1.12.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 429/72


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/2104

tad-19 ta’ Awwissu 2021

li jistabbilixxi regoli dettaljati dwar l-operat tal-portal tal-Internet, skont l-Artikolu 49(6) tar-Regolament (UE) 2019/817 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat r-Regolament (UE) 2019/817 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2019 dwar l-istabbiliment ta’ qafas għall-interoperabbiltà bejn is-sistemi ta’ informazzjoni tal-UE fil-qasam tal-fruntieri u viża u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 767/2008, (UE) 2016/399, (UE) 2017/2226, (UE) 2018/1240, (UE) 2018/1726, u (UE) 2018/1861 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2004/512/KE u 2008/633/ĠAI (1), u b’mod partikulari l-Artikolu 49(6) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2019/817, flimkien mar-Regolament (UE) 2019/818 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) jistabbilixxi qafas li jiżgura l-interoperabbiltà bejn is-sistemi ta’ informazzjoni tal-UE fil-qasam tal-fruntieri, il-viża, il-kooperazzjoni tal-pulizija u ġudizzjarja, l-ażil u l-migrazzjoni.

(2)

Dak il-qafas jinkludi għadd ta’ komponenti tal-interoperabbiltà li jinvolvu l-ipproċessar ta’ ammonti sinifikanti ta’ data personali sensittiva. Huwa importanti li l-persuni li d-data tagħhom tiġi pproċessata permezz ta’ dawk il-komponenti jkunu jistgħu jeżerċitaw b’mod effettiv id-drittijiet tagħhom bħala suġġetti tad-data kif meħtieġ skont ir-Regolament (UE) 2016/679 (3), id-Direttiva (UE) 2016/680 (4) u r-Regolament (UE) 2018/1725 (5) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

(3)

Sabiex jiġi ffaċilitat l-eżerċizzju tad-dritt għall-informazzjoni, l-aċċess għad-data, ir-rettifika, it-tħassir jew ir-restrizzjoni tal-ipproċessar ta’ data personali huwa stabbilit mir-Regolament (UE) 2019/817.

(4)

Jenħtieġ li dan il-portal web jippermetti lill-persuni li d-data tagħhom tiġi pproċessata fid-detettur ta’ identitajiet multipli u li jkunu ġew infurmati bil-preżenza ta’ link ħamra jew bajda biex jiksbu l-informazzjoni tal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru responsabbli għall-verifika manwali ta’ identitajiet differenti.

(5)

Sabiex tiġi ffaċilitata l-komunikazzjoni bejn l-utent tal-portal u l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru responsabbli għall-verifika manwali ta’ identitajiet differenti, il-portal web għandu jinkludi mudell tal-email disponibbli fil-lingwi stabbiliti f’dan ir-Regolament. Jenħtieġ li jipprovdi wkoll għażla dwar il-lingwa/i li għandha/għandhom tintuża/jintużaw għal tweġiba.

(6)

Sabiex jiġu ċċarati r-responsabbiltajiet rispettivi dwar il-portal web, jenħtieġ li dan ir-Regolament jispeċifika r-responsabbiltajiet tal-Aġenzija Ewropea għat-Tmexxija Operattiva tas-Sistemi tal-IT Fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja (“eu-LISA”), tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri fir-rigward tal-portal web.

(7)

Għall-fini ta’ tħaddim sigur u bla xkiel ta’ dan il-portal web, jenħtieġ li dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli dwar is-sigurtà tal-informazzjoni fil-portal web. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-aċċess għall-portal web jiġi lloggjat sabiex jiġi evitat kwalunkwe użu ħażin.

(8)

Billi r-Regolament (UE) 2019/817 jibni fuq l-acquis ta’ Schengen, skont l-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-Pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka nnotifikat l-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) 2019/817 fid-dritt nazzjonali tagħha. Għaldaqstant hija marbuta b’dan ir-Regolament.

(9)

Dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li fihom l-Irlanda mhix qed tieħu sehem (6). Għaldaqstant l-Irlanda mhix qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament u mhix marbuta bih jew soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu.

(10)

Fir-rigward tal-Iżlanda u n-Norveġja, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawk iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis (7) ta’ Schengen, li jaqgħu fil-qasam imsemmi fil-punt A tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE (8).

