22.12.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 458/486


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/2290

tal-21 ta’ Diċembru 2021

li jistabbilixxi regoli dwar il-metodi għall-kalkolu tal-indikaturi komuni tal-output u tar-riżultati stabbiliti fl-Anness I tar-Regolament (UE) 2021/2115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli dwar l-appoġġ għall-pjanijiet strateġiċi li għandhom jitfasslu mill-Istati Membri skont il-Politika Agrikola Komuni (Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK) u ffinanzjati mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1305/2013 u (UE) Nru 1307/2013

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2021/2115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-2 ta’ Diċembru 2021 li jistabbilixxi regoli dwar l-appoġġ għall-pjanijiet strateġiċi li għandhom jitfasslu mill-Istati Membri skont il-Politika Agrikola Komuni (Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK) u ffinanzjati mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1305/2013 u (UE) Nru 1307/2013 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 133 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2021/2115 jistabbilixxi qafas legali ġdid għall-politika agrikola komuni (PAK) biex itejjeb it-twettiq tagħha tal-objettivi tal-Unjoni. Dak ir-Regolament jistabbilixxi l-objettivi tal-Unjoni għall-PAK u jiddefinixxi t-tipi ta’ intervent kif ukoll ir-rekwiżiti komuni tal-Unjoni applikabbli għall-Istati Membri, filwaqt li jħalli flessibbiltà għall-Istati Membri fit-tfassil tal-interventi li jeħtieġ jiġu pprovduti fil-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK tagħhom. L-Istati Membri jridu jfasslu dawk il-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK u jippreżentaw il-proposti tagħhom għal dawk il-pjanijiet lill-Kummissjoni sal-1 ta’ Jannar 2022.

(2)

Skont l-Artikolu 128 tar-Regolament (UE) 2021/2115 jeħtieġ jiġi stabbilit qafas ta’ prestazzjoni li jippermetti r-rapportar, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-prestazzjoni tal-Pjan Strateġiku tal-PAK matul l-implimentazzjoni tiegħu. Għal dak l-għan, l-indikaturi komuni tal-output u tar-riżultati huma stabbiliti fl-Anness I tar-Regolament (UE) 2021/2115, li huma l-bażi għall-mekkaniżmi tal-approvazzjoni tal-prestazzjoni u r-rieżami tal-prestazzjoni, kif ukoll għall-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-PAK. Jeħtieġ li jiġu stabbiliti regoli ċari u komuni dwar il-metodi għall-kalkolu ta’ dawk l-indikaturi.

(3)

Peress li l-Istati Membri jeħtieġ li jkollhom regoli dwar il-metodi għall-kalkolu tal-indikaturi komuni tal-output u tar-riżultati meta jkunu qed jiżviluppaw l-abbozzi tal-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK tagħhom għas-sottomissjoni lill-Kummissjoni sal-1 ta’ Jannar 2022, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(4)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar il-Fondi Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-metodi għall-kalkolu tal-indikaturi komuni tal-output u tar-riżultati stabbiliti fl-Anness I tar-Regolament (UE) 2021/2115 huma stabbiliti fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Diċembru 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 435, 6.12.2021, p. 1.


ANNESS

METODI GĦALL-KALKOLU TAL-INDIKATURI KOMUNI TAL-OUTPUT U TAR-RIŻULTATI STABBILITI FL-ANNESS I TAR-REGOLAMENT (UE) 2021/2115

INDIKATURI TAL-OUTPUT

Metodi ta’ kalkolu għall-indikaturi tal-output li għandhom jintużaw għall-approvazzjoni tal-prestazzjoni

1.

Meta jikkalkolaw l-indikaturi għall-fini tal-approvazzjoni tal-prestazzjoni, l-Istati Membri għandhom iqisu dan li ġej:

(a)

l-ippjanar tal-outputs għandu jsir għal kull sena finanzjarja agrikola u għandu jsir kif ġej:

(i)

għal kull intervent. Jekk jiġu stabbiliti diversi ammonti unitarji għal intervent, l-outputs jistgħu jiġu ppjanati jew għal kull ammont unitarju, għal gruppi ta’ ammonti unitarji, jew għall-ammonti unitarji kollha. Jekk tiġi stabbilita aktar minn unità ta’ kejl waħda għall-indikatur tal-output tal-intervent, għandu jsir ippjanar għal kull unità ta’ kejl;

