10.1.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

LI 5/10


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2022/23

tas-10 ta’ Jannar 2022

li timplimenta d-Deċiżjoni 2013/798/PESK dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Ċentru-Afrikana

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 31(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/798/PESK tat-23 ta’ Diċembru 2013 dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Ċentru-Afrikana (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 2c tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fit-23 ta’ Diċembru 2013, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2013/798/PESK.

(2)

Fil-21 ta’ Diċembru 2021, il-Kumitat tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti stabbilit skont ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti 2127 (2013) approva ż-żieda ta’ individwu wieħed mal-lista ta’ persuni u entitajiet soġġetti għal miżuri restrittivi.

(3)

L-Anness għad-Deċiżjoni 2013/798/PESK jenħtieġ li għalhekk jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Anness għad-Deċiżjoni 2013/798/PESK huwa b’dan emendat kif jinsab fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, is-10 ta’ Jannar 2022.

Għall-Kunsill

Il-President

J.-Y. LE DRIAN


(1)  ĠU L 352, 24.12.2013, p. 51.


ANNESS

Fil-lista li tinsab fil-Parti A (Persuni) tal-Anness għad-Deċiżjoni 2013/798/PESK, il-persuna li ġejja tiżdied ma’:

“15.   Ali DARASSA (magħruf ukoll bħala: a) Ali Darassa Mahamat b) Ali Mahamat Darassa c) Ali Daras d) Ali Darrassa e) Général Ali Darassa)

Deżinjazzjoni: Fundatur u mexxej tal-Unité pour la Paix en Centrafrique (UPC)

Data tat-Twelid: 22 ta’ Settembru 1978

Post tat-twelid: Kabo, prefettura ta’ Ouham, Repubblika Ċentru-Afrikana

Nazzjonalità: Repubblika Ċentru-Afrikana

Numru ta’ identifikazzjoni nazzjonali: 10978000004482

Data tad-deżinjazzjoni min-NU: 21 ta’ Diċembru 2021

Informazzjoni oħra:

Ali Darassa waqqaf u għadu jmexxi l-grupp ta’ milizzja bbażat fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (RĊA), Unité pour la Paix en Centrafrique (UPC), li qatel, ittortura, stupra, u sposta lil persuni ċivili, wettaq għadd kbir ta’ abbużi tad-drittijiet tal-bniedem u ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali, u kien involut fit-traffikar tal-armi, attivitajiet ta’ tassazzjoni illegali, u gwerra kontra l-forzi tad-difiża u tas-sigurtà tar-RĊA, kif ukoll milizzji oħra, sa mill-ħolqien tiegħu fl-2014. F’Diċembru 2020, huwa kellu rwol ewlieni fil-ħolqien tal-Coalition des patriotes pour le changement (CPC) li użat l-armi biex topponi l-elezzjonijiet u pprovat tidħol fil-kapitali Bangui, bi ksur tal-impenji li saru mill-UPC skont l-Accord politique pour la paix et la Reconciation (APPR) iffirmat fis-6 ta’ Frar 2019. Link web tal-Avviż Speċjali tal-INTERPOL-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU: https://www.interpol.int/en/How-we-work/Notices/View-UN-Notices-Individuals

Informazzjoni mit-taqsira narrattiva tar-raġunijiet għall-elenkar pprovduta mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet:

Ali Darassa ġie elenkat fil-21 ta’ Diċembru 2021 skont il-paragrafu 20 u l-paragrafu 21(b) tar-riżoluzzjoni 2399 (2018), estiża mir-riżoluzzjoni 2588 (2021), billi kien involut jew ipprovda appoġġ għal atti li jheddu l-paċi, l-istabbiltà jew is-sigurtà tar-Repubblika Ċentru-Afrikana, inkluż atti li jheddu jew ifixklu l-proċess ta’ stabbilizzazzjoni u rikonċiljazzjoni jew li jinstigaw il-vjolenza; u li kien involut fl-ippjanar, id-direzzjoni jew it-twettiq ta’ atti fir-Repubblika Ċentru-Afrikana li jiksru l-liġi internazzjonali tad-drittijiet umani jew il-liġi umanitarja internazzjonali, kif applikabbli, jew li jikkostitwixxu abbużi jew ksur tad-drittijiet umani, inkluż dawk li jinvolvu attakki fuq il-popolazzjoni ċivili, attakki fuq bażi etnika jew reliġjuża, attakki fuq objettivi ċivili, inklużi ċentri amministrattivi, qrati, skejjel u sptarijiet, u l-ħtif u spostamet sfurzat.

Informazzjoni addizzjonali

Ali Darassa waqqaf u għadu jmexxi l-grupp ta’ milizzja bbażat fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (RĊA), Unité pour la Paix en Centrafrique (UPC), li qatel, ittortura, stupra, u sposta lil persuni ċivili, wettaq għadd kbir ta’ abbużi tad-drittijiet tal-bniedem u ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali, u kien involut fit-traffikar tal-armi, attivitajiet ta’ tassazzjoni illegali, u gwerra kontra l-forzi tad-difiża u tas-sigurtà tar-RĊA, kif ukoll milizzji oħra, sa mill-ħolqien tiegħu fl-2014. F’Diċembru 2020, huwa kellu rwol ewlieni fil-ħolqien tal-Coalition des patriotes pour le changement (CPC) li uża l-armi biex jopponi l-elezzjonijiet u pprova jidħol fil-kapitali Bangui, bi ksur tal-impenji li saru mill-UPC skont l-Accord politique pour la paix et la Reconciation (APPR) iffirmat fis-6 ta’ Frar 2019.

Il-ġellieda taħt il-kmand ta’ Ali Darassa wettqu atti li jikkostitwixxu abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem u ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali. Fl-10 ta’ Novembru 2014, ġellieda tal-UPC attakkaw l-irħula ta’ Bolo fil-Prefettura ta’ Ouaka u nqatlu 10 ċivili inkluż tliet nisa anzjani li nħarqu ħajjin fi djarhom. Fit-12 ta’ Diċembru 2017, l-elementi tal-UPC u l-FPRC fetħu n-nar fi sptar, fejn qatlu 17 persuna ċivili, inklużi 4 tifel u tifla. Fil-15 ta’ Novembru 2018, l-elementi tal-UPC attakkaw kamp ta’ persuni spostati internament f’Alindao, fejn qatlu bejn 70 u 100 persuna ċivili.

Taħt it-tmexxija ta’ Darassa, UPC kompliet topponi r-restawr tal-awtorità tal-Istat. Fl-2016, il-ġellieda tal-UPC kienu ta’ theddida għall-proċess elettorali f’diversi okkażjonijiet. Fid-29 ta’ Marzu 2016, il-ġellieda tal-UPC sparaw balal fuq pożizzjoni elettorali u darbu diversi persuni spostati internament.

Minn Diċembru 2020, bħala wieħed mill-mexxejja tas-CPC, Ali Darassa pparteċipa fi ksur tal-APPR, attentati biex jipprevjeni l-elezzjonijiet leġiżlattivi u presidenzjali u, b’mod aktar ġenerali, biex jiddestabbilizza r-Repubblika Ċentru-Afrikana. Minħabba t-theddid li sar mill-ġellieda tal-UPC taħt il-kmand ta’ Ali Darassa, l-operazzjonijiet ta’ votazzjoni ma setgħux isiru fis-27 ta’ Diċembru 2020 f’żoni taħt il-kontroll tal-UPC, pereżempju f’diversi żoni tal-Prefetturi ta’ Ouaka u Haut-Mbomou. F’Jannar 2021, l-UPC ippruvat tidħol f’Bangui bil-forza.”