(11)

Fir-rigward tal-Iżvizzera, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen, fis-sens tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis (9) ta’ Schengen li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, punt A, tad-Deċiżjoni 1999/437/KE moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE (10).

(12)

Fir-rigward tal-Liechtenstein, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis (11) ta’ Schengen, li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, punt A, tad-Deċiżjoni 1999/437/KE, moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE (12).

(13)

Fir-rigward ta’ Ċipru, il-Bulgarija, ir-Rumanija u l-Kroazja, dan ir-Regolament jikkostitwixxi att li jibni fuq l-acquis ta’ Schengen, jew huwa marbut mod ieħor miegħu, fit-tifsira, rispettivament, tal-Artikolu 3(1) tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003, l-Artikolu 4(1) tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2005 u l-Artikolu 4(1) tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2011.

(14)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 u ta opinjoni fil-31 ta’ Marzu 2021,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Dominju u aċċess

1.   Il-portal web għandu juża l-isem ta’ dominju “.europa.eu” tal-Unjoni Ewropea.

2.   Id-deskrizzjoni tal-portal web għandha tkun disponibbli għall-indiċjar minn magni tat-tiftix pubbliċi ewlenin.

3.   Il-portal web għandu jkun disponibbli għall-pubbliku, flimkien mal-lingwi uffiċjali tal-Istati Membri, f’mill-inqas il-lingwi li ġejjin: Russu, Għarbi, Ġappuniż, Ċiniż, Albaniż, Bosnjan, Maċedonjan, Ħindi, u Tork.

4.   Il-portal web għandu jkun fih l-informazzjoni msemmija fl-Artikoli 47 u 48 tar-Regolament (UE) 2019/817 u għodda ta’ tiftix għall-irkupru tad-dettalji ta’ kuntatt tal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru responsabbli għall-ħolqien ta’ link ħamra jew bajda wara l-verifika manwali ta’ identitajiet differenti. Il-portal web jista’ jkun fih ukoll informazzjoni oħra meħtieġa li tiffaċilita l-eżerċizzju tad-drittijiet imsemmija fl-Artikoli 47 u 48 tar-Regolament (UE) 2019/817.

5.   Il-portal web għandu jkun konformi mar-regoli, il-linji gwida u l-informazzjoni tal-Europa Web Guide tal-Kummissjoni Ewropea, inklużi l-linji gwida dwar l-aċċessibbiltà.

6.   Il-portal web għandu jipprevjeni li l-informazzjoni ta’ kuntatt tal-awtoritajiet tkun disponibbli għall-magni tat-tiftix u għodod awtomatiċi oħra għall-ġbir ta’ informazzjoni ta’ kuntatt.

Artikolu 2

Partijiet ikkonċernati u responsabbiltajiet

1.   L-eu-LISA għandha tiżviluppa l-portal web u tiżgura l-ġestjoni teknika tiegħu, kif imsemmi fl-Artikolu 49(5) tar-Regolament (UE) 2019/817, inkluż l-ospitar, it-tħaddim u l-manutenzjoni tal-portal web.

2.   Il-Kummissjoni għandha tipprovdi lill-eu-LISA bil-kontenut tal-portal web imsemmi fl-Artikolu 1(4), kif ukoll bi kwalunkwe korrezzjoni jew aġġornament meħtieġa.

3.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu fil-ħin id-dettalji ta’ kuntatt tal-awtoritajiet kompetenti biex jeżaminaw u jwieġbu għal kwalunkwe talba msemmija fl-Artikoli 47 u 48 tar-Regolament (UE) 2019/817 lill-eu-LISA, biex jippermettu l-applowdjar u l-aġġornament regolari tal-kontenut tal-portal web kif imsemmi fl-Artikolu 49(4) tar-Regolament (UE) 2019/817.

4.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-eu-LISA b’punt uniku ta’ kuntatt responsabbli għal finijiet ta’ rieżami u manutenzjoni.

5.   L-eu-LISA għandha tirrieżamina d-dettalji ta’ kuntatt ipprovduti li jitolbu lill-Istati Membri kollha jirrieżaminaw l-informazzjoni disponibbli sabiex jaġġornaw il-bidliet jew iż-żidiet possibbli. Ir-rieżami għandu jitwettaq mill-anqas darba f’sena.