(ii)

għal kull settur għall-interventi fis-settur tal-frott u l-ħxejjex, fis-settur tal-ħops, fis-settur taż-żejt taż-żebbuġa u taż-żebbuġ tal-ikel u fis-setturi l-oħra msemmija fil-punt (f) tal-Artikolu 42, tar-Regolament (UE) 2021/2115;

(b)

ir-rapportar tal-outputs għandu jsir għal kull sena finanzjarja agrikola u għandu jsir għall-interventi kollha li għalihom ikunu saru l-pagamenti fis-sena finanzjarja agrikola kkonċernata kif ġej:

(i)

għal kull unità ta’ ammont;

(ii)

għal kull programm operazzjonali fis-settur tal-frott u l-ħxejjex, is-settur tal-ħops, is-settur taż-żejt taż-żebbuġa u taż-żebbuġ tal-ikel u fis-setturi l-oħra msemmija fil-punt (f) tal-Artikolu 42, tar-Regolament (UE) 2021/2115;

(c)

outputs iġġenerati minn intervent għandhom jiġu ppjanati u rrapportati darba biss skont l-indikatur tal-output assoċjat ma’ dak l-intervent fil-Pjan Strateġiku tal-PAK;

(d)

fil-każ li intervent ikun jinkludi appoġġ fil-forma ta’ għotjiet u strument finanzjarju, l-indikatur tal-output għandu jiġi kkalkolat għal kull forma ta’ appoġġ;

(e)

il-valur tal-output irrapportat għandu jikkorrispondi għall-proporzjon tan-nefqa effettivament imħallsa għal dak il-prodott fis-sena finanzjarja agrikola kkonċernata. Għandhom jiġu rrapportati outputs parzjali għal interventi parzjalment ikkompletati fis-sena finanzjarja agrikola partikolari.

Rapportar ta’ pagamenti bil-quddiem fl-indikaturi tal-output li għandhom jintużaw għall-approvazzjoni tal-prestazzjoni

2.

L-interventi li għalihom ikunu saru pagamenti fil-forma ta’ pagamenti bil-quddiem kif imsemmi fil-punt (a) tal-Artikolu 32(4) u fl-Artikolu 32(5) u fl-Artikolu 44(3), tar-Regolament (UE) 2021/2116 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) qabel ma jingħata l-output korrispondenti ma għandhomx jiġu inklużi fir-rapport annwali dwar il-prestazzjoni f’konformità mal-Artikolu 128 tar-Regolament (UE) 2021/2115 għas-sena finanzjarja agrikola li fiha jkun tħallas il-pagament bil-quddiem. Dawk il-pagamenti bil-quddiem għandhom jiġu rrapportati għas-sena finanzjarja agrikola li fiha l-output jitħallas kollu.

Rapportar tal-valuri aggregati tal-indikaturi tal-output u tal-valuri tal-indikaturi tal-output O.3 u O.34 li għandhom jintużaw għall-finijiet ta’ monitoraġġ, ta’ komunikazzjoni u ta’ evalwazzjoni

3.

Dan li ġej għandu japplika meta jiġu rrapportati l-valuri aggregati tal-indikaturi tal-output u valuri oħra tal-output:

(a)

meta jirrapportaw l-indikaturi tal-output użati għall-approvazzjoni tal-prestazzjoni, l-Istati Membri għandhom jinkludu wkoll il-valuri aggregati li ġejjin:

(i)

l-output totali għal kull intervent fejn jiġu stabbiliti diversi ammonti unitarji għal intervent;

(ii)

l-output totali għal kull unità ta’ kejl fil-każ li jiġu stabbiliti diversi unitajiet ta’ kejl għal intervent

(iii)

l-output totali għal kull tip ta’ intervent fil-każ li tip ta’ intervent ikollu diversi interventi;

(iv)

l-output totali għal kull unità ta’ kejl u, skont kif ikun xieraq, l-output totali bl-użu ta’ unità komuni ta’ kejl fil-każ li t-tip ta’ intervent jinkludi diversi interventi li l-output tagħhom jitkejjel b’unitajiet differenti ta’ kejl;

(v)

għall-indikaturi tal-output O.4, O.36 u O.37, fil-każ li l-interventi ma jappartjenux għall-istess tip ta’ intervent, l-output totali għal dawk l-interventi;

