|
7.1.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 4/14 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2022/14
tat-2 ta’ Diċembru 2021
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fit-22 laqgħa tal-Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Baħar u tar-Reġjun Kostali tal-Mediterran (il-Konvenzjoni ta’ Barċellona) u l-Protokolli tagħha fir-rigward tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tadotta Pjanijiet Reġjonali dwar it-Trattament tal-Ilma Urban Mormi u l-Ġestjoni tal-Ħama tad-Drenaġġ fil-qafas tal-Artikolu 15 tal-Protokoll dwar il-Ħarsien tal-Baħar Mediterran mit-Tniġġis ta’ Oriġini u minn Attivitajiet Terrestri (Protokoll LBS)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 192(1) flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
Il-Protokoll emendat tal- Konvenzjoni għall-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Baħar u tar-Reġjun Kostali tal-Mediterran (Konvenzjoni ta’ Barċellona) għall- Ħarsien tal-Baħar Mediterran mit-Tniġġis ta’ Oriġini u minn Attivitajiet Terrestri (il-“Protokoll LBS”) ġie konkluż mill-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/801/KE (1) u daħal fis-seħħ fil-11 ta’ Mejju 2008. |
|
(2) |
Skont l-Artikolu 15(1) tal-Protokoll LBS, il-laqgħa tal-Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni ta’ Barċellona u l-Protokolli tagħha għandha tadotta pjanijiet ta’ azzjoni reġjonali li jkun fihom miżuri ta’ konteniment u skedi ta’ żmien għall-implimentazzjoni tagħhom. |
|
(3) |
Matul it-22 laqgħa tagħhom mis-7 sal-10 ta’ Diċembru 2021, il-Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni ta’ Barċellona u l-Protokolli tagħha huma mistennija jadottaw deċiżjoni (“id-Deċiżjoni tal-Partijiet Kontraenti”) li tadotta Pjanijiet Reġjonali dwar it-Trattament tal-Ilma Urban Mormi u l-Ġestjoni tal-Ħama tad-Drenaġġ (“il-Pjanijiet Reġjonali”) fil-qafas tal-Artikolu 15 tal-Protokoll LBS. |
|
(4) |
Id-Deċiżjoni tal-Partijiet Kontraenti tikkonċerna l-protezzjoni tal-ambjent, li hija kompetenza kondiviża bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha skont l-Artikolu 4(2), il-punt (e), tat-Trattat. Id-Deċiżjoni tal-Partijiet Kontraenti ma taqax f’qasam li fil-parti l-kbira tiegħu huwa kopert mir-regoli tal-Unjoni dwar tali protezzjoni. L-Unjoni ma għandhiex l-intenzjoni li tagħmel użu mill-possibbiltà li teżerċita l-kompetenza esterna tagħha fir-rigward ta’ oqsma koperti mid-Deċiżjoni tal-Partijiet Kontraenti li fir-rigward tagħha l-kompetenza tagħha għadha ma ġietx eżerċitata internament. |
|
(5) |
Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-laqgħa tal-Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni ta’ Barċellona u l-Protokolli tagħha, billi d-Deċiżjoni tal-Partijiet Kontraenti tikkonċerna l-adozzjoni tal-Pjanijiet Reġjonali li ser ikunu vinkolanti għall-Unjoni skont l-Artikolu 15(3) tal-Protokoll LBS. |
|
(6) |
Peress li l-għan tal-Pjanijiet Reġjonali huwa li jiġu aġġornati r-rekwiżiti rigward il-protezzjoni tal-Baħar Mediterran, li jiġu mmodifikati l-impenji u l-ambizzjonijiet internazzjonali tal-Unjoni u li tittejjeb il-protezzjoni tal-ambjent, jenħtieġ li l-Unjoni tappoġġa l-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-Partijiet Kontraenti, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fit-22 laqgħa tal-Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni ta’ Barċellona u l-Protokolli tagħha għandha tkun li tiġi appoġġata l-adozzjoni tad-deċiżjoni li tadotta Pjanijiet Reġjonali dwar it-Trattament tal-Ilma Urban Mormi u l-Ġestjoni tal-Ħama tad-Drenaġġ fil-qafas tal-Artikolu 15 tal-Protokoll dwar il-Ħarsien tal-Baħar Mediterran mit-Tniġġis ta’ Oriġini u minn Attivitajiet Terrestri.
Artikolu 2
Fid-dawl tal-iżviluppi fit-22 laqgħa tal-Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni ta’ Barċellona u l-Protokolli tagħha, jista’ jintlaħaq qbil dwar l-irfinar tal-pożizzjoni msemmija fl-Artikolu 1 mir-rappreżentanti tal-Unjoni, f’konsultazzjoni mal-Istati Membri, matul il-laqgħat ta’ koordinazzjoni fuq il-post mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, it-2 ta’ Diċembru 2021.
Għall-Kunsill
Il-President
J. VRTOVEC
(1) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/801/KE tat-22 ta’ Ottubru 1999 fejn ġew aċċettati l-emendi għall-Protokoll dwar il-protezzjoni mit-tniġġis tal-baħar Mediterran minn għejun fuq l-art. (Konvenzjoni ta’ Barċellona) (ĠU L 322, 14.12.1999, p. 18).