26.11.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 421/31


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/2070

tal-25 ta’ Novembru 2021

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 474/2006 fir-rigward tal-lista ta’ trasportaturi tal-ajru li huma pprojbiti milli joperaw jew li huma soġġetti għal restrizzjonijiet operattivi fl-Unjoni

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 2111/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2005 dwar l-istabbiliment ta’ lista Komunitarja ta’ kumpaniji tal-ajru li huma soġġetti għal projbizzjoni ta’ operar fil-Komunità u li jinforma lill-passiġġieri tat-trasport bl-ajru dwar l-identità tal-kumpanija tal-ajru li topera, u li tħassar l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2004/36/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 4(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 474/2006 (2) jistabbilixxi l-lista ta’ trasportaturi tal-ajru li huma soġġetti għal projbizzjoni fuq l-operat fl-Unjoni.

(2)

Ċerti Stati Membri u l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (“l-Aġenzija”) għaddew lill-Kummissjoni informazzjoni li hija rilevanti għall-aġġornament ta’ dik il-lista, skont l-Artikolu 4(3) tar-Regolament (KE) Nru 2111/2005. Pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali wkoll ipprovdew informazzjoni rilevanti. Jenħtieġ li l-lista tiġi aġġornata abbażi tal-informazzjoni pprovduta.

(3)

Il-Kummissjoni infurmat lit-trasportaturi tal-ajru kollha kkonċernati, direttament jew permezz tal-awtoritajiet responsabbli għas-sorveljanza regolatorja tagħhom, dwar il-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li jiffurmaw il-bażi ta’ deċiżjoni li timponilhom projbizzjoni fuq l-operat fl-Unjoni jew li timmodifika l-kundizzjonijiet ta’ projbizzjoni fuq l-operat imposta fuq trasportatur tal-ajru li jkun inkluż fil-lista fl-Annessi A jew B tar-Regolament (KE) Nru 474/2006.

(4)

Il-Kummissjoni tat l-opportunità lit-trasportaturi tal-ajru kkonċernati biex jikkonsultaw id-dokumentazzjoni rilevanti kollha, jissottomettu kummenti bil-miktub u jagħmlu preżentazzjoni orali lill-Kummissjoni u lill-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 15 tar-Regolament (KE) Nru 2111/2005 (il-“Kumitat għas-Sikurezza tal-Ajru tal-UE”).

(5)

Il-Kummissjoni infurmat lill-Kumitat għas-Sikurezza tal-Ajru tal-UE dwar il-konsultazzjonijiet konġunti li għaddejjin, fil-qafas tar-Regolament (KE) Nru 2111/2005 u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 473/2006 (3), mal-awtoritajiet kompetenti u mat-trasportaturi tal-ajru tal-Armenja, tal-Comoros, tal-Iraq, tal-Każakistan, tal-Libja, tal-Messiku, tal-Moldova, tal-Pakistan, tar-Russja u tas-Sudan t’Isfel. Il-Kummissjoni infurmat ukoll lill-Kumitat għas-Sikurezza tal-Ajru tal-UE dwar is-sitwazzjoni tal-avjazzjoni fil-Guinea Ekwatorjali, fil-Kongo (Brazzaville), f’Madagascar, fis-Sudan u fis-Suriname.

(6)

L-Aġenzija infurmat lill-Kummissjoni u lill-Kumitat għas-Sikurezza tal-Ajru tal-UE dwar il-valutazzjonijiet tekniċi mwettqa għall-evalwazzjoni inizjali u l-monitoraġġ kontinwu tal-awtorizzazzjonijiet minn operaturi ta’ pajjiżi terzi (“TCO”), maħruġa skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 452/2014 (4).

(7)

L-Aġenzija infurmat ukoll lill-Kummissjoni u lill-Kumitat għas-Sikurezza tal-Ajru tal-UE dwar ir-riżultati tal-analiżi tal-ispezzjonijiet fir-rampa li twettqu fil-kuntest tal-programm tal-Valutazzjoni tas-Sikurezza tal-Inġenji tal-Ajru Barranin (“SAFA”), f’konformità mar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 965/2012 (5).