6.   Fir-rigward tal-ipproċessar tad-data fil-portal web, l-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom ikunu kontrolluri f’konformità mal-Artikolu 4, il-punt (7) tar-Regolament (UE) 2016/679 jew l-Artikolu 3, il-punt (8) tad-Direttiva (UE) 2016/680.

7.   Fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali fil-portal web, l-eu-LISA għandha tkun il-proċessur tad-data skont it-tifsira tal-punt (12) tal-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2018/1725.

Artikolu 3

Interfaċċa tal-Utent

1.   Il-portal web għandu jinkludi għodda ta’ tiftix li tippermetti lill-utenti jdaħħlu r-referenza tal-awtorità responsabbli għall-verifika manwali tal-identitajiet differenti msemmija fl-Artikolu 34(d) tar-Regolament (UE) 2019/817, sabiex tinkiseb l-informazzjoni ta’ kuntatt ta’ dik l-awtorità.

2.   Wara verifika tal-validità u l-kompletezza tad-data tal-input, il-portal web għandu jikseb id-dettalji ta’ kuntatt ta’ dik l-awtorità skont l-Artikolu 49(3) tar-Regolament (UE) 2019/817.

3.   Il-portal web għandu jippermetti lill-utent jiftaħ talba għal informazzjoni billi juża mudell ta’ email permezz ta’ formola web sabiex jiffaċilita l-komunikazzjoni mal-awtorità responsabbli għall-verifika manwali ta’ identitajiet differenti. Il-mudell għandu jinkludi kaxxa għan-numru uniku ta’ identifikazzjoni msemmi fl-Artikolu 34(c) tar-Regolament (UE) 2019/817, sabiex dik l-awtorità tkun tista’ ssib id-dettalji tal-link xierqa u r-rekords korrispondenti.

4.   Il-mudell tal-email għandu jinkludi talba standardizzata għal aktar informazzjoni, li għandha tkun disponibbli fil-lingwi msemmija fl-Artikolu 1(3). Il-mudell tal-email huwa stabbilit fl-Anness. Il-mudell tal-email għandu jipprovdi wkoll għażla dwar il-lingwa/i li għandha/għandhom tintuża/jintużaw għal tweġiba, li għandu jkun fiha mill-inqas żewġ lingwi li għandhom jintgħażlu minn kull Stat Membru. Il-lingwa tal-mudell tal-email tista’ tintgħażel mill-utent.

5.   Wara s-sottomissjoni tal-mudell tal-email mimli permezz tal-formola web, tintbagħat email awtomatika ta’ rikonoxximent lill-utent, li jkun fiha d-dettalji ta’ kuntatt tal-awtorità responsabbli biex issegwi din it-talba u li tippermetti lill-persuna teżerċita d-drittijiet skont l-Artikolu 48(1) tar-Regolament (UE) 2019/817.

Artikolu 4

Ġestjoni tal-kontenut

1.   Il-portal web għandu jiżgura separazzjoni bejn il-paġni tas-sit li fihom informazzjoni għall-pubbliku ġenerali u l-għodda tat-tiftix u l-paġni tas-sit li jippermettu lill-utent isib l-informazzjoni ta’ kuntatt tal-awtorità responsabbli għall-verifika manwali ta’ identitajiet differenti.

2.   Sabiex tkun tista’ tiġġestixxi l-kontenut mill-eu-LISA, il-portal web għandu jkun fih interfaċċa tal-amministrazzjoni li għandha tkun sigura. L-aċċess kollu għal din l-interfaċċa u l-bidliet imwettqa għandhom jiġu lloggjati f’konformità mal-Artikolu 7.

3.   L-interfaċċa tal-amministrazzjoni għandha tipprovdi drittijiet lill-eu-LISA biex iżżid, timmodifika jew tneħħi kontenut tal-portal web. Din l-interfaċċa fl-ebda ċirkostanza ma għandha tippermetti lill-eu-LISA taċċessa data relatata ma’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma maħżuna fis-sistemi ta’ informazzjoni tal-UE.

4.   Is-soluzzjoni tal-ġestjoni tal-kontenut għandha tipprovdi sistema ta’ stadji fejn il-bidliet kollha jkunu jistgħu jitħejjew, jidhru u jiġu mbuttati fis-sistema online għall-pubblikazzjoni f’mument partikolari. L-istadju għandu jkollu wkoll għodod biex jiffaċilita l-ġestjoni tal-kontenut u biex jara minn qabel ir-riżultat tal-bidliet.

