29.12.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 465/1


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/2324

tat-23 ta’ Awwissu 2021

li jemenda r-Regolament (UE) 2019/1241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ miżuri tekniċi għal ċertu sajd demersali u pelaġiku fil-Baħar Ċeltiku, fil-Baħar Irlandiż u fil-Punent tal-Iskozja

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2019/1241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar il-konservazzjoni ta’ riżorsi tas-sajd u l-protezzjoni ta’ ekosistemi tal-baħar permezz ta’ miżuri tekniċi, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006, (KE) Nru 1224/2009 u r-Regolamenti (UE) Nru 1380/2013, (UE) 2016/1139, (UE) 2018/973, (UE) 2019/472 u (UE) 2019/1022 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 894/97, (KE) Nru 850/98, (KE) Nru 2549/2000, (KE) Nru 254/2002, (KE) Nru 812/2004 u (KE) Nru 2187/2005 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 2(2), l-Artikolu 10(4) u l-Artikolu 15(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Fl-14 ta’ Awwissu 2019 daħal fis-seħħ ir-Regolament (UE) 2019/1241 (ir-“Regolament dwar il-Miżuri Tekniċi”) dwar il-miżuri ta’ konservazzjoni tar-riżorsi tas-sajd u l-protezzjoni tal-ekosistemi tal-baħar permezz ta’ miżuri tekniċi. Dan jistabbilixxi fl-Anness VI dispożizzjonijiet speċifiċi dwar miżuri tekniċi stabbiliti fil-livell reġjonali għall-ilmijiet tal-Unjoni tal-Ilmijiet tal-Majjistral.

(2)

Il-Belġju, Spanja, Franza, l-Irlanda u n-Netherlands għandhom interess ta’ ġestjoni dirett fis-sajd fl-Ilmijiet tal-Majjistral. Dawn l-Istati Membri ppreżentaw l-ewwel rakkomandazzjoni konġunta f’Mejju 2020. Il-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF) ivvaluta r-rakkomandazzjoni konġunta f’Lulju 2020. Wara l-parir tal-STECF, il-Kummissjoni stiednet lill-Istati Membri biex jallinjaw ir-rakkomandazzjoni konġunta mal-evalwazzjoni xjentifika. B’konsegwenza ta’ dan, l-Istati Membri ppreżentaw rakkomandazzjoni konġunta riveduta fl-14 ta’ Diċembru 2020.

(3)

Sakemm jiġu adottati l-miżuri proposti fir-rakkomandazzjoni konġunta permezz ta’ att delegat, fl-Artikoli 15 sa 17 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2021/92 (2) ġew stabbiliti miżuri ta’ rimedju skont it-tifsira tal-pjan pluriennali dwar l-Ilmijiet tal-Punent, li kellhom l-għan li jnaqqsu l-qabdiet inċidentali tal-bakkaljaw u l-merlangu fil-Baħar Ċeltiku u fiż-żoni ta’ maġenbhom, u miżuri tekniċi addizzjonali li għandhom l-għan li jnaqqsu l-qabdiet inċidentali tal-gadojd fil-Baħar Irlandiż u fil-Punent tal-Iskozja. Dawn il-miżuri kienu funzjonalment marbuta mal-livelli tat-TACs għall-ispeċijiet fil-mira li jinqabdu fis-sajd imħallat, peress li, mingħajr dawk il-miżuri, tali livelli ta’ TACs kien ikollhom jitnaqqsu biex jippermettu l-irkupru tal-istokkijiet tal-qabdiet inċidentali.

(4)

Parti mill-Ilmijiet tal-Majjistral ma għadhiex fl-Ilmijiet tal-UE, u għalhekk huwa meħtieġ li l-UE u r-Renju Unit jieħdu sehem f’konsultazzjonijiet dwar miżuri komuni. Għalkemm l-UE u r-Renju Unit ma laħqux ftehim dwar miżuri tekniċi allinjati funzjonalment marbuta, jeħtieġ li titkompla l-applikazzjoni tal-miżuri tekniċi eżistenti funzjonalment marbuta stabbiliti fl-Artikoli 15 sa 17 tar-Regolament (UE) 2021/92 li ppermettew li jiġu stabbiliti t-TACs tal-ispeċijiet fil-mira fil-livelli proposti f’dak ir-Regolament mingħajr ma jiġi ppreġudikat l-istat tal-istokkijiet inevitabbli tal-qabdiet inċidentali fl-ilmijiet tal-Unjoni, u li jiġi rikonoxxut bħala prijorità għall-UE li dan il-ftehim jintlaħaq fil-bidu tal-2022. Kull miżura teknika stabbilita bi ftehim ma’ pajjiżi terzi għall-2022 se jkollha tiġi implimentata fid-dritt tal-UE permezz ta’ qafas legali applikabbli.