(8)

Barra minn hekk, l-Aġenzija infurmat lill-Kummissjoni u lill-Kumitat għas-Sikurezza tal-Ajru tal-UE dwar il-proġetti ta’ assistenza teknika li saru fil-pajjiżi terzi milqutin minn projbizzjoni fuq l-operat skont ir-Regolament (KE) Nru 474/2006. Barra minn hekk, l-Aġenzija u Franza pprovdew informazzjoni dwar il-pjanijiet u t-talbiet għal aktar assistenza teknika u kooperazzjoni biex tittejjeb il-kapaċità amministrattiva u teknika tal-awtoritajiet tal-avjazzjoni ċivili fil-pajjiżi terzi, bil-għan li dawn ikunu megħjuna jsolvu n-nuqqasijiet ta’ konformità mal-istandards internazzjonali tas-sikurezza tal-avjazzjoni ċivili applikabbli. L-Istati Membri ġew mistiedna jirrispondu għal tali talbiet fuq bażi bilaterali, b’koordinazzjoni mal-Kummissjoni u mal-Aġenzija. F’dak ir-rigward, il-Kummissjoni saħqet mill-ġdid fuq is-siwi tal-għoti ta’ informazzjoni lill-komunità internazzjonali tal-avjazzjoni, b’mod partikolari permezz tal-għodda ta’ Sħubija tal-Assistenza għall-Implimentazzjoni tas-Sikurezza fl-Avjazzjoni tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (“ICAO”), dwar l-assistenza teknika lil pajjiżi terzi pprovduta mill-Unjoni u mill-Istati Membri sabiex tittejjeb is-sikurezza tal-avjazzjoni mad-dinja kollha.

(9)

Il-Eurocontrol ipprovdiet lill-Kummissjoni u lill-Kumitat għas-Sikurezza tal-Ajru tal-UE b’aġġornament dwar l-istatus tal-funzjoni ta’ allarm tas-SAFA u tat-TCO u bi statistika dwar il-messaġġi ta’ allert għat-trasportaturi tal-ajru pprojbiti.

Trasportaturi tal-ajru tal-Unjoni

(10)

Wara l-analiżi mill-Aġenzija tal-informazzjoni li ħarġet mill-ispezzjonijiet fir-rampa li twettqu fuq l-inġenji tal-ajru tat-trasportaturi tal-ajru tal-Unjoni, kif ukoll mill-ispezzjonijiet ta’ standardizzazzjoni li twettqu mill-Aġenzija, ikkomplimentata wkoll bl-informazzjoni li rriżultat minn spezzjonijiet u minn awditi speċifiċi li twettqu mill-awtoritajiet nazzjonali tal-avjazzjoni, diversi Stati Membri u l-Aġenzija, fir-rwol ta’ awtorità kompetenti, ħadu ċerti miżuri korrettivi u ta’ infurzar u infurmaw lill-Kummissjoni u lill-Kumitat għas-Sikurezza tal-Ajru tal-UE dwar dawk il-miżuri.

(11)

L-Istati Membri u l-Aġenzija, fir-rwol ta’ awtorità kompetenti, saħqu mill-ġdid li huma lesti jaġixxu kif meħtieġ f’każ li informazzjoni pertinenti dwar is-sikurezza tkun tindika li jkun hemm riskji imminenti għas-sikurezza minħabba nuqqas ta’ konformità min-naħa tat-trasportaturi tal-ajru tal-Unjoni mal-istandards internazzjonali rilevanti tas-sikurezza.

Trasportaturi tal-ajru mill-Armenja

(12)

F’Ġunju 2020, it-trasportaturi tal-ajru mill-Armenja ġew inklużi fl-Anness A tar-Regolament (KE) Nru 474/2006, bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/736 (6).

(13)

Fit-3 ta’ Novembru 2021, il-Kummissjoni, l-Aġenzija, l-Istati Membri u l-Kumitat tal-Avjazzjoni Ċivili tal-Armenja (“CAC”) kellhom laqgħa teknika, li matulha s-CAC ipprovda aġġornament dwar l-azzjonijiet li ttieħdu minn meta saret il-laqgħa teknika tal-15 ta’ April 2021 biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet tas-sikurezza identifikati. Is-CAC ipprovda ħarsa ġenerali tal-aħħar żviluppi rigward il-qafas leġiżlattiv tal-avjazzjoni ċivili fl-Armenja, informazzjoni dwar l-iżvilupp ulterjuri tal-funzjonijiet u r-responsabbiltajiet tad-dipartiment/tas-sezzjoni tas-CAC, u l-Manwal tar-Riżorsi Umani.

