|
10.8.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 305/1 |
OPINJONI TAL-KUMMISSJONI
tat-8 ta' Awwissu 2022
relatata mal-pjan għar-rimi tal-iskart radjuattiv li jirriżulta mis-sit tal-impjant tal-enerġija nukleari ta’ Paks II (żewġ reatturi VVER-1200), li jinsab fil-kontea ta’ Tolna, l-Ungerija
(it-test bl-Ungeriż biss huwa awtentiku)
(2022/C 305/01)
Il-valutazzjoni t’hawn taħt saret skont id-dispożizzjonijiet tat-Trattat Euratom, mingħajr preġudizzju għal xi valutazzjoni addizzjonali li trid issir skont it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-obbligi li jirriżultaw minnu u mil-leġiżlazzjoni sekondarja (1).
Fid-9 ta’ Frar 2021, il-Kummissjoni Ewropea rċeviet mingħand ir-Rappreżentanza Permanenti tal-Ungerija, f’konformità mal-Artikolu 37 tat-Trattat tal-Euratom, id-Data Ġenerali relatata mal-pjan għar-rimi tal-iskart radjuattiv (2) li joriġina mis-sit tal-impjant tal-enerġija nukleari Paks II.
Fit-30 ta’ Marzu, fid-9 ta’ Ġunju u fit-12 ta’ Lulju, il-Kummissjoni talbet informazzjoni addizzjonali dwar dan il-pjan, u din ingħatat mir-Rappreżentanza Permanenti tal-Ungerija fis-27 ta’ April, fis-17 ta’ Ġunju u fit-23 ta’ Lulju. Barra minn hekk, ir-rappreżentanti tal-Gvern Ungeriż taw informazzjoni kumplimentari fil-laqgħa plenarja tal-Grupp ta’ Esperti, li saret fid-9 u fl-10 ta’ Ġunju 2021 (b’vidjokonferenza). Abbażi tad-Data Ġenerali u l-informazzjoni addizzjonali pprovduti, il-Kummissjoni fasslet l-opinjoni li ġejja:
|
1. |
Id-distanza mis-sit sal-eqreb Stat Membru, il-Kroazja, hija 75km. Il-fruntiera tas-Serbja, bħala pajjiż ġar, tinsab 66km ’il bogħod. |
|
2. |
F’kundizzjonijiet normali ta’ operat, ir-rilaxx ta’ effluwenti radjuattivi gassużi u likwidi aktarx li ma jirriżultawx f’esponiment tal-popolazzjoni ta’ Stat Membru ieħor jew ta’ pajjiż terz li jkun sinifikanti mil-lat ta’ saħħa, fir-rigward tal-limiti tad-doża stabbiliti fid-Direttiva tal-Istandards Bażiċi tas-Sikurezza (id-Direttiva tal-Kunsill 2013/59/Euratom) (3). |
|
3. |
L-iskart radjuattiv solidu ta’ livell baxx u intermedju se jintrema fir-Repożitorju Nazzjonali tal-Iskart Radjuattiv taħt l-art f’Bátaapáti. L-elementi tal-fjuwil użat se jinħażnu temporanjament fis-sit (f’faċilità ġdida li trid tinbena u mhix inkluża f’din is-sottomissjoni). Ix-xenarju ta’ referenza ppjanat hu li l-elementi tal-fjuwil sussegwentement se jintremew f’repożitorju ġeoloġiku fond fl-Ungerija. Ir-riproċessar tal-fjuwil użat jaf ikun alternattiva. Jekk il-fjuwil użat jinġarr lejn pajjiż terz għar-riproċessar, dan irid jerġa’ lura l-Ungerija għar-rimi b’applikazzjoni tal-Artikolu 4, il-paragrafu 2, tad-Direttiva dwar l-Iskart Radjuattiv (id-Direttiva tal-Kunsill 2011/70/Euratom (4)), li skontha, meta l-fjuwil użat jinġarr lejn pajjiż terz għar-riproċessar, l-Istat Membru tal-oriġini jenħtieġ li jibqa’ jkollu r-responsabbiltà aħħarija għar-rimi sikur u responsabbli ta’ dak il-materjal, inkluż ta’ kull skart bħala prodott sekondarju. Jekk il-fjuwil użat jinġarr lejn pajjiż terz għar-rimi, jenħtieġ li jiġu ssodisfati r-rekwiżiti li ġejjin: (i) il-fjuwil użat irid jitqies bħala “skart radjuattiv” mill-awtorità regolatorja kompetenti Ungeriża, f’konformità mad-definizzjoni pprovduta fl-Artikolu 3(7) tad-Direttiva; (ii) waqt il-ġarr, irid ikun daħal fis-seħħ ftehim bejn il-pajjiż terz tad-destinazzjoni u l-Ungerija dwar l-użu ta’ faċilità tar-rimi fil-pajjiż terz tad-destinazzjoni; (iii) il-kundizzjonijiet elenkati fl-Artikolu 4(4) tad-Direttiva jridu jiġu ssodisfati, b’mod partikolari l-kundizzjoni taħt l-ittra c) tiegħu, li skonthom, il-pajjiż terz tad-destinazzjoni jrid ikollu faċilità tar-rimi operattiva. Finalment, jenħtieġ li jiġi enfasizzat li l-iskop tal-ġarr tal-fjuwil użat (sew għar-riproċessar jew għar-rimi) jeħtieġ jiġi stabbilit b’mod ċar u kkomunikat minn qabel mill-awtoritajiet kompetenti. |