(5)

B’mod parallel man-negozjati li għaddejjin mar-Renju Unit, l-Istati Membri kkonċernati, jiġifieri l-Belġju, Spanja, Franza, l-Irlanda u n-Netherlands ippreżentaw rakkomandazzjoni konġunta ġdida fit-30 ta’ April 2021 li tirriproduċi r-rakkomandazzjoni konġunta ppreżentata fl-2020, bl-inklużjoni ta’ speċifikazzjoni ġdida fid-diviżjoni tal-ICES 7a (il-Baħar Irlandiż). Din ir-rakkomandazzjoni konġunta pproponiet li dawn il-miżuri jibqgħu fis-seħħ filwaqt li ma ntlaħaqx ftehim mar-Renju Unit.

(6)

Dan ir-Regolament għandu l-għan li jinkorpora f’att wieħed dispożizzjonijiet eżistenti dwar miżuri tekniċi li fil-passat kienu adottati bħala parti mill-pjanijiet għall-iskartar tal-ħut għall-Ilmijiet tal-Majjistral, miżuri tekniċi li jikkorrispondu għall-miżuri stabbiliti fl-Artikoli 15 sa 17 fir-Regolament (UE) 2021/92, u barra minn hekk, il-miżuri dwar irkaptu tas-sajd ġdid għall-Baħar Irlandiż inklużi fir-rakkomandazzjoni konġunta tal-2021.

(7)

Il-miżuri f’dan ir-Regolament applikabbli għall-ilmijiet tal-Unjoni għandhom l-għan li jilħqu l-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 494(1) u (2) tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra (3), u jikkunsidraw il-prinċipji msemmija fl-Artikolu 494(3) ta’ dak il-ftehim. Dawn huma mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe miżura applikabbli fl-ilmijiet tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq.

(8)

Abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri, l-STECF ivvaluta (4) (5) l-evidenza pprovduta mill-gruppi reġjonali insostenn tal-miżuri tekniċi inklużi fir-rakkomandazzjoni konġunta.

(9)

Il-miżuri inklużi f’dan ir-Regolament ġew evalwati f’konformità mal-Artikoli 2(2), 15 u 18 tar-Regolament (UE) 2019/1241. L-Istati Membri pprovdew evidenza biex juru li l-proposti huma konformi mal-Artikolu 15(4) u (5) tar-Regolament (UE) 2019/1241.

(10)

Il-Grupp ta’ Esperti għas-Sajd ġie kkonsultat dwar ir-rakkomandazzjoni konġunta fis-16 ta’ Lulju 2021.

(11)

Ir-rakkomandazzjoni konġunta ssuġġeriet miżuri speċifiċi biex jitnaqqsu l-qabdiet inċidentali tal-bakkaljaw u tal-merlangu fil-Baħar Ċeltiku u fiż-żoni ta’ maġenbhom abbażi tal-miżuri ta’ rimedju li kienu fis-seħħ fl-2020 (6). Dawn il-miżuri speċifiċi jikkonċernaw xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ u t-tartaruni fid-diviżjonijiet tal-ICES minn 7f, 7 g, il-parti ta’ 7h fit-Tramuntana tal-latitudni 49° 30′ N u l-parti ta’ 7j fit-Tramuntana tal-latitudni 49° 30′ N u fil-Lvant tal-lonġitudni 11° W, kif ukoll bastimenti li jistadu bi xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ li l-qabdiet tagħhom imkejla qabel kwalunkwe skartar tal-ħut jikkonsistu f’mill-inqas 20 % tal-merluzz tal-linja sewda. L-STECF ikkonkluda (7) li l-irkapti proposti huma aktar selettivi mill-miżuri deskritti fir-Regolament (UE) 2019/1241. Għalhekk, jenħtieġ li l-miżuri proposti jiġu inklużi fir-Regolament Delegat (UE) 2019/1241.

