandha tkun l-ewwel jum tax-xahar kalendarju li fih ikun intemm il-perjodu ta’ rimborż.

8.

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċċjali tal-Unjoni Ewropea. Għandha tapplika mid-data tal-pubblikazzjoni tagħha.

9.

Din id-Deċiżjoni tissostitwixxi d-Deċiżjoni Nru H3 tal-15 ta’ Ottubru 2009 (4).

Il-President tal-Kummissjoni Amministrattiva

Greta Metka BARBO ŠKERBINC


(1)  ĠU L 166, 30.4.2004, p. 1..

(2)  ĠU L 284, 30.10.2009, p. 1..

(3)  C-473/18, ECLI:EU:C:2019:662

(4)  Id-Deċiżjoni Nru H3 tal-15 ta’ Ottubru 2009 li tikkonċerna d-data li għandha tiġi kkunsidrata għad-determinazzjoni tar-rati tal-kambju msemmija fl-Artikolu 90 tar-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( ĠU C 106, 24.4.2010, p. 56) kif emendata bid-Deċiżjoni Nru H7 tal-25 ta’ Ġunju 2015 fuq ir-reviżjoni tad-Deċiżjoni Nru H3 dwar id-data li għandha titqies għad-determinazzjoni tar-rati tal-kambju msemmija fl-Artikolu 90 tar-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU C 52, 11.2.2016, p. 13).