Artikolu 5

Kunsiderazzjonijiet ta’ sigurtà

1.   Il-portal web għandu jitfassal u jiġi implimentat biex jiżgura l-kunfidenzjalità, l-integrità u d-disponibbiltà tas-servizzi u biex jiżgura n-nonripudju tat-tranżazzjonijiet, billi japplika mill-inqas il-prinċipji ta’ sigurtà tal-applikazzjoni li ġejjin:

(a)

difiża fil-fond (mekkaniżmi ta’ sigurtà saffi saffi);

(b)

mudell ta’ sigurtà pożittiv (jiddefinixxi x’inhu permess u jirrifjuta l-bqija kollu);

(c)

tfalli b’mod sigur (jimmaniġġja żbalji b’mod sigur);

(d)

jaħdem bl-inqas privileġġ;

(e)

is-sigurtà tinżamm sempliċi (jevita arkitetturi kumplessi meta approċċ aktar sempliċi jkun aktar rapidu u sempliċi);

(f)

jidentifika u jipprevjeni intrużjonijiet (illoggjar u ġestjoni tal-informazzjoni kollha rilevanti għas-sigurtà) billi japplikaw kontrolli proattivi dwar il-protezzjoni tal-informazzjoni tal-portal web u d-dettalji ta’ kuntatt tal-Istati Membri minn attakki ċibernetiċi u żvelar ta’ informazzjoni;

(g)

ma jafdax l-infrastruttura (l-applikazzjoni għandha bżonn tawtentika u tawtorizza kull azzjoni minn sistemi tal-madwar);

(h)

ma jafdax servizzi (ebda sistema esterni ma tkun fdata);

(i)

jistabbilixxi konfigurazzjonijiet prestabbiliti siguri (is-softwer u l-ambjenti tas-sistemi operattivi għandhom jiġu fortifikati skont l-aħjar prattiki u l-istandards tal-industrija).

2.   Il-portal web għandu jitfassal u jiġi implimentat ukoll biex jiżgura d-disponibbiltà u l-integrità tal-logs irreġistrati.

3.   Għall-finijiet ta’ sigurtà u protezzjoni tad-data, il-portal web għandu jinkludi avviż li jinforma lill-utenti dwar ir-regoli li jirregolaw l-użu tal-portal web u dwar il-konsegwenzi tal-għoti ta’ informazzjoni skorretta. L-avviż għandu jinkludi formola ta’ aċċettazzjoni tar-regoli li jirregolaw l-użu tal-portal web li l-utent għandu jkun meħtieġ jissottometti qabel ma jitħalla juża l-portal web.

L-implimentazzjoni teknika u organizzattiva tal-portal web għandha tkun konformi mal-pjan ta’ sigurtà, mal-pjan ta’ kontinwità tal-operat u mal-pjan ta’ rkupru minn diżastru msemmija fl-Artikolu 42(3) tar-Regolament (UE) 2019/817.

Artikolu 6

Protezzjoni tad-data u drittijiet tas-suġġett tad-data

1.   Il-portal web għandu jkun konformi mar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data tar-Regolament (UE) 2016/679, ir-Regolament (UE) 2018/1725 u d-Direttiva (UE) 2016/680.

2.   Il-portal web għandu jinkludi avviż ta’ privatezza. Dan għandu jkun aċċessibbli permezz ta’ link apposta. L-avviż għandu jkun aċċessibbli wkoll minn kull paġna tal-portal web. Dan għandu jkun previst b’mod ċar u komprensiv.

Artikolu 7

Logs

1.   Mingħajr preġudizzju għar-rekords bil-miktub imsemmija fl-Artikolu 48(10) tar-Regolament (UE) 2019/817, l-aċċess kollu għall-portal web għandu jiġi rreġistrat f’log li jkun fih l-informazzjoni li ġejja:

(a)

L-indirizz IP tas-sistema użata minn min jagħmel it-talba;

(b)

id-data u l-ħin tat-talba;

(c)

informazzjoni teknika dwar l-ambjent użata għat-talba bħat-tip ta’ apparat, il-verżjoni tas-sistema operattiva, il-mudell u l-verżjoni tal-brawżer.