(b)

kull sena, l-Istati Membri għandhom jipprovdu valuri għall-indikaturi tal-output li ġejjin li ma ntużawx għall-approvazzjoni tal-prestazzjoni:

(i)

indikatur tal-output O.3:

għandu jiġi pprovdut il-valur ta’ dan l-indikatur għal kull intervent u għal kull tip ta’ intervent;

għandhom jiġu pprovduti l-għadd totali ta’ benefiċjarji tal-appoġġ tal-PAK li huma bdiewa u l-għadd totali ta’ bdiewa li jirċievu pagamenti diretti;

għandu jiġi pprovdut l-għadd totali ta’ benefiċjarji tal-appoġġ tal-PAK li huma bdiewa maqsum skont il-ġeneru;

il-benefiċjarji għandhom jingħaddu b’mod sħiħ;

(ii)

indikatur tal-output O.34:

għandu jiġi pprovdut l-għadd totali ta’ ettari li jirċievu l-appoġġ tal-PAK koperti mir-rekwiżiti statutorji rilevanti ta’ ġestjoni (SMR), mill-kondizzjonijiet agrikoli u ambjentali tajba (KAAT) stabbiliti skont it-Taqsima 2 tal-Kapitolu I tat-Titolu III, tar-Regolament (UE) 2021/2115 u skont il-prattiki ambjentali stabbiliti skont l-Artikoli 31 u 70 u l-Kapitolu III tat-Titolu III ta’ dak ir-Regolament, ħlief għall-interventi ppjanati f’unitajiet oħra;

għandu jiġi pprovdut l-għadd totali ta’ ettari skont il-prattiki ambjentali stabbiliti skont l-Artikoli 31 u 70 u l-Kapitolu III tat-Titolu III, tar-Regolament (UE) 2021/2115, ħlief għall-interventi ppjanati f’unitajiet oħra;

l-ettari għandhom jingħaddu b’mod sħiħ.

Metodi ta’ kalkolu għall-valuri aggregati tal-indikaturi tal-output li għandhom jintużaw għall-finijiet ta’ monitoraġġ, ta’ komunikazzjoni u ta’ evalwazzjoni

4.

Meta jiġu kkalkolati l-valuri aggregati tal-indikaturi tal-output, l-outputs għandhom jingħaddu kif ġej:

(a)

għall-valuri aggregati tal-indikaturi tal-output relatati mal-interventi koperti mis-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u ta’ kontroll imsemmija fl-Artikolu 65(1) tar-Regolament (UE) 2021/2116 (is-“sistema integrata”) u mal-interventi mħallsa bis-sħiħ fis-sena finanzjarja u mhux koperti mis-sistema integrata, l-outputs għandhom dejjem jingħaddu bis-sħiħ;

(b)

għall-valuri aggregati tal-indikaturi tal-output relatati ma’ interventi mhux koperti mis-sistema integrata li jitħallsu f’pagamenti parzjali differenti fuq diversi snin, għandhom jingħaddu l-outputs parzjali.

Finanzjament nazzjonali addizzjonali għall-indikaturi tal-output

5.

Meta l-appoġġ jingħata bħala finanzjament nazzjonali addizzjonali kif imsemmi fl-Artikolu 115(5) tar-Regolament (UE) 2021/2115 (“il-finanzjament nazzjonali addizzjonali”) għandu japplika dan li ġej:

(a)

l-outputs ippjanati għandhom jinkludu l-outputs iġġenerati minn finanzjament nazzjonali addizzjonali;

(b)

l-outputs iġġenerati minn finanzjament nazzjonali addizzjonali għandhom jiġu rrapportati b’mod separat mill-outputs iġġenerati min-nefqa pubblika għajr il-finanzjament nazzjonali addizzjonali;

(c)

l-outputs iġġenerati minn finanzjament nazzjonali addizzjonali ma għandhomx jitqiesu għall-fini tal-approvazzjoni tal-prestazzjoni;

(d)

l-outputs iġġenerati minn finanzjament nazzjonali addizzjonali għandhom jitqiesu fil-kalkolu tal-valuri aggregati tal-indikaturi tal-output għall-fini ta’ monitoraġġ, ta’ komunikazzjoni u ta’ evalwazzjoni.