(14)

Is-CAC informa wkoll lill-Kummissjoni dwar il-Manwal dwar il-Ġestjoni tas-Sikurezza li għadu kif ġie żviluppat u dwar it-taħriġ tas-Sistema ta’ Ġestjoni tas-Sikurezza (SMS) segwit mill-persunal tas-CAC.

(15)

Barra minn hekk, is-CAC informa lill-Kummissjoni li ċ-Ċertifikati tal-Operaturi tal-Ajru (“AOC”) tat-trasportaturi tal-ajru Atlantis Armenian Airlines u Fly Armenia Airways ġew revokati, u li ġie ċċertifikat trasportatur tal-ajru ġdid, Flyone Armenia (AOC Nru 074). Peress li s-CAC ma wriex li għandu kapaċità suffiċjenti biex jimplimenta u jinforza l-istandards rilevanti tas-sikurezza, il-ħruġ ta’ AOC lil dan it-trasportatur tal-ajru l-ġdid ma jiggarantix konformità biżżejjed mal-istandards tal-ajru internazzjonali.

(16)

Il-Kummissjoni tieħu nota tal-progress li sar mis-CAC fl-indirizzar tat-tħassib tas-sikurezza tal-avjazzjoni li f’Ġunju 2020 wassal għall-inklużjoni tat-trasportaturi tal-ajru ċċertifikati fl-Armenja fl-Anness A tar-Regolament (KE) Nru 474/2006. Madankollu, mill-informazzjoni u d-dokumentazzjoni pprovduti mis-CAC, ma hemmx biżżejjed evidenza li turi li n-nuqqasijiet tas-sikurezza identifikati matul iż-żjara ta’ valutazzjoni tal-Unjoni fuq il-post tal-2020 ġew indirizzati b’mod effettiv biex tiġi żgurata l-konformità mal-istandards internazzjonali tas-sikurezza. Il-Kummissjoni se tkompli tinvolvi ruħha mas-CAC u tissorvelja l-miżuri ulterjuri adottati u l-attivitajiet imwettqa biex jiġu indirizzati dawk in-nuqqasijiet tas-sikurezza, inklużi l-kapaċitajiet ta’ sorveljanza tas-sikurezza tas-CAC. F’dan il-kuntest, ġie nnutat li l-Aġenzija se tmexxi proġett ta’ assistenza teknika biex tappoġġa lis-CAC fl-isforzi tagħhom biex tittejjeb is-sorveljanza tas-sikurezza tal-avjazzjoni fl-Armenja.

(17)

F’konformità mal-kriterji komuni stabbiliti fl-Anness tar-Regolament (KE) Nru 2111/2005, il-Kummissjoni tikkunsidra li fir-rigward tat-trasportaturi tal-ajru mill-Armenja, jenħtieġ li l-lista tat-trasportaturi tal-ajru li huma soġġetti għal projbizzjoni fuq l-operat fi ħdan l-Unjoni tiġi emendata, biex Flyone Armenia jiġi inkluż fl-Anness A tar-Regolament (KE) Nru 474/2006, u biex Atlantis Armenian Airlines u Fly Armenia Airways jitneħħew minn dak l-Anness.

(18)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jkomplu jivverifikaw il-konformità effettiva tat-trasportaturi tal-ajru ċċertifikati fl-Armenja mal-istandards tas-sikurezza internazzjonali rilevanti permezz tal-prijoritizzazzjoni tal-ispezzjonijiet fir-rampa ta’ dawk it-trasportaturi tal-ajru kollha, skont ir-Regolament (UE) Nru 965/2012.

Trasportaturi tal-ajru mill-Comoros

(19)

Fit-22 ta’ Marzu 2006, it-trasportatur tal-ajru Air Service Comores ġie inkluż fl-Anness A tar-Regolament (KE) Nru 474/2006.

(20)

Fit-12 ta’ Ottubru 2006, it-trasportatur tal-ajru Air Service Comores tressaq mill-Anness A għall-Anness B tar-Regolament (KE) Nru 474/2006, bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1543/2006 (7).

(21)

Bħala parti mill-attivitajiet ta’ monitoraġġ kontinwu tagħha, il-Kummissjoni talbet lill-Agence Nationale de l’Aviation Civile et de la Météorologie de l’Union des Comores (“ANACM”) biex tipprovdi lista tad-detenturi kollha ta’ AOC iċċertifikati fil-Comoros.