(12)

Ir-rakkomandazzjoni konġunta ssuġġeriet kundizzjonijiet speċifiċi għall-Baħar Ċeltiku fir-rigward tal-kompożizzjoni tal-qbid, u b’mod partikolari meta l-qabdiet inċidentali tal-bakkaljaw ma jaqbżux il-1,5 %. L-STECF ma huwiex ħerqan li jistabbilixxi kundizzjonijiet ibbażati fuq il-limiti tal-qbid inċidentali minħabba l-istatus ħażin tal-istokkijiet f’dawn iż-żoni. Madankollu, l-STECF innota wkoll (8) li anke jekk ir-regola ta’ qbid inċidentali tal-bakkaljaw ta’ 1,5 % ma tinqabiżx bi kwalunkwe vjaġġ, l-irkapti alternattivi speċifikati fir-rakkomandazzjoni konġunta xorta jkunu aktar selettivi mill-irkapti ta’ referenza fir-Regolament (UE) 2019/1241. Għalhekk, jenħtieġ li l-miżuri proposti jiġu inklużi fir-Regolament Delegat (UE) 2019/1241.

(13)

Ir-rakkomandazzjoni konġunta ssuġġeriet miżuri tekniċi speċifiċi għal xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ u għal tartaruni fid-diviżjonijiet tal-ICES minn 7f sa 7k u fiż-żona fil-Punent tal-lonġitudni 5° W fid-diviżjoni tal-ICES 7e. L-STECF ikkonkluda li dawn il-miżuri huma aktar selettivi mill-miżuri proposti fir-Regolament (UE) 2019/1241. Għalhekk, jenħtieġ li dawn il-miżuri jiġu inklużi fir-Regolament (UE) 2019/1241.

(14)

Ir-rakkomandazzjoni konġunta ssuġġeriet kundizzjonijiet speċifiċi fil-Baħar Ċeltiku meta l-qabda tinkludi aktar minn 30 % tal-iskampu. L-STECF ikkonkluda (9) li b’mod ġenerali, l-għażliet proposti huma aktar selettivi jew tal-anqas ekwivalenti għal irkapti speċifikati fid-derogi għas-sajd dirett tar-Regolament (UE) 2019/1241. Fir-rigward tal-manka doppja, l-STECF kien ivvaluta studju ta’ sostenn f’rapporti preċedenti (10) u kkonkluda li, fil-prinċipju, għandu l-potenzjal li jnaqqas il-qbid inċidentali ta’ speċijiet mhux mixtieqa filwaqt li jżomm il-qabdiet ta’ speċijiet fil-mira. Jenħtieġ li l-Istati Membri jippreżentaw speċifikazzjonijiet addizzjonali għall-valutazzjoni mill-STECF sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Mejju 2022. Għalhekk, jenħtieġ li dawn il-miżuri jiġu inklużi fir-Regolament (UE) 2019/1241.

(15)

Ir-rakkomandazzjoni konġunta ssuġġeriet kundizzjonijiet speċifiċi fil-Baħar Ċeltiku meta l-qabdiet jinkludu aktar minn 55 % tal-merlangu jew 55 % tal-petriċa, tal-merluzz jew tal-megrim flimkien. Għalkemm l-STECF ma huwiex ħerqan li jintroduċi kundizzjonijiet fir-rigward tal-kompożizzjoni tal-qabdiet (11), huwa jikkonkludi li l-miżuri proposti għadhom aktar selettivi mil-linja bażi introdotta mir-Regolament dwar Miżuri Tekniċi. Għalhekk, jenħtieġ li dawn il-miżuri jiġu inklużi fir-Regolament (UE) 2019/1241.

(16)

Ir-rakkomandazzjoni konġunta ssuġġeriet miżuri tekniċi speċifiċi fil-Punent tal-Iskozja. L-STECF ikkonkluda li l-irkapti proposti x’aktarx li jtejbu s-selettività tal-bakkaljaw, tal-merluzz tal-linja sewda u tal-merlangu. Għalhekk, jenħtieġ li dawn il-miżuri jiġu inklużi fir-Regolament (UE) 2019/1241.