Regoli għall-evitar tal-għadd doppju tal-indikaturi tal-output li għandhom jintużaw għall-finijiet ta’ monitoraġġ, ta’ komunikazzjoni u ta’ evalwazzjoni

6.

Biex jiġu kkalkolati l-valuri aggregati tal-indikaturi tal-output mingħajr għadd doppju, għandu japplika dan li ġej:

(a)

fil-każ li unità ta’ output tkun koperta minn interventi rilevanti, jew minn operazzjonijiet multipli fl-istess intervent, dik l-unità tal-output għandha tingħadd darba biss meta jiġi kkalkolat il-valur aggregat;

(b)

il-valuri aggregati għall-indikaturi tal-output relatati mal-intervent kopert mis-sistema integrata u rrapportati fir-rapport annwali dwar il-prestazzjoni għas-sena finanzjarja agrikola N-1 għandhom jinkludu l-għadd ta’ unitajiet li jkunu rċevew pagament parzjali jew sħiħ fis-sena finanzjarja agrikola N-1 b’rabta mal-interventi mitluba fis-sena N-2;

(c)

fil-każ li jiġu applikati drittijiet għal pagament jew limiti massimi, l-Istati Membri għandhom jirrapportaw iż-żona rilevanti ddeterminata bħala eliġibbli għall-pagament wara l-kontrolli amministrattivi u qabel ma japplikaw dawk il-limiti skont l-indikaturi tal-output rilevanti.

INDIKATURI TAR-RIŻULTATI

Rabta bejn l-objettivi speċifiċi, l-indikaturi tar-riżultati u l-interventi

7.

Fil-pjan Strateġiku tal-PAK tagħhom, l-Istati Membri għandhom jidentifikaw ir-rabtiet bejn l-objettivi speċifiċi, l-indikaturi tar-riżultati u l-interventi kif ġej;

(a)

L-Istati Membri għandhom jidentifikaw rabta bejn l-indikaturi tar-riżultati u l-objettivi speċifiċi. Indikatur tar-riżultati jista’ jkun marbut ma’ aktar minn objettiv speċifiku wieħed;

(b)

l-interventi għandhom ikunu marbuta mal-indikatur(i) tar-riżultati kollha li jikkontribwixxu għalihom direttament u b’mod sinifikanti;

(c)

l-operazzjonijiet fi ħdan intervent li jikkontribwixxu direttament u b’mod sinifikanti għal indikatur tar-riżultati biss għandhom jiġu attribwiti għal dan l-indikatur tar-riżultat;

(d)

intervent wieħed, jew operazzjoni waħda fi ħdan intervent wieħed, tista’ tikkontribwixxi għal aktar minn indikatur tar-riżultati wieħed;

(e)

il-valur tal-output iġġenerat minn operazzjoni għandu dejjem jiġi attribwit b’mod sħiħ lill-indikatur(i) tar-riżultati rilevanti, inkluż meta jkun marbut ma’ aktar indikaturi tar-riżultati;

(f)

l-impenji ta’ ġestjoni u l-investimenti li jikkontribwixxu għall-istess skop għandhom ikunu marbuta ma’ indikaturi separati tar-riżultati, ħlief għall-indikaturi tar-riżultati R.43 u R.44;

(g)

l-indikatur tar-riżultati R.35 għandu jkun marbut mal-interventi fis-settur tal-apikultura inklużi fit-tip ta’ intervent imsemmi fil-punt (b) tal-Artikolu 55(1), tar-Regolament (UE) 2021/2115. Dawn l-interventi għandhom jiġu rrapportati biss skont l-indikatur tar-riżultati R.35;

(h)

iż-żoni li huma soġġetti biss għal SMR u KAAT ma għandhomx jiġu inklużi fil-kalkolu tal-indikaturi tar-riżultati, ħlief għall-indikatur tar-riżultati R.4, li huwa mfassal speċifikament biex ikopri s-sehem taż-żona agrikola li tirċievi appoġġ għall-introjtu tal-PAK u soġġett għall-kondizzjonalità.

Metodi ta’ kalkolu dettaljati għall-indikaturi tar-riżultati

8.