2.   L-informazzjoni rreġistrata għandha tintuża biss għal skopijiet statistiċi kif ukoll għall-monitoraġġ tal-użu tal-portal tal-Internet sabiex jiġi evitat kwalunkwe użu ħażin.

3.   F’każ ta’ aċċess għall-interfaċċa tal-amministrazzjoni tal-portal web, id-data li ġejja għandha tiġi rreġistrata flimkien mad-data msemmija fil-paragrafu 1:

(a)

l-identifikazzjoni tal-utent li jaċċessa l-interfaċċa tal-amministrazzjoni;

(b)

l-azzjonijiet imwettqa fuq il-portal web (żid, immodifika jew ħassar il-kontenut).

4.   Informazzjoni teknika anonima addizzjonali tista’ tiġi rreġistrata matul l-użu tal-portal web sabiex jiġi ottimizzat l-użu u l-prestazzjoni tiegħu sakemm ma jkunx fih data personali.

5.   L-informazzjoni rreġistrata skont il-paragrafi 1 u 3 għandha tinżamm għal sentejn massimu.

6.   L-eu-LISA għandha żżomm reġistrazzjonijiet tal-operazzjoni kollha ta’ proċessar tad-data fil-portal web.

7.   L-eu-LISA, l-awtoritajiet tal-Istati Membri u l-aġenziji tal-Unjoni għandhom kull wieħed jiddefinixxi l-lista tal-persunal debitament awtorizzat biex jaċċessa r-reġistrazzjonijiet tal-operazzjonijiet tal-ipproċessar tad-data tal-portal web.

Artikolu 8

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri skont it-Trattati.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Awwissu 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 135, 22.5.2019, p. 27.

(2)  Ir-Regolament (UE) 2019/818 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2019 dwar l-istabbiliment ta’ qafas għall-interoperabbiltà bejn sistemi ta’ informazzjoni tal-UE fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u ġudizzjarja, l-ażil u l-migrazzjoni u li jemenda r-Regolamenti (UE) 2018/1726, (UE) 2018/1862 u (UE) 2019/816 (ĠU L 135, 22.5.2019, p. 85).

(3)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

(4)  Id-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet ta’ prevenzjoni, investigazzjoni, sejbien jew prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 89).

(5)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).

(6)  Dan ir-Regolament ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżuri previsti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta’ Frar 2002 rigward it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f’xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20).

(7)  ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36.

(8)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawn iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31).

(9)  ĠU L 53, 27.2.2008, p. 52.

(10)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE tat-28 ta’ Jannar 2008 dwar il-konklużjoni f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 53, 27.2.2008, p. 1).

(11)  ĠU L 160, 18.6.2011, p. 21.

(12)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE tas-7 ta’ Marzu 2011 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen, relatat mal-abolizzjoni tal-verifiki mal-fruntieri interni u l-moviment tal-persuni (ĠU L 160, 18.6.2011, p. 19).


ANNESS

Mudell tal-email għal talba għall-informazzjoni

Il-mudell għall-email huwa dan li ġej:

LIL: <l-awtorità responsabbli għall-verifika manwali ta’ identitajiet differenti u miksuba mill-portal>

MINN: <Indirizz tal-email tal-utent>

SUĠĠETT: Talba għal informazzjoni dwar detettur ta’ identitajiet multipli [link ħamra/link bajda]: <in-numru ta’ identifikazzjoni tal-vettura>

It-test ewlieni tal-email:

Sinjur(a),

Ġejt infurmat bil-miktub, permezz ta’ formola li rċevejt, dwar l-eżistenza ta’ diskrepanzi possibbli fl-informazzjoni personali li tikkonċernani.

Dawn id-diskrepanzi possibbli fl-informazzjoni tal-identità tiegħi wasslu għall-ħolqien ta’ fajl tal-każ bir-referenza <numru ta’ identifikazzjoni uniku>.

Nixtieq nitlob li l-informazzjoni ulterjuri kollha dwar dan il-każ sa <id-data tiġi kkalkulata mill-portal> bi <lingwa (1)> f’dan l-indirizz tal-posta elettronika.


(1)  Menu li jinżel b’għażliet lingwistiċi li għandhom jiġu deċiżi minn kull Stat Membru.