(17)

Ir-rakkomandazzjoni konġunta ssuġġeriet miżuri tekniċi speċifiċi fil-Baħar Irlandiż għal xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ jew tartaruni b’daqs tal-malja tal-manka ta’ 70 mm jew akbar, u iżgħar minn 100 mm, u b’qabdiet li jinkludu aktar minn 30 % tal-iskampu. L-STECF ikkonkluda (12) li dawn l-irkapti x’aktarx li jnaqqsu l-qabdiet tal-bakkaljaw, tal-merluzz tal-linja sewda u tal-merlangu meta mqabbla mal-miżuri stabbiliti fir-Regolament dwar Miżuri Tekniċi. Għalhekk, jenħtieġ li dawn il-miżuri jiġu inklużi fir-Regolament (UE) 2019/1241.

(18)

Ir-rakkomandazzjoni konġunta ssuġġeriet miżuri tekniċi speċifiċi fil-Baħar Irlandiż għal bastimenti b’tul totali ta’ 12-il metru jew aktar li joperaw bi xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ jew tartaruni bi speċifiċitajiet dwar il-kompożizzjoni tal-qabdiet għall-merluzz tal-linja sewda, il-bakkaljaw, ir-rebekkini u r-raj flimkien. B’mod ġenerali, l-STECF ikkunsidra (13) (14) li l-irkapti proposti fir-rakkomandazzjoni konġunta huma aktar selettivi mill-irkapti deskritti fir-Regolament dwar Miżuri Tekniċi. Għalhekk, jenħtieġ li dawn il-miżuri jiġu inklużi fir-Regolament (UE) 2019/1241.

(19)

Din ir-rakkomandazzjoni konġunta, tinkludi għall-2021 l-ispeċifikazzjoni għal irkaptu tas-sajd għal xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ u tartaruni fid-diviżjoni tal-ICES 7a (il-Baħar Irlandiż) abbażi ta’ selettività ekwivalenti bħall-irkaptu tas-sajd ta’ referenza kif stabbilit mir-Regolament (UE) 2019/1241 għal dik iż-żona u s-sajd. F’Ġunju 2021, l-STECF ivvaluta l-evidenza xjentifika l-ġdida li tirfed il-bidla fir-rakkomandazzjoni konġunta li tikkonkludi, għal selettività simili, karatteristiċi tal-irkaptu mqabbel mal-irkaptu tas-sajd ta’ referenza.

(20)

Ir-rakkomandazzjoni konġunta ssuġġeriet li jiġi armonizzat id-daqs minimu ta’ referenza għall-konservazzjoni (MCRS) għal diversi speċijiet maqbuda fis-sajd rikreattiv fl-Ilmijiet tal-Majjistral bid-daqs minimu ta’ referenza għall-konservazzjoni applikabbli għas-sajd kummerċjali. Għadd ta’ speċijiet inklużi fir-rakkomandazzjoni konġunta għall-armonizzazzjoni tal-MCRS huma kklassifikati mill-ICES bħala eżawriti, jew l-ICES iqis li s-sajd rikreattiv għandu impatt sinifikanti fuq il-mortalità ġenerali tas-sajd tagħhom. Barra minn hekk, għadd ta’ dawk l-istess speċijiet jaqsmu mill-Ilmijiet tal-Lbiċ (SWW) u mill-Baħar tat-Tramuntana (NS) għall-Ilmijiet tal-Majjistral, u fl-SWW u l-NS, l-MCRS għal dawk l-ispeċijiet diġà ġew armonizzati bejn is-sajd kummerċjali u rikreattiv. L-STECF analizza l-evidenza pprovduta u kkonkluda (15) li din il-miżura x’aktarx issaħħaħ il-protezzjoni ta’ speċijiet tal-frieħ tal-ħut tal-baħar. Għalhekk, jenħtieġ li dawn il-miżuri jiġu inklużi fir-Regolament (UE) 2019/1241.

(21)

Għalhekk, biex jiġu ottimizzati x-xejriet tal-isfruttar, tiżdied is-selettività tal-irkaptu u jitnaqqsu l-qabdiet mhux mixtieqa, huwa xieraq li jiġu adottati l-miżuri tekniċi li ppreżentaw l-Istati Membri.