(22)

Fil-15 ta’ Lulju 2021, l-ANACM ikkonfermat bil-miktub il-waqfien tal-attivitajiet tat-trasportatur tal-ajru Air Service Comores.

(23)

F’konformità mal-kriterji komuni stabbiliti fl-Anness tar-Regolament (KE) Nru 2111/2005, il-Kummissjoni tqis li l-lista tat-trasportaturi tal-ajru li huma soġġetti għal projbizzjoni tal-operat fl-Unjoni jenħtieġ li tiġi emendata biex it-trasportatur tal-ajru Air Service Comores jitneħħa mill-Anness B tar-Regolament (KE) Nru 474/2006.

(24)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jkomplu jivverifikaw il-konformità effettiva tat-trasportaturi tal-ajru ċċertifikati fil-Comoros mal-istandards tas-sikurezza internazzjonali rilevanti permezz tal-prijoritizzazzjoni tal-ispezzjonijiet fir-rampa ta’ dawk it-trasportaturi tal-ajru kollha, skont ir-Regolament (UE) Nru 965/2012.

(25)

Meta kwalunkwe informazzjoni rilevanti dwar is-sikurezza turi riskji imminenti għas-sikurezza minħabba nuqqas ta’ konformità mal-istandards tas-sikurezza internazzjonali, tista’ tkun meħtieġa azzjoni ulterjuri mill-Kummissjoni, f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 2111/2005.

Trasportaturi tal-ajru mill-Iraq

(26)

F’Diċembru 2015, it-trasportatur tal-ajru Iraqi Airways ġie inkluż fl-Anness A tar-Regolament (KE) Nru 474/2006, bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2322 (8).

(27)

Fis-17 ta’ Ġunju 2021, fuq talba tal-Iraq u bħala parti mill-attivitajiet ta’ monitoraġġ kontinwu tal-Kummissjoni, il-Kummissjoni, l-Aġenzija, l-Istati Membri u l-Awtorità tal-Avjazzjoni Ċivili Iraqina (“ICAA”) kellhom laqgħa teknika. Matul dik il-laqgħa, l-ICAA pprovdiet aġġornament dwar l-azzjonijiet meħuda minn meta Iraqi Airways ġie inkluż fl-Anness A tar-Regolament (KE) Nru 474/2006, kif ukoll informazzjoni dwar l-istatus tat-tlestija tal-Awditu fuq il-Bażi ta’ Dokumenti tal-Approċċ ta’ Monitoraġġ Kontinwu tal-Programm Universali ta’ Awditjar tas-Sorveljanza tas-Sikurezza (“USOAP CMA”) tal-ICAO.

(28)

Barra minn hekk, l-ICAA indikat lill-Kummissjoni li r-rakkomandazzjonijiet kollha li rriżultaw mill-proġett ta’ assistenza teknika lill-ICAA, ipprovduti mill-Aġenzija fl-2017, kienu ġew indirizzati u implimentati. Bħala komplement għall-informazzjoni pprovduta qabel il-laqgħa teknika, l-ICAA impenjat ruħha li tipprovdi aktar evidenza biex turi l-progress imsemmi. Matul it-tieni parti ta’ dik il-laqgħa, fuq talba speċifika tal-Iraq, il-Kummissjoni u l-Aġenzija pprovdew kjarifiki fir-rigward tal-proċess ta’ awtorizzazzjoni ta’ TCO, fid-dawl ta’ applikazzjoni futura għal awtorizzazzjonijiet ta’ TCO minn Iraqi Airways jew trasportaturi tal-ajru oħra ċċertifikati fl-Iraq.

(29)

Il-Kummissjoni, matul il-laqgħa li saret fis-17 ta’ Ġunju 2021, speċifikat li setgħet tikkunsidra li tneħħi lil Iraqi Airways mill-Anness A tar-Regolament (KE) Nru 474/2006 meta l-informazzjoni, inkluż permezz ta’ żjara ta’ valutazzjoni tal-Unjoni fuq il-post, tikkonferma l-konformità tal-Iraq mal-istandards taċ-ċertifikazzjoni u tas-sorveljanza tal-ICAO, u Iraqi Airways juri lill-Aġenzija u lill-Kummissjoni li r-raġunijiet li wasslu għad-deċiżjoni negattiva dwar it-TCO fl-2015 ġew solvuti.

