|
4.2.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 25/20 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/155
tal-31 ta’ Jannar 2022
dwar l-estensjoni tal-azzjoni li ħa l-Health and Safety Executive tar-Renju Unit li tippermetti t-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodott bijoċidali Clinisept + Skin Disinfectant f’konformità mal-Artikolu 55(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
(innotifikata bid-dokument C(2022) 457)
(It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 55(1), it-tielet subparagrafu tiegħu, flimkien mal-Artikolu 5(4) tal-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika,
Billi:
|
(1) |
Fil-5 ta’ Mejju 2021, il-Health and Safety Executive tar-Renju Unit f’isem il-Health and Safety Executive tal-Irlanda ta’ Fuq (“l-awtorità kompetenti tar-Renju Unit”) adottat deċiżjoni f’konformità mal-Artikolu 55(1), l-ewwel subparagrafu tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 biex tippermetti t-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodott bijoċidali Clinisept + Skin Disinfectant sal-1 ta’ Novembru 2021 (“l-azzjoni”). F’konformità mal-Artikolu 55(1), it-tieni subparagrafu ta’ dak ir-Regolament, l-awtorità kompetenti tar-Renju Unit għarrfet lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri bl-azzjoni u bil-ġustifikazzjoni tagħha. |
|
(2) |
Skont l-informazzjoni li tat l-awtorità kompetenti tar-Renju Unit, l-azzjoni kienet meħtieġa biex titħares is-saħħa pubblika. Fil-11 ta’ Marzu 2020, l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) iddikjarat li t-tifqigħa tal-marda tal-coronavirus (COVID-19) tista’ minn dakinhar ’il quddiem tiġi kkaratterizzata bħala pandemija. Il-Gvern tar-Renju Unit iddikjara r-riskju għar-Renju Unit bħala “għoli” u fit-23 ta’ Marzu 2020 daħlu fis-seħħ miżuri restrittivi. L-użu ta’ sanitizzaturi tal-idejn b’bażi ta’ alkoħol huwa rrakkomandat mill-WHO bħala miżura preventiva kontra l-imxija tal-COVID-19, bħala alternattiva għall-ħasil tal-idejn bis-sapun u bl-ilma. |
|
(3) |
Clinisept + Skin Disinfectant fih kloru attiv rilaxxat mill-ipoklorit tas-sodju bħala sustanza attiva. Il-kloru attiv rilaxxat mill-ipoklorit tas-sodju huwa approvat għall-użu fil-prodotti bijoċidali għat-tip ta’ prodott 1, “iġjene tal-bniedem”, kif definit fl-Anness V tar-Regolament (UE) Nru 528/2012. |
|
(4) |
Mindu t-tifqigħa tal-COVID-19, is-sanitizzaturi tal-idejn kellhom domanda estremament għolja fir-Renju Unit, u din wasslet għal nuqqas ta’ provvista mingħajr preċedent ta’ tali prodotti. Qabel l-azzjoni, kienu ftit ferm is-sanitizzaturi tal-idejn awtorizzati fir-Renju Unit f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 528/2012. Il-COVID-19 tirrappreżenta theddida serja għas-saħħa pubblika fir-Renju Unit u huwa kruċjali li jkun hemm sanitizzaturi tal-idejn addizzjonali għall-prevenzjoni tat-tixrid tagħha. |
|
(5) |
Fid-29 ta’ Ottubru 2021, il-Kummissjoni rċeviet talba motivata mingħand l-awtorità kompetenti tar-Renju Unit, f’isem il-Health and Safety Executive tal-Irlanda ta’ Fuq, biex tippermetti l-estensjoni tal-azzjoni fir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq, f’konformità mal-Artikolu 55(1), it-tielet subparagrafu tar-Regolament (UE) Nru 528/2012. It-talba motivata saret abbażi ta’ tħassib li s-saħħa pubblika tista’ titqiegħed fil-periklu mill-COVID-19 lil hinn mill-1 ta’ Novembru 2021 u b’kont meħud tal-fatt li huwa kruċjali li jitħallew jitpoġġew fis-suq sanitizzaturi tal-idejn addizzjonali sabiex jitrażżan il-periklu kkawżat mill-COVID-19. |
|
(6) |
Peress li skont l-awtorità kompetenti tar-Renju Unit, id-domanda għas-sanitizzaturi tal-idejn għadha għolja, jeħtieġ li l-azzjoni tiġi estiża fir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq. |
|
(7) |
Il-kumpaniji li kienu rċevew derogi għas-sanitizzaturi tal-idejn f’konformità mal-Artikolu 55(1), l-ewwel subparagrafu tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 wara d-dikjarazzjoni tad-WHO dwar il-pandemija ġew imħeġġa jitolbu awtorizzazzjoni regolari tal-prodott malajr kemm jista’ jkun. Madankollu, sal-lum ma waslu l-ebda applikazzjonijiet ġodda għall-awtorizzazzjoni regolari tal-prodott għand l-awtorità kompetenti tar-Renju Unit. |
|
(8) |
Peress li l-COVID-19 għadha ta’ periklu għas-saħħa pubblika u peress li minħabba li dan il-periklu ma jistax jitrażżan b’mod adegwat fir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq fin-nuqqas ta’ sanitizzaturi tal-idejn addizzjonali permessi fis-suq, jixraq li l-awtorità kompetenti tar-Renju Unit titħalla testendi l-azzjoni fir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq. |
|
(9) |
Billi l-azzjoni skadiet fi-1 ta’ Novembru 2021, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni jkollha effett retroattiv. |
|
(10) |
Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Prodotti Bijoċidali, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-Health and Safety Executive tar-Renju Unit, li taġixxi f’isem il-Health and Safety Executive tal-Irlanda ta’ Fuq, tista’ testendi l-azzjoni li tippermetti t-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodott bijoċidali Clinisept + Skin Disinfectant, fir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq sas-6 ta’ Mejju 2023.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Health and Safety Executive tar-Renju Unit, li taġixxi f’isem il-Health and Safety Executive tal-Irlanda ta’ Fuq.
Għandha tapplika mit-2 ta’ Novembru 2021.
Magħmul fi Brussell, il-31 ta’ Jannar 2022.
Għall-Kummissjoni
Stella KYRIAKIDES
Membru tal-Kummissjoni