(22)

Billi l-miżuri previsti f’dan ir-Regolament għandhom impatt dirett fuq l-ippjanar tal-istaġun tas-sajd tal-bastimenti tal-Unjoni u fuq l-attivitajiet ekonomiċi relatati, dan ir-Regolament jenħtieġ li jidħol fis-seħħ immedjatament wara l-pubblikazzjoni tiegħu,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE) 2019/1241 huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Il-punt 2 u l-punt 3 fl-Anness għandhom japplikaw mit-30 ta’ Diċembru 2021 sal-31 ta’ Diċembru 2022.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u jkun direttament applikabbli fl-Istati Membri f’konformità mat-Trattati.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Awwissu 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 198, 25.7.2019, p. 105.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2021/92 tat-28 ta’ Jannar 2021 li jistabbilixxi għall-2021 l-opportunitajiet tas-sajd għal ċerti stokkijiet tal-ħut u ċerti gruppi ta' stokkijiet tal-ħut, applikabbli fl-ilmijiet tal-Unjoni u, għal bastimenti tas-sajd tal-Unjoni, f'ċerti ilmijiet mhux tal-Unjoni (ĠU L 31, 29.1.2021, p. 31).

(3)  ĠU L 149, 30.4.2021, p. 10.

(4)  https://stecf.jrc.ec.europa.eu/documents/43805/2684997/STECF+PLEN+20-02.pdf

(5)  https://stecf.jrc.ec.europa.eu/documents/43805/2874177/STECF+21-05+-+Ev+JRs+LO+and+TM+Reg.pdf/caa87b65-ea4a-491a-8e59-4111e01e1c1d

(6)  ĠU L 25, 30.1.2020, p. 1.

(7)  https://stecf.jrc.ec.europa.eu/documents/43805/2684997/STECF+PLEN+20-02.pdf

(8)  https://stecf.jrc.ec.europa.eu/documents/43805/2684997/STECF+PLEN+20-02.pdf

(9)  https://stecf.jrc.ec.europa.eu/documents/43805/2684997/STECF+PLEN+20-02.pdf

(10)  https://stecf.jrc.ec.europa.eu/documents/43805/2492225/JRC117511+STECF+19-08+-+Evaluation+LO+JRs.pdf

(11)  https://stecf.jrc.ec.europa.eu/documents/43805/2684997/STECF+PLEN+20-02.pdf

(12)  https://stecf.jrc.ec.europa.eu/documents/43805/2684997/STECF+PLEN+20-02.pdf

(13)  https://stecf.jrc.ec.europa.eu/documents/43805/2684997/STECF+PLEN+20-02.pdf

(14)  https://stecf.jrc.ec.europa.eu/documents/43805/2874177/STECF+21-05+-+Ev+JRs+LO+and+TM+Reg.pdf/caa87b65-ea4a-491a-8e59-4111e01e1c1d

(15)  https://stecf.jrc.ec.europa.eu/documents/43805/2684997/STECF+PLEN+20-02.pdf


ANNESS

L-Anness VI tar-Regolament (UE) 2019/1241 huwa emendat kif ġej:

(1)

il-Parti A hija emendata kif ġej:

(a)

in-nota 6 f’qiegħ il-paġna hija sostitwita kif ġej:

“(6)

B’deroga mill-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, id-daqsijiet minimi ta’ referenza għall-konservazzjoni tas-sardin, tal-inċova, tal-aringa, tas-sawrell u tal-kavall ma għandhomx japplikaw fi ħdan il-limitu ta’ 10 % tal-piż ħaj tal-qabdiet totali miżmuma abbord ta’ kull waħda minn dawn l-ispeċijiet.

Il-persentaġġ tas-sardin, tal-inċova, tal-aringa, tas-sawrell jew tal-kavall li jkunu iżgħar mid-daqs minimu ta’ referenza għall-konservazzjoni għandu jiġi kkalkolat bħala l-proporzjon tal-piż ħaj tal-organiżmi kollha tal-baħar abbord wara li jkunu ġew magħżula jew wara li jkunu nħattu l-art.

Il-persentaġġ jista’ jiġi kkalkolat fuq il-bażi ta’ kampjun rappreżentattiv wieħed jew aktar. Il-limitu ta’ 10 % ma għandux jinqabeż matul it-trasbord, il-ħatt l-art, it-trasport, il-ħażna, il-wiri jew il-bejgħ.”;

(b)

taħt it-tabella jitħassar it-test.

(c)

taħt it-tabella jiżdied il-punt li ġej:

“1.