Meta jiġu ppjanati u rrapportati l-indikaturi tar-riżultati fir-rapport annwali dwar il-prestazzjoni, għandhom jitqiesu l-punti li ġejjin:

(a)

il-valuri għall-indikaturi tar-riżultati għandhom jiġu rrapportati bis-sħiħ għas-sena finanzjarja agrikola tal-ewwel pagament, anki jekk ikun sar pagament parzjali biss fis-sena finanzjarja agrikola kkonċernata;

(b)

permezz ta’ deroga mill-punt (a), għall-indikatur tar-riżultat R.37, il-valuri għandhom jingħaddu bis-sħiħ fil-ħin tat-tlestija tal-operazzjoni;

(c)

il-valuri relatati mal-pagamenti fil-forma ta’ pagamenti bil-quddiem imsemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 32(4) u fl-Artikolu 32(5), u fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 44(2), u fl-Artikolu 44(3) tar-Regolament (UE) 2021/2116 ma għandhomx jingħaddu fil-kwantifikazzjoni tal-indikaturi tar-riżultati relatati qabel ma jingħata l-output korrispondenti;

(d)

il-valuri annwali għandhom jiġu rrapportati għall-indikaturi tar-riżultati R.4, R.5, R.6, R.7, R.8, R.11, R.12, R.13, R.14, R.19, R.20, R.21, R.22, R.23, R.24, R.25, R.29, R.30, R.31, R.33,R.34, R.43 u R.44;

(e)

il-valuri kumulattivi għandhom jiġu rrapportati għall-indikaturi tar-riżultati R.1, R.2, R.3, R.9, R.10, R.15, R.16, R.17, R.18, R.26, R.27, R.28, R.32, R.35, R.36, R.37, R.38, R.39, R.40, R.41 u R.42;

(f)

l-indikatur tar-riżultati R.4 jirrigwarda ż-żona koperta mit-tipi kollha ta’ intervent fil-forma ta’ pagamenti diretti msemmija fil-Kapitolu II tat-Titolu III tar-Regolament (UE) 2021/2115 kif ukoll l-appoġġ għal żona b’restrizzjonijiet naturali jew restrizzjonijiet oħra speċifiċi għaż-żona msemmija fl-Artikolu 71 ta’ dak ir-Regolament u għall-iżvantaġġi speċifiċi għaż-żona li jirriżultaw minn ċerti rekwiżiti obbligatorji msemmija fl-Artikolu 72 ta’ dak ir-Regolament;

(g)

l-indikatur tar-riżultati R.6 jirrigwarda t-tipi kollha ta’ intervent fil-forma ta’ pagamenti diretti msemmija fit-Titolu III, il-Kapitolu II tar-Regolament (UE) 2021/2115, ħlief il-pagament speċifiku għall-għelejjel għall-qoton imsemmi fl-Artikolu 36 ta’ dak ir-Regolament;

(h)

l-indikatur tar-riżultati R.7 jirrigwarda t-tipi kollha ta’ intervent fil-forma ta’ pagamenti diretti msemmija fil-Kapitolu II tat-Titolu III tar-Regolament (UE) 2021/2115 ħlief il-pagament speċifiku għall-għelejjel għall-qoton imsemmi fl-Artikolu 36 ta’ dak ir-Regolament, kif ukoll l-appoġġ għal żoni b’restrizzjonijiet naturali jew restrizzjonijiet oħra speċifiċi għaż-żona msemmija fl-Artikolu 71 ta’ dak ir-Regolament u għall-iżvantaġġi speċifiċi għaż-żona li jirriżultaw minn ċerti rekwiżiti obbligatorji msemmija fl-Artikolu 72 ta’ dak ir-Regolament;

(i)

b’deroga mill-punt (h), meta l-Istati Membri jfasslu interventi f’konformità mal-Artikolu 72 tar-Regolament (UE) 2021/2115 li jappoġġaw żoni forestali biss, tali interventi jistgħu jkunu marbuta mal-indikatur tar-riżultati R.30, soġġett għal dan li ġej:

ma jitfassal l-ebda intervent għal żoni agrikoli b’restrizzjonijiet naturali jew restrizzjonijiet oħra speċifiċi għaż-żona msemmija fl-Artikolu 71 tar-Regolament (UE) 2021/2115; u

L-Artikolu 22(2) tar-Regolament (UE) 2021/2115 ma jiġix applikat fir-rigward taż-żoni identifikati skont l-Artikolu 32 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2);

