|
7.12.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 436/9 |
REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/2153
tas-6 ta’ Awwissu 2021
li jissupplimenta d-Direttiva (UE) 2019/2034 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw il-kriterji biex ċerti ditti tal-investiment jiġu soġġetti għar-rekwiżiti tar-Regolament (UE) Nru 575/2013
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva (UE) 2019/2034 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2019 dwar is-servizzi ta’ pagament fis-suq intern, li temenda d-Direttivi 2002/87/KE, 2009/65/KE u 2011/61/UE, 2013/36/UE, 2014/59/UE U 2014/65/UE (1) u b’mod partikolari t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 5(6) tagħha,
Billi:
|
(1) |
F’konformità mal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva (UE) 2019/2034, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jirrikjedu li ċerti ditti tal-investiment ikunu soġġetti għall-istess trattament prudenzjali bħall-istituzzjonijiet ta’ kreditu li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) u jikkonformaw mas-superviżjoni prudenzjali skont id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3). |
|
(2) |
Għall-finijiet tal-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva (UE) 2019/2034, jenħtieġ li jiġi speċifikat li jekk ditta tal-investiment twettaq attivitajiet li jaqbżu mill-inqas wieħed minn erba’ livelli limitu kwantitattivi għal derivattivi barra l-Borża, strumenti finanzjarji li jissottoskrivu u/jew it-tqegħid ta’ strumenti finanzjarji fuq bażi ta’ impenn sod, krediti jew self mogħtija lill-investituri, u titoli ta’ dejn pendenti, dawk l-attivitajiet jitwettqu fuq skala tali li l-falliment jew id-diffikultà tad-ditta tal-investiment jistgħu jwasslu għal riskju sistemiku. |
|
(3) |
Minħabba r-rilevanza sistemika tal-attivitajiet tad-ditti tal-investiment, kif imsemmi fl-Artikolu 5 tad-Direttiva (UE) 2019/2034, u l-impatt sinifikanti potenzjali ta’ effett ta’ kontaġju fis-settur finanzjarju kollu, id-ditti tal-investiment li huma membri tal-ikklirjar kif definit fl-Artikolu 4(1)(3) tar-Regolament (UE) 2019/2033 u li joffru servizzi tal-ikklerjar lil istituzzjonijiet finanzjarji oħra, li mhumiex membri tal-ikklerjar infushom, jenħtieġ li jiġu kkunsidrati għall-finijiet tal-Artikolu 5(1)(b) tad-Direttiva (UE) 2019/2034. |
|
(4) |
Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji sottomess lill-Kummissjoni mill-Awtorità Bankarja Ewropea wara li kkonsultat lill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq. |
|
(5) |
L-Awtorità Bankarja Ewropea wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħin dwar l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji li dan ir-Regolament huwa bbażat fuqhom, analizzat l-ispejjeż u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet il-parir tal-Grupp tal-Partijiet Bankarji Interessati stabbilit f’konformità mal-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Skala tal-attivitajiet
Għall-finijiet tal-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva (UE) 2019/2034, l-attivitajiet ta’ ditta tal-investiment għandhom jitqiesu li twettqu fuq skala tali li l-falliment jew id-diffikultà tad-ditta tal-investiment jistgħu jwasslu għal riskju sistemiku meta d-ditta tal-investiment taqbeż kwalunkwe wieħed mil-livelli limitu li ġejjin:
|
(a) |
valur nozzjonali gross totali ta’ derivattivi barra l-Borża kklerjati mhux ċentralment ta’ EUR 50 biljun; |
|
(b) |
il-valur totali tal-istrumenti finanzjarji li jissottoskrivu u/jew it-tqegħid ta’ strumenti finanzjarji fuq bażi ta’ impenn sod ta’ EUR 5 biljun; |
|
(c) |
il-valur totali ta’ krediti jew self mogħtija lill-investituri biex ikunu jistgħu jwettqu tranżazzjonijiet ta’ EUR 5 biljun; kif ukoll |
|
(d) |
valur totali ta’ titoli ta’ dejn pendenti ta’ EUR 5 biljun. |
Artikolu 2
Membru tal-ikklirjar
Ditti tal-investiment li huma membri tal-ikklerjar u li joffru servizzi tal-ikklerjar lil entitajiet oħra tas-settur finanzjarju, li mhumiex membri tal-ikklerjar huma stess, għandhom jiġu kkunsidrati għall-finijiet tal-Artikolu 5(1)(b) tad-Direttiva (UE) 2019/2034.
Artikolu 3
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, is-6 ta’ awwissu 2021.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 314, 5.12.2019, p. 64.
(2) Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012, ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1.
(3) Id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338).
(4) Ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea), u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12).