(30)

F’konformità mal-kriterji komuni stabbiliti fl-Anness tar-Regolament (KE) Nru 2111/2005, il-Kummissjoni tqis li bħalissa ma hemm l-ebda raġuni biex tiġi emendata l-lista tat-trasportaturi tal-ajru li huma soġġetti għal projbizzjoni fuq l-operat fl-Unjoni fir-rigward tat-trasportaturi tal-ajru mill-Iraq.

(31)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jkomplu jivverifikaw il-konformità effettiva tat-trasportaturi tal-ajru ċċertifikati fl-Iraq mal-istandards tas-sikurezza internazzjonali rilevanti permezz tal-prijoritizzazzjoni tal-ispezzjonijiet fir-rampa ta’ dawk it-trasportaturi tal-ajru kollha, skont ir-Regolament (UE) Nru 965/2012.

Trasportaturi tal-ajru mill-Każakistan

(32)

F’Diċembru 2016, it-trasportaturi tal-ajru kollha mill-Każakistan tneħħew mill-Anness A tar-Regolament (KE) Nru 474/2006, bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/2214 (9).

(33)

Fi Frar 2020, bħala parti mill-monitoraġġ kontinwu tas-sistema ta’ sorveljanza tas-sikurezza fil-Każakistan, infetħu konsultazzjonijiet formali mal-awtoritajiet kompetenti tal-Każakistan. F’dak il-kuntest, fl-okkażjoni tal-laqgħat tiegħu f’Mejju u f’Novembru 2021, il-Kumitat għas-Sikurezza tal-Ajru tal-UE ġie pprovdut b’ħarsa ġenerali tas-sitwazzjoni ta’ sorveljanza tas-sikurezza fil-Każakistan.

(34)

Bħala segwitu għad-deliberazzjonijiet tal-Kumitat għas-Sikurezza tal-Ajru tal-UE ta’ Mejju 2021, l-esperti mill-Kummissjoni, l-Aġenzija u l-Istati Membri wettqu żjara ta’ valutazzjoni tal-Unjoni fuq il-post fil-Każakistan bejn il-11 u l-15 ta’ Ottubru 2021 għand il-Kumitat tal-Avjazzjoni Ċivili tal-Każakistan (“CAC KZ”) u għand l-Aviation Administration of Kazakhstan Joint Stock Company (“AAK”), kif ukoll kampjunar ta’ tliet trasportaturi tal-ajru ċċertifikati fil-Każakistan, jiġifieri Air Astana, Jupiter Jet u Qazaq Air.

(35)

Iż-żjara ta’ valutazzjoni ffukat l-attivitajiet tagħha fuq l-AAK fid-dawl tar-rwol predominanti u r-responsabbiltà ta’ dan tal-aħħar fil-kuntest tal-attivitajiet ta’ sorveljanza tat-trasportaturi tal-ajru ċċertifikati fil-Każakistan. Madankollu, rappreżentanti mis-CAC KZ ipparteċipaw fl-attivitajiet kollha ta’ valutazzjoni peress li għadd ta’ attivitajiet ta’ politika, bħall-adozzjoni tal-proċeduri tal-AAK, huma fil-kompetenza tagħhom.

(36)

Miż-żjara ta’ valutazzjoni, huwa ċar li filwaqt li l-AAK turi punti tajbin, għad hemm dgħufijiet, bħal nuqqas ta’ konformità mal-obbligi tal-AAK matul il-proċessi ta’ ċertifikazzjoni tat-trasportaturi tal-ajru. Barra minn hekk, il-proċess ta’ sorveljanza jenħtieġ li jiġi adattat u, fejn meħtieġ, jiġi msaħħaħ biex jiġi żgurat li t-trasportaturi tal-ajru kollha jkunu soġġetti għal sorveljanza proporzjonata mad-daqs u l-kumplessità tagħhom, u biex tiġi żgurata konformità kontinwa mal-istandards internazzjonali tas-sikurezza applikabbli.

(37)

Barra minn hekk, jenħtieġ li tingħata aktar attenzjoni mis-CAC KZ biex jiġi żgurat li l-qafas leġiżlattiv jinżamm aġġornat f’termini tal-integrazzjoni tal-emendi tal-Annessi tal-ICAO fir-regolamenti tal-Każakistan. Is-CAC KZ u l-AAK jeħtieġ li jiżguraw l-implimentazzjoni ta’ mekkaniżmi u proċeduri interni sodi li jsarrfu l-qafas legali u tekniku eżistenti f’attivitajiet u proċeduri ta’ rutina tal-organizzazzjoni. F’dan il-kuntest, is-CAC KZ u l-AAK jenħtieġ li jtejbu l-funzjonijiet ġenerali tagħhom ta’ ġestjoni tal-kwalità, kif ukoll il-Programm għas-Sikurezza tal-Istat tal-Każakistan, biex jiżguraw li r-riskji potenzjali għas-sikurezza jiġu identifikati u mmitigati kif xieraq b’mod sistemiku u f’waqtu.