Id-daqsijiet minimi ta’ referenza għall-konservazzjoni speċifikati f’din il-Parti għall-bakkaljaw(Gadus morhua), għall-merluzz tal-linja sewda (Melanogrammus aeglefinus), għall-pollakkju iswed (Pollachius virens), għall-pollakkju (Pollachius pollachius), għall-merluzz (Merluccius merluccius), għall-megrim (Lepidorhombus spp.), għall-lingwata (Solea spp.), għall-barbun tat-tbajja’ (Pleuronectes platessa), għall-merlangu (Merlangius merlangus), għal-lipp (Molva molva), għal-linarda (Molva dipterygia), għall-kavalli (Scomber spp.), għall-aringa (Clupea harengus), għas-sawrell (Trachurus spp.), għall-inċova (Engraulis encrasicolus) għall-ispnott (Dicentrarchus labrax), għas-sardin (Sardina pilchardus) u għall-paġella ħamra (Pagellus bogaraveo) għandhom japplikaw għas-sajd rikreattiv fl-Ilmijiet tal-Majjistral.

(2)

fil-Parti B, jiżdiedu l-punti 1.3 sa 1.6 li ġejjin:

“1.3.

Dan il-punt japplika permezz ta’ deroga mill-punti 1.1 u 1.2

1.3.1.

Dan li ġej għandu japplika għal bastimenti li jistadu bix-xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ u bit-tartaruni fid-diviżjonijiet tal-ICES 7f, 7 g, il-parti 7h fit-Tramuntana tal-latitudni 49° 30′ N u l-parti 7j fit-Tramuntana tal-latitudni 49° 30′ N u fil-Lvant tal-lonġitudni 11° W:

(a)

Il-bastimenti tal-Unjoni li jistadu bix-xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ jew bit-tartaruni għandhom jużaw irkaptu b’wieħed mid-daqsijiet tal-malji li ġejjin:

(i)

manka ta’ 110 mm b’pannell b’malja kwadra ta’ 120 mm;

(ii)

manka T90 ta’ 100 mm;

(iii)

manka ta’ 120 mm;

(iv)

100 mm b’pannell b’malja kwadra ta’ 160 mm;

(b)

minbarra dan, il-bastimenti li jistadu bix-xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ li l-qabdiet tagħhom li ntiżnu qabel kwalunkwe skartar tal-ħut, jikkonsisti f’mill-inqas 20 % ta’ merluzz tal-linja sewda għandhom jużaw:

(i)

irkaptu tas-sajd magħmul bi spazju minimu ta’ metru bejn il-linja tas-sajd u l-apparat tal-qiegħ, jew

(ii)

kull mezz ippruvat li huwa tal-inqas ugwalment selettiv għall-evitar tal-bakkaljaw, skont il-valutazzjoni mill-ICES jew mill-STECF, u approvat mill-Kummissjoni.

L-Istati Membri jistgħu jeżentaw mill-applikazzjoni tal-punt (b) il-bastimenti li jistadu bix-xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ li l-qabdiet tagħhom li ntiżnu qabel kwalunkwe skartar tal-ħut, jikkonsistu f’inqas minn 1,5 % ta’ bakkaljaw, dment li dawk il-bastimenti jkunu soġġetti għal żieda progressiva fil-kopertura tal-osservaturi fuq il-baħar sa mill-inqas 20 % tal-vjaġġi tas-sajd kollha tagħhom. L-Istati Membri li jagħmlu użu minn din l-eżenzjoni għandhom kull sena qabel l-1 ta’ Diċembru, jirrappurtaw lill-Kummissjoni l-għadd u l-kompożizzjoni tal-qbid tal-bastimenti li jagħmlu użu minn din id-dispożizzjoni.

L-Istati Membri jistgħu jeżentaw mill-applikazzjoni tal-punti (a) u (b) bastimenti li jużaw irkaptu alternattiv selettiv ħafna dment li l-attributi tekniċi ta’ dawk l-irkapti jirriżultaw fl-istess selettività jew f’selettività ogħla bħall-irkapti speċifikati f’dawk il-punti, u jirriżultaw f’qabdiet ta’ inqas minn 1 % ta’ merluzz, skont valutazzjoni magħmula mill-STECF. Tali rkaptu jew apparat għandu jikkonforma mar-rekwiżiti tal-Artikolu 15(4) u għandu jiġi approvat mill-Kummissjoni.

1.3.2.