(j)

l-indikatur tar-riżultati R.38 jirrigwarda l-interventi għal LEADER imsemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 77(1), tar-Regolament (UE) 2021/2115. Fil-pjan Strateġiku tal-PAK tagħhom, meta jippreżentawh għall-approvazzjoni f’konformità mal-Artikolu 118 tar-Regolament (UE) 2021/2115, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu mira għall-indikatur tar-riżultati R.38 li tindika l-popolazzjoni rurali mistennija koperta minn strateġiji ta’ żvilupp lokali mmexxija mill-komunità kif imsemmi fl-Artikolu 32 tar-Regolament (UE) 2021/1060 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3). Ladarba jkunu ntgħażlu l-istrateġiji ta’ żvilupp lokali kollha skont Pjan Strateġiku tal-PAK, l-Istat Membru kkonċernat għandu jimmodifika l-Pjan Strateġiku tal-PAK kif ikun rilevanti biex iżid mal-valuri fil-mira eżistenti l-kontribuzzjoni addizzjonali mistennija mill-implimentazzjoni tal-istrateġiji ta’ żvilupp lokali magħżula. Dan jista’ jinkludi rabtiet addizzjonali bejn l-interventi għal LEADER u l-indikaturi tar-riżultati komuni stabbiliti fl-Anness I tar-Regolament (UE) 2021/2115;

(k)

l-indikaturi tar-riżultati relatati maż-żona R.12, R.14, R.19, R.20, R.21, R.22, R.23, R.24, R.29, R.31, R.33 u R.34 huma relatati biss ma’ prattiki ambjentali volontarji li jmorru lil hinn mir-rekwiżiti obbligatorji mħallsa f’ettari skont l-ekoskemi msemmija fl-Artikolu 31 tar-Regolament (UE) 2021/2115, skont l-impenji agroambjentali klimatiċi msemmija fl-Artikolu 70 tar-Regolament (UE) 2021/2115, kif ukoll skont l-interventi rilevanti f’ċerti setturi msemmija fit-Titolu III, il-Kapitolu III tar-Regolament (UE) 2021/2115;

(l)

b’deroga mill-punt (k), l-Istati Membri jistgħu jorbtu wkoll l-indikaturi tar-riżultati R.12, R.14, R.19, R.20, R.21, R.22, R.23, R.24, R.29, R.31, R.33 u R.34 ma’ interventi għajr dawk imsemmija fil-punt (k), dment li l-prattiki appoġġati jmorru lil hinn mir-rekwiżiti obbligatorji rilevanti u jikkontribwixxu b’mod sinifikanti u dirett għall-indikaturi tar-riżultati rilevanti;

(m)

Il-finanzjament nazzjonali addizzjonali għandu jitqies għall-kalkolu tal-indikaturi tar-riżultati.

Regoli biex jiġi evitat l-għadd doppju fl-indikaturi tar-riżultati

9.

Biex jiġu kkalkolati l-indikaturi tar-riżultati mingħajr għadd doppju, għandu japplika dan li ġej:

(a)

jekk unità li tikkontribwixxi għall-kwantifikazzjoni ta’ indikatur tar-riżultati tkun koperta minn diversi interventi, jew minn diversi operazzjonijiet fl-istess intervent, li jkunu marbuta mal-istess indikatur tar-riżultati, din l-unità għandha tingħadd darba biss fil-kwantifikazzjoni ta’ dak l-indikatur tar-riżultati;

(b)

l-indikaturi tar-riżultati li jirrigwardaw l-intervent kopert mis-sistema integrata u rrapportati fir-rapport annwali dwar il-prestazzjoni għas-sena finanzjarja agrikola N-1 għandhom jinkludu l-għadd ta’ unitajiet li jkunu rċevew pagament parzjali jew sħiħ fis-sena finanzjarja agrikola N-1 b’rabta mal-interventi mitluba fis-sena N-2;

(c)

fil-każ li jiġu applikati drittijiet għal pagament jew limiti massimi, l-Istati Membri għandhom jirrapportaw iż-żona rilevanti ddeterminata bħala eliġibbli għall-pagament wara l-kontrolli amministrattivi u qabel ma japplikaw dawk il-limiti skont l-indikaturi tar-riżultati rilevanti;

(d)

B’deroga mill-punt (a), jista’ jiġi aċċettat għadd doppju għall-indikaturi tar-riżultati R.1, R.2, R.3, R.10 u R.28.

