20.12.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 455/1


REGOLAMENT (UE) 2021/2259 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-15 ta’ Diċembru 2021

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1286/2014 fir-rigward tal-estensjoni tal-arranġament tranżitorju għall-kumpaniji tal-maniġment, il-kumpaniji ta’ investiment u l-persuni li jagħtu pariri dwar unitajiet ta’ impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) u mhux UCITS jew li jbigħuhom

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

L-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1286/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) jirrikjedi li l-manifatturi ta’ prodotti aggregati ta’ investiment għall-konsumaturi bbażati fuq l-assigurazzjoni (PRIIPs), qabel ma PRIIP ikun disponibbli għall-investituri fil-livell tal-konsumatur, ifasslu u jippublikaw dokument bl-formazzjoni ewlenija (“KID”).

(2)

L-Artikolu 32(1) tar-Regolament (UE) Nru 1286/2014 jeżenta lill-kumpaniji tal-maniġment kif definiti fl-Artikolu 2(1), il-punt (b), tad-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), lill-kumpaniji ta’ investiment kif imsemmija fl-Artikolu 27 ta’ dik id-Direttiva u lill-persuni li jagħtu pariri dwar unitajiet ta’ impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) kif imsemmi fl-Artikolu 1(2) ta’ dik id-Direttiva jew li jbigħuhom, mill-obbligi stabbiliti f’dak ir-Regolament, u għaldaqstant mir-rekwiżit li jipproduċu KID, sal-31 ta’ Diċembru 2021 (“l-arranġament tranżitorju”). F’konformità mal-Artikolu 32(2) tar-Regolament (UE) Nru 1286/2014,fejn Stat Membru japplika regoli dwar il-format u l-kontenut tad-dokument bl-informazzjoni ewlenija għall-investitur, kif stabbilit fl-Artikoli 78 sa 81 tad-Direttiva 2009/65/KE, għall-fondi mhux UCITS offruti lill-investituri fil-livell tal-konsumatur, l-arranġament tranżitorju għandu japplika għall-kumpaniji tal-maniġment, il-kumpaniji ta’ investiment u l-persuni li jagħtu pariri dwar unitajiet ta’ fondi bħal dawn mhux UCITS lill-investituri fil-livell tal-konsumatur jew li jbigħuhom.

(3)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/653 (5) jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1286/2014 billi jistabbilixxi standards tekniċi regolatorji fir-rigward tal-preżentazzjoni, il-kontenut u l-format standard tal-KID, il-metodoloġija għall-preżentazzjoni tar-riskji u l-benefiċċji u għall-kalkolu tal-kostijiet, il-kundizzjonijiet u l-frekwenza minima għar-rieżami tal-informazzjoni li tinsab fil-KID, u l-kundizzjonijiet biex il-KID jingħata lill-investituri fil-livell tal-konsumatur.

(4)

Fis-7 ta’ Settembru 2021, il-Kummissjoni adottat Regolament Delegat li jemenda l-istandards tekniċi regolatorji stabbiliti fir-Regolament Delegat (UE) 2017/653 dwar il-metodoloġija sottostanti u l-preżentazzjoni tax-xenarji tal-prestazzjoni, il-preżentazzjoni tal-kostijiet u l-metodoloġija għall-kalkolu tal-indikaturi sommarji tal-kostijiet, il-preżentazzjoni u l-kontenut tal-informazzjoni dwar il-prestazzjoni fil-passat u l-preżentazzjoni tal-kostijiet mill-PRIIPs li joffru firxa ta’ opzjonijiet għall-investiment u jallinjaw l-arranġament tranżizzjonali għall-manifatturi tal-PRIIP li joffru unitajiet ta’ fondi msemmija fl-Artikolu 32 tar-Regolament (UE) Nru 1286/2014 bħala opzjonijiet ta’ investiment sottostanti bl-arranġament tranżitorju estiż stabbilit f’dak l-Artikolu. Id-data tal-applikazzjoni ta’ dak ir-Regolament Delegat hija l-1 ta’ Lulju 2022, iżda huwa importanti li tirrifletti l-ħtieġa li l-kumpaniji tal-maniġment, il-kumpaniji ta’ investiment, u l-persuni li jagħtu pariri dwar unitajiet ta’ UCITS u mhux UCITS jew li jbigħuhom jingħataw biżżejjed żmien biex iħejju għat-tmiem tal-arranġament tranżitorju u għaldaqstant għall-obbligu li jitfasslu KID.

