17.1.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 10/77


DEĊIŻJONI TAL-KUMITAT POLITIKU U TA’ SIGURTÀ (PESK) 2022/59

tal-10 ta’ Jannar 2022

dwar il-ħatra tal-Kmandant tal-Forza tal-UE għall-operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea fil-Bożnija-Ħerzegovina u li tħassar id-Deċiżjoni (PESK) 2021/5 (BiH/32/2022)

IL-KUMITAT POLITIKU U TA’ SIGURTÀ,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 38 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2004/570/PESK tat-12 ta’ Lulju 2004 dwar l-operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea fil-Bożnija-Ħerzegovina (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) tagħha,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 6(1) tal-Azzjoni Konġunta 2004/570/PESK, il-Kunsill awtorizza lill-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (KPS) biex jieħu d-deċiżjonijiet rilevanti dwar il-ħatra tal-Kmandant tal-Forza tal-UE għall-operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea fil-Bożnija-Ħerzegovina (il-“Kmandant tal-Forza tal-UE”).

(2)

Fil-15 ta’ Diċembru 2020, il-KPS adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2021/5 (2) li taħtar lill-Ġeneral Maġġur Alexander PLATZER bħala l-Kmandant tal-Forza tal-UE.

(3)

Fit-3 ta’ Novembru 2021, l-awtoritajiet militari Awstrijaċi rrakkomandaw il-ħatra tal-Ġeneral Maġġur Anton WESSELY biex jieħu post il-Ġeneral Maġġur Alexander PLATZER bħala l-Kmandant tal-Forza tal-UE mill-20 ta’ Jannar 2022.

(4)

Fil-25 ta’ Novembru 2021, il-Kumitat Militari tal-UE qabel mar-rakkomandazzjoni mill-awtoritajiet militari Awstrijaċi.

(5)

Għalhekk, jenħtieġ li titħassar id-Deċiżjoni (PESK) 2021/5.

(6)

F’konformità mal-Artikolu 5 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka ma tiħux sehem fl-elaborazzjoni u fl-implimentazzjoni ta’ deċiżjonijiet u azzjonijiet tal-Unjoni li għandhom implikazzjonijiet ta’ difiża.

(7)

Fit-12 u t-13 ta’ Diċembru 2002, il-Kunsill Ewropew ta’ Copenhagen adotta dikjarazzjoni li ssostni li l-arranġamenti “Berlin plus” u l-implimentazzjoni tagħhom ser japplikaw biss għal dawk l-Istati Membri tal-Unjoni li huma wkoll membri tan-NATO jew partijiet għas-“Sħubija għall-Paċi”, u li konsegwentement ikkonkludew ftehimiet bilaterali dwar is-sigurtà man-NATO,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Maġġur Ġeneral Anton WESSELY huwa b’dan maħtur Kmandant tal-Forza tal-UE għall-operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea fil-Bożnija-Ħerzegovina mill-20 ta’ Jannar 2022.

Artikolu 2

Id-Deċiżjoni (PESK) 2021/5 hija b’dan imħassra.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-20 ta’ Jannar 2022.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Jannar 2022.

Għall-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà

Il-President

D. PRONK


(1)   ĠU L 252, 28.7.2004, p. 10.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (PESK) 2021/5 tal-15 ta’ Diċembru 2020 dwar il-ħatra tal-Kmandant tal-Forza tal-UE għall-operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea fil-Bożnija-Ħerzegovina u li tħassar id-Deċiżjoni (PESK) 2019/783 (BiH/31/2020)(ĠU L 4, 7.1.2021, p. 8).