|
10.2.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 29/8 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2022/178
tat-8 ta’ Frar 2022
li tħassar, f’isem ir-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill, id-Deċiżjoni (UE) 2016/394
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Sħubija bejn il-membri tal-Grupp tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, min-naħa l-waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, iffirmat f’Cotonou fit-23 ta’ Ġunju 2000 (1), kif l-aħħar emendat, u b’mod partikolari l-Artikolu 96(2)(a), ir-raba’ subparagrafu, tiegħu,
Wara li kkunsidra l-Ftehim Intern bejn ir-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill, dwar il-miżuri li għandhom jittieħdu u l-proċeduri li għandhom jiġu segwiti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-KE (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 3 u l-Anness tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
Il-konsultazzjonijiet mar-Repubblika tal-Burundi skont l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta’ Sħubija bejn il-membri tal-Grupp tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, min-naħa l-waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, iffirmat f’Cotonou fit-23 ta’ Ġunju 2000, kif l-aħħar emendat, ġew konklużi permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/394 (3). Ittieħdu miżuri xierqa, kif speċifikat fl-Anness għal dik id-Deċiżjoni, wara proposta tal-Kummissjoni bi qbil mar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (“RGħ”). |
|
(2) |
B’mod ġenerali, il-proċess politiku paċifiku li kien possibbli b’segwitu għall-elezzjonijiet ġenerali ta’ Mejju 2020 fetaħ tieqa ġdida ta’ tama għall-popolazzjoni tal-Burundi u ta’ opportunitajiet għall-Burundi u għar-relazzjonijiet tiegħu mas-sħab tiegħu. |
|
(3) |
Minn dak iż-żmien ’l hawn, l-Unjoni rrikonoxxiet żviluppi pożittivi li saru mill-Gvern tal-Burundi fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem, il-governanza tajba u l-istat tad-dritt, kif ukoll l-impenji meħuda fil-pjan direzzjonali tiegħu (“feuille de route”) lejn aktar titjib f’dawk l-oqsma. |
|
(4) |
Ġie stabbilit gvern impenjat li jimplimenta r-riformi meħtieġa għall-iżvilupp u l-istabbiltà fil-pajjiż, u sar progress lejn l-implimentazzjoni tal-impenji stipulati fid-Deċiżjoni (UE) 2016/394. |
|
(5) |
F’konformità mal-valutazzjoni tal-Kummissjoni, bi qbil mar-RGħ, ir-raġunijiet għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni (UE) 2016/394, kif stabbiliti f’dik id-Deċiżjoni, m’għadhomx rilevanti. Dik id-Deċiżjoni jenħtieġ li għalhekk titħassar f’isem ir-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill, għal kwistjonijiet li jaqgħu fil-kompetenza tal-Istati Membri. |
|
(6) |
Għad fadal sfidi persistenti fl-oqsma tad-drittijiet tal-bniedem, il-governanza tajba u l-istat tad-dritt, u huwa meħtieġ aktar progress mill-awtoritajiet tal-Burundi, inkluż permezz tal-implimentazzjoni tal-pjan direzzjonali, fil-qafas tad-djalogu politiku li għaddej bejn l-UE u l-Burundi bħalissa. |
|
(7) |
Il-Burundi għadu fraġli, u l-awtoritajiet jeħtieġu l-appoġġ tas-sħab internazzjonali biex jimplimentaw il-programm ta’ riforma u l-aġenda ta’ żvilupp tal-pajjiż. |
|
(8) |
L-Unjoni u l-Istati Membri, flimkien ma’ sħab internazzjonali oħra, jenħtieġ li jappoġġaw l-isforzi kontinwi tal-awtoritajiet tal-Burundi biex jistabbilizzaw u jikkonsolidaw l-istituzzjonijiet demokratiċi, biex jippromwovu d-drittijiet tal-bniedem, il-governanza tajba u l-istat tad-dritt, u biex jimplimentaw l-impenji meħuda fil-pjan direzzjonali tagħhom lejn aktar titjib f’dawk l-oqsma, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Id-Deċiżjoni (UE) 2016/394 hija mħassra f’isem ir-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill għal kwistjonijiet li jaqgħu fil-kompetenza tal-Istati Membri.
Artikolu 2
Il-Kummissjoni għandha, f’isem ir-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill, tinnotifika lill-Burundi dwar it-tħassir tad-Deċiżjoni (UE) 2016/394.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ Frar 2022.
Għall-Kunsill
Il-President
J.-Y. LE DRIAN
(1) ĠU L 317, 15.12.2000, p. 3.
(2) ĠU L 317, 15.12.2000, p. 376.
(3) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/394 tal-14 ta’ Marzu 2016 dwar il-konklużjoni tal-proċedura ta’ konsultazzjoni mar-Repubblika tal-Burundi skont l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta’ sħubija bejn il-membri tal-Gruppi tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, min-naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra (ĠU L 73, 18.3.2016, p. 90).