(38)

Fir-rigward tal-attivitajiet ta’ liċenzjar imwettqa mill-AAK, biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni tar-responsabbiltajiet ta’ liċenzjar tal-Każakistan bħala Stat Kontraenti tal-ICAO, it-tim ta’ valutazzjoni identifika oqsma li jeħtieġu titjib, b’mod partikolari, il-proċeduri tal-ispetturi, is-sistema tal-eżamijiet teoretiċi tal-ekwipaġġ tat-titjira, u l-proċeduri li jippermettu approċċ standardizzat għall-kwalifika tal-eżaminaturi tat-titjiriet u s-superviżjoni tagħhom.

(39)

Il-persunal tal-ajrunavigabbiltà għandu għarfien tajjeb tal-proċeduri fis-seħħ fl-AAK. Madankollu, hemm bżonn ta’ aktar titjib, b’mod partikolari fil-qasam tat-taħriġ rikorrenti u speċjalizzat biex jiġu ggarantiti l-kwalifiki meħtieġa tal-ispetturi. Il-kampjunar tal-attivitajiet imwettqa mill-persunal tal-ajrunavigabbiltà wera devjazzjonijiet mir-rekwiżiti, b’mod partikolari fl-oqsma taċ-ċertifikazzjoni u s-sorveljanza tal-operaturi u tal-organizzazzjonijiet tal-manutenzjoni.

(40)

Fit-13 ta’ Ottubru 2021, it-tim ta’ valutazzjoni wettaq żjara ddedikata għand Air Astana, it-trasportatur tal-ajru ewlieni tal-passiġġieri u tal-merkanzija tal-Każakistan. It-trasportatur tal-ajru għandu fis-seħħ SMS solida u li tiffunzjona tajjeb li tiġġenera data utli għat-trasportatur tal-ajru. B’mod ġenerali, abbażi tal-analiżi tal-kampjun, seta’ jiġi kkonfermat li kien hemm fis-seħħ Sistema ta’ Monitoraġġ tal-Konformità (CMS) robusta u funzjonali. Il-maniġment superjuri tal-kumpanija għandu fehim tajjeb ta’ dawk is-sistemi u jużahom biex jidentifika r-riskji u biex jieħu miżuri xierqa biex itaffi l-ogħla riskji għal livelli aċċettabbli.

(41)

L-operazzjonijiet tat-trasportatur tal-ajru huma appoġġati minn persunal tekniku kwalifikat u minn stazzjonijiet bil-linja b’kapaċità ta’ manutenzjoni. Matul iż-żjara ma ġew identifikati ebda problemi jew nuqqasijiet b’rabta mal-qasam tal-ajrunavigabbiltà.

(42)

It-trasportatur tal-ajru wera sistema robusta u strutturata għall-kontroll tal-aspetti differenti tat-taħriġ għall-ekwipaġġ tat-titjira, għall-ekwipaġġ tal-kabina u għall-uffiċjali tal-operazzjoni tat-titjira/għad-dispaċers tat-titjira, inklużi l-għalliema u l-eżaminaturi tat-titjir. Il-fajls li fuqhom twettaq kampjunar urew it-traċċabbiltà taċ-ċertifikati tat-taħriġ, u li l-formoli mtlew kif suppost.

(43)

Fit-13 ta’ Ottubru 2021, it-tim ta’ valutazzjoni wettaq żjara ddedikata għand Jupiter Jet, trasportatur tal-ajru li jittrasporta l-merkanzija bbażat f’Almaty. Twaqqaf fl-1996 bħala Joint-Stock Company Air Company ATMA u fl-2016 ingħata isem ġdid. Jopera servizzi charter ad hoc b’Antonov AN-12 wieħed.

(44)

Filwaqt li t-trasportatur tal-ajru żviluppa u implimenta SMS, hemm bżonn ta’ aktar titjib sabiex jinkiseb il-livell ta’ maturità meħtieġ tas-sistema.