B’deroga mill-punti 1.1, 1.2 u 1.3.1:

(a)

il-bastimenti li joperaw bix-xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ jew bit-tartaruni b’qabdiet li jkunu jinkludu aktar minn 30 % ta’ skampu għandhom jużaw wieħed mill-irkapti li ġejjin:

(i)

pannell b’ malja kwadra ta’ 300 mm; bastimenti tat-tul totali ta’ inqas minn 12-il metru jistgħu jużaw pannell b’malja kwadra ta’ 200 mm;

(ii)

pannell Seltra;

(iii)

għarbiel għas-separazzjoni bi spazju ta’ bejn il-vireg ta’ 35 mm jew apparat ta’ selettività Netgrid simili;

(iv)

manka ta’ 100 mm b’pannell b’malja kwadra ta’ 100 mm;

(v)

sal-31 ta’ Lulju 2022, manka doppja bil-manka ta’ fuq nett magħmula b’malja T90 ta’ mill-inqas 90 mm u mgħammra b’pannell ta’ separazzjoni b’daqs massimu tal-malja ta’ 300 mm;

L-Istati Membri jistgħu jippermettu l-użu tal-apparat fil-punt (v) sal-aħħar ta’ Diċembru 2022, dment li l-attributi tekniċi ta’ dan l-apparat jirriżultaw fl-istess selettività jew ogħla bħall-irkapti l-oħra speċifikati fil-punti 1.2. u 1.3.1, skont valutazzjoni magħmula mill-STECF abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Mejju 2022. Tali apparat għandu jikkonforma mar-rekwiżiti tal-Artikolu 15(4) u għandu jiġi approvat mill-Kummissjoni.

(b)

il-bastimenti li joperaw bix-xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ jew bit-tartaruni b’qabdiet li jkunu jinkludu aktar minn 55 % ta’ merlangu jew 55 % ta’ petriċa, merluzz jew megrim imħallta għandhom jużaw wieħed mill-irkapti li ġejjin:

(i)

manka ta’ 100 mm b’pannell b’malja kwadra ta’ 100 mm;

(ii)

manka T90 ta’ 100 mm u estensjoni.

1.4.

Il-punti 1.4.1 u 1.4.2 għandhom japplikaw b’deroga mill-punt 1.2.

1.4.1.

Dan li ġej għandu japplika għall-bastimenti tas-sajd li joperaw bix-xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ jew bit-tartaruni fid-diviżjonijiet tal-ICES 6a u 5b, fl-ilmijiet tal-Unjoni, fil-Lvant ta’ 12° W (il-Punent tal-Iskozja) fis-sajd tal-iskampu (Nephrops norvegicus):

(a)

il-bastimenti għandhom jużaw pannell b’malja kwadra (il-pożizzjoni miżmuma) ta’ mill-inqas 300 mm għall-bastimenti li jkunu qed jużaw daqs ta’ malja iżgħar minn 100 mm għall-manka; għall-bastimenti tat-tul totali ta’ inqas minn 12 m u/jew bil-potenza tal-magna ta’ 200 kW jew inqas, it-tul totali tal-pannell jista’ jkun ta’ 2 m u l-pannell 200 mm;

(b)

il-bastimenti b’qabdiet li jinkludu aktar minn 30 % ta’ skampu għandhom jużaw pannell b’malji kwadri (il-pożizzjoni miżmuma) ta’ mill-inqas 160 mm għal bastimenti li jużaw daqs tal-malja tal-manka ta’ 100–119 mm.

B’deroga mill-ittri (a) u (b) tal-punt 1.4.1, l-użu ta’ rkaptu tas-sajd alternattiv għandu jkun permess sakemm tali rkaptu jirriżulta mill-inqas fl-istess selettività jew f’selettività ogħla għall-bakkaljaw, għall-merluzz tal-linja sewda u għall-merlangu, skont valutazzjoni magħmula mill-STECF. Tali rkaptu għandu jikkonforma mar-rekwiżiti tal-Artikolu 15(4) u għandu jiġi approvat mill-Kummissjoni.

1.4.2.