Denominaturi tal-indikaturi tar-riżultati

10.

Dan li ġej għandu japplika għad-denominaturi:

(a)

il-valuri tal-indikaturi tal-kuntest li jintużaw bħala denominaturi tal-indikaturi tar-riżultati għandhom jiġu ffissati għall-perjodu kollu tal-Pjan Strateġiku tal-PAK. Jekk ikun debitament ġustifikat, l-Istati Membri jistgħu jaġġornaw dawn il-valuri bħala parti minn emenda tal-Pjan Strateġiku tal-PAK f’konformità mal-Artikolu 119 tar-Regolament (UE) 2021/2115;

(b)

b’deroga mill-punt (a), għar-rapportar, id-denominaturi għall-indikaturi tar-riżultati R.6, R.7, u R.11 għandhom jiġu aġġornati kull sena.

Diżaggregazzjoni tal-indikaturi tar-riżultati għar-rapportar

11.

L-Istati Membri għandhom jirrapportaw valur wieħed biss għal kull indikatur tar-riżultati rilevanti. B’deroga mill-ewwel sentenza, jeħtieġ li jsiru d-diżaggregazzjonijiet li ġejjin:

(a)

skont is-settur għall-indikatur tar-riżultati R.11;

(b)

skont is-subkategoriji għall-indikatur tar-riżultati R.17;

(c)

skont il-konverżjoni u l-manutenzjoni tal-biedja organika għall-indikatur tar-riżultati R.29;

(d)

skont it-tip ta’ art għall-indikatur tar-riżultat R.33;

(e)

skont il-ġeneru għall-indikatur tar-riżultati R.36;

(f)

skont l-ispeċi tal-bhejjem għall-indikaturi tar-riżultati R.43 u R.44.

Koeffiċjenti għall-konverżjoni tal-annimali f’unitajiet ta’ bhejjem

12.

Il-punti li ġejjin għandhom japplikaw għall-użu tal-koeffiċjenti ta’ konverżjoni:

(a)

Għall-indikaturi tal-output u għall-indikaturi tar-riżultati, għandhom jintużaw il-koeffiċjenti tal-Eurostat għall-konverżjoni tal-annimali f’unitajiet ta’ bhejjem, kif ikun rilevanti;

(b)

B’deroga mill-punt (a), jistgħu jintużaw il-koeffiċjenti ta’ konverżjoni simplifikati pprovduti fit-tabella li ġejja:

Speċijiet

Età/kategorija

Koeffiċjent

Annimali bovini

taħt is-sitt xhur

0,4

 

minn sitt xhur sa sentejn

0,6

 

aktar minn sentejn

1,0

Annimali ekwini

iktar minn sitt xhur

1,0

Nagħaġ u mogħoż

 

0,15

Ħnieżer

ħnieżer tal-għalla > 50 kg

0,5

 

ħnieżer oħra

0,3

Pollam

 

 

 

tiġieġ tal-bajd

0,014

 

pollam ieħor

0,03

(c)

il-koeffiċjenti ta’ konverżjoni pprovduti fit-tabella stabbilita fil-punt (b) jistgħu jiżdiedu jew jitnaqqsu f’każijiet debitament ġustifikati u spjegati fil-Pjan Strateġiku tal-PAK filwaqt li titqies l-evidenza xjentifika;

(d)

kategoriji oħra ta’ annimali jistgħu eċċezzjonalment jiżdiedu fit-tabella stabbilita fil-punt (b) f’każijiet debitament ġustifikati, u l-koeffiċjent ta’ konverżjoni għal kwalunkwe kategorija bħal din għandu jiġi stabbilit u spjegat fil-Pjan Strateġiku tal-PAK filwaqt li titqies l-evidenza xjentifika.


(1)  Ir-Regolament (UE) 2021/2116 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-2 ta’ Diċembru 2021 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 (ĠU L 435, 6.12.2021, p. 187).

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 487).

(3)  Ir-Regolament (UE) 2021/1060 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2021 li jistipula dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew Plus, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura u r-regoli finanzjarji għalihom u għall-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, il-Fond għas-Sigurtà Interna u l-Istrument għall-Appoġġ Finanzjarju għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u l-Politika dwar il-Viżi (ĠU L 231, 30.6.2021, p. 159).