(5)

Sabiex jiġi żgurat li l-ħtieġa ta’ żmien suffiċjenti għat-tħejjija għall-obbligu li jiġi prodott KID tiġi ssodisfata, huwa meħtieġ li l-arranġament tranżitorju jiġi estiż sal-31 ta’ Diċembru 2022.

(6)

Għalhekk jenħtieġ li r-Regolament (UE) Nru 1286/2014 jiġi emendat skont dan.

(7)

Ir-Regolament (UE) Nru 1286/2014 għandu l-għan li jippermetti lill-investituri fil-livell tal-konsumatur biex jieħdu deċiżjonijiet ta’ investiment infurmati aħjar. Minkejja l-intenzjonijiet tajbin li jirfdu r-Regolament (UE) Nru 1286/2014, sa mill-adozzjoni tiegħu ġie espress għadd ta’ tħassib„ inkluż rigward il-ħtieġa għal definizzjoni aktar ċara ta’ “investitur fil-livell tal-konsumatur”, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-prodott ta’ dak ir-Regolament, l-eliminazzjoni tal-karta bħala l-għażla prestabbilita fejn PRIIP jiġi offrut fuq bażi wiċċ imb’ wiċċ, il-kunċett ta’ “tranżazzjonijiet suċċessivi”, u l-għoti ta’ informazzjoni prekuntrattwali lill-investituri professjonali. Dak it-tħassib jeħtieġ li jiġi indirizzat b’mod urġenti sabiex tittejjeb il-fiduċja tal-investituri fil-livell tal-konsumatur fis-swieq finanzjarji, kemm għall-benefiċċju tal-kumpaniji li qed ifittxu finanzjament kif ukoll għall-benefiċċju fit-tul tal-investituri. Il-ħtieġa għal rieżami usa’ kienet diġà stabbilita fir-Regolament (UE) Nru 1286/2014, u l-karattru urġenti tagħha baqa’ l-istess. Abbażi ta’ tali rieżami f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 1286/2014, il-Kummissjoni hija mistennija tippreżenta, b’urġenza, rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill akkumpanjat, jekk adatt, minn proposta biex jiġu indirizzati l-limitazzjonijiet eżistenti.

(8)

Minħabba l-perijodu qasir ħafna li fadal sat-tmiem oriġinali tal-arranġament tranżitorju, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ mingħajr dewmien,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 32(1) tar-Regolament (UE) Nru 1286/2014, id-data “il-31 ta’ Diċembru 2021” tinbidel u ssir “il-31 ta’ Diċembru 2022”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, il-15 ta’ Diċembru 2021.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

D. M. SASSOLI

Għall-Kunsill

Il-President

A. LOGAR


(1)  Opinjoni tal-20 ta’ Ottubru 2021 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta’ Novembru 2021 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tad-9 ta’ Diċembru 2021.

(3)  Regolament (UE) Nru 1286/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Novembru 2014 dwar dokumenti bl-informazzjoni ewlenija għal prodotti aggregati ta’ investiment għall-konsumaturi bbażati fuq l-assigurazzjoni (PRIIPs) (ĠU L 352, 9.12.2014, p. 1).

(4)  Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward tal-impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) (ĠU L 302, 17.11.2009, p. 32).

(5)  Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/653 tat-8 ta’ Marzu 2017 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1286/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar dokumenti bl-informazzjoni ewlenija għal prodotti aggregati ta’ investiment għall-konsumaturi bbażati fuq l-assigurazzjoni (PRIIPs) billi jistabbilixxi standards tekniċi regolatorji dwar il-preżentazzjoni, il-kontenut, ir-rieżami u r-reviżjoni tad-dokumenti bl-informazzjoni ewlenija u l-kundizzjonijiet biex jiġi ssodisfat ir-rekwiżit li jiġu pprovduti dawn id-dokumenti (ĠU L 100, 12.4.2017, p. 1).