|
7.1.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 4/4 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2022/9
tat-2 ta’ Diċembru 2021
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fit-22 laqgħa tal-Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Baħar u tar-Reġjun Kostali tal-Mediterran (Konvenzjoni ta’ Barċellona) u l-Protokolli tagħha fir-rigward tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni li temenda l-Anness tal-Protokoll għall-Prevenzjoni u l-Eliminazzjoni tat-Tniġġis tal-Baħar Mediterran bir-Rimi tal-Iskart minn Bastimenti u Inġenji tal-Ajru jew l-Inċinerazzjoni fuq il-Baħar (Protokoll dwar ir-Rimi tal-Iskart)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikulari l-Artikolu 192(1) flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
Il-Protokoll tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Baħar u tar-Reġjun Kostali tal-Mediterran (“il-Konvenzjoni ta’ Barċellona”) għall-Prevenzjoni u l-Eliminazzjoni tat-Tniġġis tal-Baħar Mediterran bir-Rimi tal-Iskart minn Bastimenti u Inġenji tal-Ajru jew l-Inċinerazzjoni fuq il-Baħar (il-“Protokoll dwar ir-Rimi tal-Iskart”) ġie konkluż mill-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 77/585/KEE (1) u daħal fis-seħħ fil-15 ta’ April 1978. |
|
(2) |
Skont l-Artikolu 18(2), punt (iii), tal-Konvenzjoni ta’ Barċellona, il-laqgħa tal-Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni ta’ Barċellona u l-Protokolli tagħha tista’ tadotta emendi għall-annessi tal-Protokolli tal-Konvenzjoni. |
|
(3) |
Matul it-22 laqgħa tagħhom bejn mis-7 sal-10 ta’ Diċembru 2021, il-Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni ta’ Barċellona u l-Protokolli tagħha huma mistennija jadottaw deċiżjoni (‘id-Deċiżjoni tal-Partijiet Kontraenti’) li temenda l-Anness tal-Protokoll dwar ir-Rimi tal-Iskart dwar il-fatturi li għandhom jitqiesu meta jkunu qed jiġu stabbiliti l-kriterji li jirregolaw il-ħruġ tal-permessi għar-rimi ta’ materja fil-baħar filwaqt li jitqies l-Artikolu 6 tal-Protokoll dwar ir-Rimi tal-Iskart. |
|
(4) |
Id-Deċiżjoni tal-Partijiet Kontraenti tikkonċerna l-protezzjoni tal-ambjent, li hija kompetenza kondiviża bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha skont l-Artikolu 4(2), il-punt (e), tat-Trattat. Id-Deċiżjoni tal-Partijiet Kontraenti ma taqax f’qasam li fil-parti l-kbira tiegħu huwa kopert mir-regoli tal-Unjoni dwar tali protezzjoni. L-Unjoni ma għandhiex l-intenzjoni li tagħmel użu mill-possibbiltà li teżerċita l-kompetenza esterna tagħha fir-rigward ta’ oqsma koperti mid-Deċiżjoni tal-Partijiet Kontraenti li fir-rigward tagħha l-kompetenza tagħha għadha ma ġietx eżerċitata internament. |
|
(5) |
Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-laqgħa tal-Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni ta’ Barċellona u l-Protokolli tagħha, billi d-Deċiżjoni tal-Partijiet Kontraenti tikkonċerna l-adozzjoni ta’ emendi għall-Anness tal-Protokoll dwar ir-Rimi tal-Iskart li ser ikunu vinkolanti għall-Unjoni. |
|
(6) |
Peress li l-emendi previsti fl-Anness tal-Protokoll dwar ir-Rimi tal-Iskart ser jaġġornaw ir-rekwiżiti dwar il-protezzjoni tal-Baħar Mediterran, ser jaffettwaw l-impenji u l-ambizzjonijiet internazzjonali tal-Unjoni u ser itejbu l-protezzjoni tal-ambjent, jenħtieġ li l-Unjoni tappoġġa l-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-Partijiet Kontraenti, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fit-22 laqgħa tal-Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni ta’ Barċellona u l-Protokolli tagħha għandha tkun li tiġi appoġġata l-adozzjoni ta’ deċiżjoni li temenda l-Anness tal-Protokoll għall-Prevenzjoni u l-Eliminazzjoni tat-Tniġġis tal-Baħar Mediterran bir-Rimi tal-Iskart minn Bastimenti u Inġenji tal-Ajru jew l-Inċinerazzjoni fuq il-Baħar.
Artikolu 2
Fid-dawl tal-iżviluppi fit-22 laqgħa tal-Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni ta’ Barċellona u l-Protokolli tagħha, l-irfinar tal-pożizzjoni msemmija fl-Artikolu 1 jista’ jiġi maqbul mir-rappreżentanti tal-Unjoni, f’konsultazzjoni mal-Istati Membri, matul laqgħat ta’ koordinazzjoni fuq il-post mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, it-2 ta’ Diċembru 2021.
Għall-Kunsill
Il-President
J. VRTOVEC
(1) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 77/585/KEE tal-25 ta’ Lulju 1977 li tikkonkludi l-Konvenzjoni għall-protezzjoni tal-Baħar Mediterran mit-tniġġis u l-Protokoll għall-prevenzjoni tat-tniġġis tal-Baħar Mediterran bir-rimi tal-iskart minn bastimenti u vetturi tal-ajru (ĠU L 240, 19.9.1977, p. 1).