30.11.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 427/160


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/2090

tal-25 ta’ Novembru 2021

li jikkonċerna ċ-ċaħda tal-awtorizzazzjoni tad-diossidu tat-titanju bħala addittiv tal-għalf għall-ispeċijiet kollha tal-annimali

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2003 fuq l-addittivi għall-użu fl-għalf tal-annimali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 jipprevedi l-awtorizzazzjoni tal-addittivi għall-użu fl-għalf tal-annimali u r-raġunijiet u l-proċeduri għall-għoti jew għaċ-ċaħda ta’ din l-awtorizzazzjoni. L-Artikolu 10 ta’ dak ir-Regolament jipprevedi l-evalwazzjoni mill-ġdid tal-addittivi awtorizzati skont id-Direttiva tal-Kunsill 70/524/KEE (2).

(2)

Id-diossidu tat-titanju kien awtorizzat mingħajr limitu ta’ żmien mid-Direttiva 70/524/KEE bħala addittiv li jagħti l-kulur (l-aġenti koloranti awtorizzati biex jagħtu l-kulur lil oġġetti tal-ikel mir-regoli Komunitarji) għall-klieb u għall-qtates. Kien awtorizzat ukoll mingħajr limitu ta’ żmien għall-ispeċijiet kollha tal-annimali, ħlief il-klieb u l-qtates, għall-għalf tal-annimali f’ċerti kundizzjonijiet. Dak il-prodott iddaħħal sussegwentement fir-Reġistru tal-addittivi tal-għalf bħala prodott eżistenti, f’konformità mal-Artikolu 10(1) tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003.

(3)

F’konformità mal-Artikolu 10(2) tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003, flimkien mal-Artikolu 7 tiegħu, tressqet applikazzjoni għall-evalwazzjoni mill-ġdid tad-diossidu tat-titanju bħala addittiv tal-għalf għall-ispeċijiet kollha tal-annimali. L-applikant talab li l-addittiv jiġi kklassifikat fil-kategorija tal-addittivi “addittivi sensorjali” u l-grupp funzjonali “koloranti: sustanzi li jżidu jew jagħtu lura l-kulur fl-għalf”. L-applikazzjoni kienet akkumpanjata bid-dettalji u bid-dokumenti meħtieġa skont l-Artikolu 7(3) tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003.

(4)

Fl-opinjoni tagħha tal-5 ta’ Mejju 2021 (3), l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) irrimarkat li ma setgħetx tikkonkludi dwar is-sikurezza tad-diossidu tat-titanju għall-ispeċijiet fil-mira, għall-konsumaturi u għall-ambjent, minħabba n-nuqqas tad-data speċifika marbuta mal-użu tiegħu bħala addittiv tal-għalf u fid-dawl tal-fatt li l-ġenotossiċità tal-partikoli tad-diossidu tat-titanju ma tistax tiġi eliminata, li qajmu tħassib potenzjali dwar is-sikurezza tal-addittiv għall-ispeċijiet fil-mira (speċjalment għall-annimali li jgħixu fit-tul u għall-annimali riproduttivi), għall-konsumaturi u għall-utenti. Fin-nuqqas ta’ studji bid-diossidu tat-titanju, l-Awtorità ma setgħetx tikkonkludi dwar il-valutazzjoni tal-effetti tal-addittiv fuq l-għajnejn u fuq il-ġilda. L-Awtorità rrimarkat ukoll li d-diossidu tat-titanju huwa potenzjalment karċinoġeniku għall-ħaddiema jekk jittieħed man-nifs u li, billi l-ġenotossiċità tal-partikoli tad-diossidu tat-titanju ma tistax tiġi eliminata, jenħtieġ li din titqies bħala tħassib potenzjali ieħor għall-utenti li jużaw l-addittiv. L-Awtorità vverifikat ukoll ir-rapport dwar il-metodu ta’ analiżi tal-addittiv tal-għalf fl-għalf, li ġie ppreżentat mil-Laboratorju ta’ Referenza stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 1831/2003.

(5)

L-opinjoni tal-Awtorità tal-5 ta’ Mejju 2021 turi, għalhekk, li ma ġiex stabbilit li d-diossidu tat-titanju ma għandux effett negattiv fuq is-saħħa tal-annimali, fuq is-saħħa tal-bniedem jew fuq l-ambjent, meta jintuża bħala addittiv tal-għalf fil-grupp funzjonali “koloranti: sustanzi li jżidu jew jagħtu lura l-kulur fl-għalf”.

(6)

Għalhekk, il-valutazzjoni tad-diossidu tat-titanju turi li l-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni, kif previsti fl-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003, ma ġewx issodisfati u, għaldaqstant, jenħtieġ li tiġi miċħuda l-awtorizzazzjoni tad-diossidu tat-titanju bħala addittiv tal-għalf li jagħmel parti mill-grupp funzjonali “koloranti: sustanzi li jżidu jew jagħtu lura l-kulur fl-għalf”.

(7)

Għalhekk, l-addittiv tal-għalf, id-diossidu tat-titanju, u l-għalf li fih dan l-addittiv, jenħtieġ li jiġi rtirat mis-suq malajr kemm jista’ jkun. Madankollu, jenħtieġ li jitħalla perjodu limitat għall-irtirar mis-suq tal-istokk eżistenti ta’ dawk il-prodotti, sabiex l-operaturi jkunu jistgħu jikkonformaw kif suppost mal-obbligu tal-irtirar.

(8)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ċaħda tal-awtorizzazzjoni

L-awtorizzazzjoni tad-diossidu tat-titanju (E 171) bħala addittiv fin-nutriment tal-annimali, fil-kategorija tal-addittivi “addittivi sensorjali” u fil-grupp funzjonali “koloranti: sustanzi li jżidu jew jagħtu lura l-kulur fl-għalf”, hija miċħuda.

Artikolu 2

Irtirar mis-suq

1.   L-istokks eżistenti tal-addittiv imsemmi fl-Artikolu 1 u tat-taħlitiet lesti minn qabel li fihom dak l-addittiv, għandhom jiġu irtirati mis-suq sal-20 ta’ Marzu 2022.

2.   Il-materjali tal-għalf u l-għalf kompost li ġew prodotti bl-addittiv jew bit-taħlitiet lesti minn qabel imsemmija fil-paragrafu 1 qabel l-20 ta’ Marzu 2022 għandhom jiġu irtirati mis-suq sal-20 ta’ Ġunju 2022.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Novembru 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 268, 18.10.2003, p. 29.

(2)  Id-Direttiva tal-Kunsill 70/524/KEE tat-23 ta’ Novembru 1970 li tirrigwarda addittivi f’għalf għall-bhejjem (ĠU L 270, 14.12.1970, p. 1).

(3)  EFSA Journal 2021;19(6):6630.