7.1.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 4/12


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2022/13

tat-2 ta’ Diċembru 2021

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fit-22 laqgħa tal-Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Baħar u tar-Reġjun Kostali tal-Mediterran (Konvenzjoni ta’ Barċellona) u l-Protokolli tagħha fir-rigward tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni li temenda l-Pjan Reġjonali dwar il-Ġestjoni tal-Iskart tal-Baħar fil-Mediterran fil-qafas tal-Artikolu 15 tal-Protokoll dwar il-Ħarsien tal-Baħar Mediterran mit-Tniġġis ta’ Oriġini u minn Attivitajiet Terrestri (Protokoll LBS)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 192(1) flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Protokoll emendat tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Baħar u tar-Reġjun Kostali tal-Mediterran (Konvenzjoni ta’ Barċellona) għall-Ħarsien tal-Baħar Mediterran mit-Tniġġis ta’ Oriġini u minn Attivitajiet Terrestri (“il-Protokoll LBS”) ġie konkluż mill-Unjoni permezz tad- Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/801/KE (1) u daħal fis-seħħ fil-11 ta’ Mejju 2008.

(2)

Skont l-Artikolu 15(1) tal-Protokoll LBS, il-laqgħa tal-Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni ta’ Barċellona u l-Protokolli tagħha għandha tadotta pjanijiet ta’ azzjoni reġjonali li jkun fihom miżuri ta’ konteniment u skedi ta’ żmien għall-implimentazzjoni tagħhom.

(3)

Matul it-22 laqgħa tagħhom mis-7 sal-10 ta’ Diċembru 2021, il-Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni ta’ Barċellona u l-Protokolli tagħha huma mistennija jadottaw deċiżjoni (“id-Deċiżjoni tal-Partijiet Kontraenti”) biex jemendaw il-Pjan Reġjonali dwar il-Ġestjoni tal-Iskart fil-Baħar fil-Mediterran (“il-Pjan Reġjonali”) fil-qafas tal-Artikolu 15 tal-Protokoll LBS. Id-Deċiżjoni tal-Partijiet Kontraenti ser tipprovdi definizzjonijiet ġodda u ser tespandi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżuri f’erba’ oqsma ewlenin (strumenti ekonomiċi, ekonomija ċirkolari tal-plastiks, sorsi ta’ skart tal-baħar ibbażati fuq l-art u sorsi ta’ skart tal-baħar ibbażati fil-baħar).

(4)

Id-Deċiżjoni tal-Partijiet Kontraenti tikkonċerna l-protezzjoni tal-ambjent, li hija kompetenza kondiviża bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha skont l-Artikolu 4(2), il-punt (e), tat-Trattat. Id-Deċiżjoni tal-Partijiet Kontraenti ma taqax f’qasam li fil-parti l-kbira tiegħu huwa kopert mir-regoli tal-Unjoni dwar tali protezzjoni. L-Unjoni ma għandhiex l-intenzjoni li tagħmel użu mill-possibbiltà li teżerċita l-kompetenza esterna tagħha fir-rigward ta’ oqsma koperti mid-Deċiżjoni tal-Partijiet Kontraenti li fir-rigward tagħha l-kompetenza tagħha għadha ma ġietx eżerċitata internament.

(5)

Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-laqgħa tal-Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni ta’ Barċellona u l-Protokolli tagħha, billi d-Deċiżjoni tal-Partijiet Kontraenti tikkonċerna l-adozzjoni ta’ emendi għall-Pjan Reġjonali li ser ikunu vinkolanti għall-Unjoni skont l-Artikolu 15(3) tal-Protokoll LBS.

(6)

Peress li l-emendi previsti għall-Pjan Reġjonali huma konformi mal-ambizzjoni tal-Unjoni li jitnaqqas it-tniġġis u titjieb il-protezzjoni tal-ambjent, jenħtieġ li l-Unjoni tappoġġa l-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-Partijiet Kontraenti,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fit-22 laqgħa tal-Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni ta’ Barċellona u l-Protokolli tagħha għandha tkun li tiġi appoġġata l-adozzjoni ta’ deċiżjoni li temenda l-Pjan Reġjonali dwar il-Ġestjoni tal-Iskart tal-Baħar fil-Mediterran fil-qafas tal-Artikolu 15 tal-Protokoll dwar il-Ħarsien tal-Baħar Mediterran mit-Tniġġis ta’ Oriġini u minn Attivitajiet Terrestri.

Artikolu 2

Fid-dawl tal-iżviluppi fit-22 laqgħa tal-Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni ta’ Barċellona u l-Protokolli tagħha, jista’ jintlaħaq qbil dwar l-irfinar tal-pożizzjoni msemmija fl-Artikolu 1 mir-rappreżentanti tal-Unjoni, f’konsultazzjoni mal-Istati Membri, matul il-laqgħat ta’ koordinazzjoni fuq il-post mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, it-2 ta’ Diċembru 2021.

Għall-Kunsill

Il-President

J. VRTOVEC


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/801/KE tat-22 ta’ Ottubru 1999 fejn ġew aċċettati l-emendi għall-Protokoll dwar il-protezzjoni mit-tniġġis tal-baħar Mediterran minn għejun fuq l-art. (Konvenzjoni ta’ Barċellona) (ĠU L 322, 14.12.1999, p. 18).