7.12.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 436/35


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/2158

tas-6 ta’ Diċembru 2021

li jemenda l-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/934 li jistabbilixxi miżuri ta’ kontroll speċjali għad-deni klassiku tal-ħnieżer

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar il-mard trażmissibbli tal-annimali u li jemenda u jħassar ċerti atti fil-qasam tas-saħħa tal-annimali (“Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali”) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 71(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Id-deni klassiku tal-ħnieżer huwa marda virali infettiva li taffettwa lill-annimali porċini miżmuma u selvaġġi u jista’ jkollu impatt serju fuq il-popolazzjoni tal-annimali kkonċernata u fuq il-profittabbiltà tal-biedja, billi tikkawża tfixkil fil-movimenti ta’ konsenji ta’ dawk l-annimali u tal-prodotti tagħhom fl-Unjoni u fl-esportazzjonijiet lejn pajjiżi terzi.

(2)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/934 (2) ġie adottat fil-qafas tar-Regolament (UE) 2016/429, u jistabbilixxi miżuri speċjali ta’ kontroll tal-mard fir-rigward tad-deni klassiku tal-ħnieżer li jridu jiġu applikati għal perjodu limitat ta’ żmien mill-Istati Membri elenkati fl-Anness I tiegħu, fiż-żoni ristretti elenkati f’dak l-Anness.

(3)

Filwaqt li titqies l-effettività tal-miżuri ta’ sorveljanza u kontroll imwettqa fil-Bulgarija f’konformità mar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/687 (3) u mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/934, kif ippreżentati mill-Bulgarija lill-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf, u fid-dawl tas-sitwazzjoni epidemjoloġika favorevoli tad-deni klassiku tal-ħnieżer f’dak l-Istat Membru, it-territorju kollu tal-Bulgarija li bħalissa huwa elenkat bħala żona ristretta fl-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/934 issa jenħtieġ li jitħassar minn dak l-Anness.

(4)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/934 jiġi emendat skont dan.

(5)

Fid-dawl tat-titjib fis-sitwazzjoni epidemjoloġika tad-deni klassiku tal-ħnieżer fil-Bulgarija u sabiex jiġi żgurat li ma jkun hemm l-ebda restrizzjoni mhux dovuta fir-rigward ta’ dik il-marda, jenħtieġ li l-emendi li jridu jsiru fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/934 permezz ta’ dan ir-Regolament jidħlu fis-seħħ mill-aktar fis possibbli.

(6)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/934 huwa sostitwit bit-test stabbilit fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-6 ta’ Diċembru 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 84, 31.3.2016, p. 1.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/934 tad-9 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi miżuri ta’ kontroll speċjali għad-deni klassiku tal-ħnieżer (ĠU L 204, 10.6.2021, p. 18).

(3)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/687 tas-17 ta’ Diċembru 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-regoli għall-prevenzjoni u l-kontroll ta’ ċertu mard elenkat (ĠU L 174, 3.6.2020, p. 64).


ANNESS

“ANNESS I

ŻONI RISTRETTI

Ir-Rumanija

It-territorju sħiħ tar-Rumanija.