|
4. |
Jekk ikun hemm aċċidenti tat-tip u tad-daqsijiet assoċjati ta’ rilaxxi mhux ippjanati ta’ effluwenti radjuattivi, kif ikkunsidrati fid-Data Ġenerali, id-dożi li aktarx jiġu riċevuti mill-popolazzjoni ta’ Stat Membru ieħor jew ta’ pajjiż terz ma jkunux sinifikanti mil-lat ta’ saħħa, fir-rigward tal-livelli ta’ referenza stabbiliti fid-Direttiva tal-Istandards Bażiċi tas-Sikurezza (id-Direttiva 2013/59/Euratom). |
|
5. |
Id-Data Ġenerali u l-informazzjoni addizzjonali sottomessi pprovdew data dwar l-analiżi tas-sismiċità tar-reġjun madwar is-sit tal-impjant tal-enerġija nukleari (ikklassifikata fir-reġjuni sismikament semiattivi) u dwar l-attività sismika massima probabbli (l-Anness I tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2010/635/Euratom). Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-awtoritajiet Ungeriżi biex ikomplu jimmonitorjaw mill-qrib l-iżvilupp tal-għarfien xjentifiku dwar is-sismoloġija tar-reġjun madwar is-sit tal-impjant tal-enerġija nukleari, biex iwettqu segwitu xieraq għal kull sejba, u biex jinfurmaw lill-Istati Membri ġirien u lill-Kummissjoni. |
Bħala konklużjoni, il-Kummissjoni jidhrilha li l-implimentazzjoni tal-pjan għar-rimi tal-iskart radjuattiv fi kwalunkwe forma, li joriġina miż-żewġ reatturi VVER tas-sit tal-impjant tal-enerġija nukleari Paks II li jinsab fil-Kontea ta’ Tolna, l-Ungerija, kemm waqt l-operat normali kif ukoll fil-każ ta’ aċċidenti tat-tip u tad-daqsijiet assoċjati ta’ rilaxx mhux ippjanat ta’ effluwenti radjuattivi, kif ikkunsidrati fid-Data Ġenerali, mhux bilfors tirriżulta f’kontaminazzjoni radjuattiva li tkun sinifikanti mil-lat ta’ saħħa, tal-ilma, tal-ħamrija jew tal-ispazju tal-ajru ta’ Stat Membru ieħor jew ta’ pajjiż terz, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Istandards Bażiċi tas-Sikurezza (id-Direttiva 2013/59/Euratom).
Magħmul fi Brussell, it-8 ta' Awwissu 2022.
Għall-Kummissjoni
Kadri SIMSON
Membru tal-Kummissjoni
(1) Pereżempju, skont it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-aspetti ambjentali jenħtieġ li jiġu vvalutati b’mod ulterjuri. Indikattivament, il-Kummissjoni tixtieq tiġbed l-attenzjoni għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2011/92/UE dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent, kif emendata bid-Direttiva 2014/52/UE; għad-Direttiva 2001/42/KE dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent, kif ukoll għad-Direttiva 92/43/KEE dwar il-konservazzjoni tal-ħabitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa, u għad-Direttiva 2000/60/KE li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma.
(2) Ir-rimi tal-iskart radjuattiv skont it-tifsira tal-punt 1 tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2010/635/Euratom tal-11 ta’ Ottubru 2010 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 37 tat-Trattat Euratom (ĠU L 279, 23.10.2010, p. 36).
(3) Id-Direttiva tal-Kunsill 2013/59/Euratom tal-5 ta’ Diċembru 2013 li tistabbilixxi standards bażiċi ta’ sikurezza għal protezzjoni kontra l-perikli li jirriżultaw minn esponiment għal radjazzjoni jonizzanti, u li tħassar id-Direttivi 89/618/Euratom, 90/641/Euratom, 96/29/Euratom, 97/43/Euratom u 2003/122/Euratom (ĠU L 13, 17.1.2014, p. 1).
(4) Id-Direttiva tal-Kunsill 2011/70/Euratom tad-19 ta’ Lulju 2011 li tistabbilixxi qafas Komunitarju għall-ġestjoni responsabbli u sikura ta’ fjuwil użat u skart radjuattiv (ĠU L 199, 2.8.2011, p. 48).