Dan li ġej għandu japplika għall-bastimenti tas-sajd li joperaw bix-xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ jew bit-tartaruni fid-diviżjoni tal-ICES 7a (il-Baħar Irlandiż):

(a)

il-bastimenti li joperaw bix-xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ jew bit-tartaruni b’manka b’malja ta’ 70 mm jew akbar u iżgħar minn 100 mm u b’qabdiet li jkunu jinkludu aktar minn 30 % ta’ skampu, għandhom jużaw wieħed mill-irkapti li ġejjin:

(i)

pannell b’malja kwadra ta’ 300 mm; il-bastimenti tat-tul totali ta’ inqas minn 12-il metru jistgħu jużaw pannell b’malja kwadra ta’ 200 mm;

(ii)

pannell Seltra;

(iii)

għarbiel għas-separazzjoni bi spazju ta’ bejn il-vireg ta’ 35 mm;

(iv)

CEFAS Netgrid;

(v)

xibka tat-tkarkir flip-flap;

(b)

il-bastimenti tat-tul totali ta’ 12-il metru jew aktar li joperaw bix-xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ jew bit-tartaruni b’qabdiet li jkunu jinkludu aktar minn 10 % ta’ merluzz tal-linja sewda, ta’ bakkaljaw u ta’ rebekkini u ta’ raj imħallta, għandhom jużaw manka ta’ 120 mm;

(c)

il-bastimenti tat-tul totali ta’ 12-il metru jew aktar li joperaw bix-xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ jew bit-tartaruni b’qabdiet li jkunu jinkludu anqas minn 10 % ta’merluzz tal-linja sewda, ta’ bakkaljaw u ta’ rebekkini u ta’ raj imħallta, għandhom jużaw daqs ta’ malja ta’ 100 mm għall-manka b’pannell b’malja kwadra ta’ 100 mm. Din id-dispożizzjoni ma għandhiex tapplika għal bastimenti b’qabdiet li jkunu jinkludu aktar minn 30 % ta’ skampu jew aktar minn 85 % ta’ mrewħa.

(d)

il-bastimenti li joperaw bix-xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ jew bit-tartaruni jistgħu jużaw manka T90 ta’ 100 mm.

B’deroga mill-ittri (a) sa (d) tal-punt 1.4.2, l-użu ta’ rkaptu tas-sajd alternattiv għandu jkun permess sakemm tali rkapti jirriżultaw f’mill-inqas l-istess selettività jew ogħla għall-bakkaljaw, għall-merluzz tal-linja sewda u għall-merlangu. Tali rkapti għandhom jiġu vvalutati mill-STECF u approvati mill-Kummissjoni u għandhom jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 15(4).

1.5.

Il-persentaġġi tal-qabdiet fil-punti 1.3 u 1.4 għandhom jiġu kkalkulati bħala l-proporzjon skont il-piż ħaj tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar kollha li jinħattu l-art wara kull vjaġġ tas-sajd, skont l-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 u l-Artikolu 27(2) ta’ dan ir-Regolament.

1.6.

Il-miżuri fil-punti 1.3 sa 1.5 għandhom ikunu applikabbli sal-31 ta’ Diċembru 2022.”

(3)

fil-Parti C, jiżdiedu l-punti li ġejjin:

“10.

Restrizzjonijiet fuq is-sajd bix-xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ u bit-tartaruni fil-Baħar Ċeltiku

10.1.

Għandu jkun ipprojbit għall-bastimenti li jistadu bix-xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ u bit-tartaruni fiż-żoni li ġejjin:

(a)

id-diviżjonijiet tal-ICES minn 7f sa 7k,

(b)

fiż-żona fil-Punent tal-lonġitudni 5° W fid-diviżjoni tal-ICES 7e u

(c)

fid-diviżjonijiet tal-ICES 7b u 7c.

Din il-projbizzjoni m’għandhiex tapplika għall-bastimenti f’każ li:

(i)

jużaw malji tal-manka ta’ mill-inqas 100 mm, jew

(ii)

il-qabdiet inċidentali tagħhom tal-bakkaljaw ma jaqbżux il-1,5 %, kif ivvalutat mill-STECF, meta jistadu barra miż-żoni msemmija fil-punt 1.3 tal-Parti B.

B’deroga mill-ittra (i), meta l-bastimenti tas-sajd joperaw fiż-żoni speċifikati fil-punt 10 (1) (c), huma jistgħu jużaw irkaptu tas-sajd alternattiv bl-istess selettività jew b’selettività ogħla bħad-daqs tal-malja tal-manka ta’ mill-inqas 100 mm għas-sajd demersali mħallat, skont valutazzjoni mill-STECF. Tali rkaptu għandu jikkonforma mar-rekwiżiti tal-Artikolu 15(4) u għandu jiġi approvat mill-Kummissjoni.

10.2.

Il-miżuri fil-punt 10.1 għandhom ikunu applikabbli sal-31 ta’ Diċembru 2022.”