(45)

It-trasportatur tal-ajru wera li għandu sistema soda u strutturata biex jikkontrolla l-aspetti differenti tal-kontinwità tal-ajrunavigabbiltà.

(46)

Matul iż-żjara ġie ddeterminat li l-proċeduri relatati mal-Electronic Flight Bag (EFB), bħala parti mill-Manwal tal-Operazzjonijiet, kienu ġeneriċi ħafna. Barra minn hekk, fil-Manwal tal-Operazzjonijiet, ġie identifikat ukoll li xi wħud mill-proċeduri ma kinux aġġornati jew żviluppati għalkollox, eż. il-kapitolu relatat mas-Sistema għall-Prevenzjoni tal-Kolliżjonijiet tat-Traffiku (“TCAS”) ma kienx jinkludi s-sejħiet standard TCAS 7.1 kollha u l-proċeduri assoċjati. Hemm bżonn li l-Manwal tal-Operazzjonijiet jiġi rieżaminat u vverifikat għall-konformità mal-istandards applikabbli.

(47)

Qazaq Air, li twaqqaf fl-2015, huwa trasportatur interreġjonali tal-passiġġieri u tal-merkanzija bbażat f’Nur-Sultan li jopera flotta ta’ ħames inġenji tal-ajru De Havilland Dash-8-Q400NG turboprop. Fl-14 ta’ Ottubru 2021, it-tim ta’ valutazzjoni wettaq żjara ddedikata għand it-trasportatur tal-ajru.

(48)

Qazaq Air għandu fis-seħħ SMS li tiġġenera data utli għat-trasportatur tal-ajru. Madankollu, matul il-valutazzjoni, ġie identifikat li Qazaq Air ma wettaqx l-attivitajiet kollha b’mod sistematiku skont ir-rekwiżiti fil-Manwal dwar il-Ġestjoni tas-Sikurezza, eż. ma saru ebda awditi tas-sikurezza, u eżerċizzju ta’ rispons f’każ ta’ emerġenza kien għadu pendenti.

(49)

It-trasportatur tal-ajru żviluppa u implimenta funzjoni ta’ Monitoraġġ tal-Konformità, iżda hemm bżonn ta’ aktar titjib biex jiġi żgurat il-potenzjal sħiħ tiegħu, b’mod partikolari fir-rigward tal-għeluq tas-sejbiet tal-awditi interni.

(50)

Matul il-valutazzjoni, ġew osservati xi diskrepanzi mal-Manwal tal-Operazzjonijiet tat-trasportatur tal-ajru. Hemm tħassib speċifiku rigward il-fatt li t-trasportatur tal-ajru ma stabbilixxiex kriterji ta’ kwalifika għal operazzjonijiet b’viżibbiltà baxxa għall-ekwipaġġi tat-titjira, minkejja li t-trasportatur tal-ajru ġie approvat għal operazzjonijiet b’viżibbiltà baxxa.

(51)

Qazaq Air juża sistema kompjuterizzata ta’ skedar u monitoraġġ tal-ekwipaġġi għall-ekwipaġġi tat-titjira tiegħu. Matul il-valutazzjoni tar-reġistru tat-taħriġ tad-dispaċers tat-titjira, instab li għadd ta’ programmi ta’ taħriġ li kellhom isiru kienu għadhom ma sarux.

(52)

Abbażi tad-deliberazzjonijiet tiegħu, il-Kumitat għas-Sikurezza tal-Ajru tal-UE wasal għall-konklużjoni li jenħtieġ li tingħata attenzjoni partikolari lill-monitoraġġ, inkluż permezz ta’ seduta ta’ CAC KZ kif ukoll tal-AAK fil-laqgħa li jmiss tal-Kumitat għas-Sikurezza tal-Ajru tal-UE, tal-attivitajiet ta’ segwitu tagħhom, biex jiġu indirizzati l-osservazzjonijiet li saru matul iż-żjara ta’ valutazzjoni, u b’mod partikolari fir-rigward tal-elaborazzjoni u l-implimentazzjoni effettiva ta’ pjan xieraq ta’ azzjonijiet korrettivi.

(53)

F’konformità mal-kriterji komuni stabbiliti fl-Anness tar-Regolament (KE) Nru 2111/2005, il-Kummissjoni tqis li bħalissa ma hemm l-ebda raġuni biex tiġi emendata l-lista tat-trasportaturi tal-ajru li huma soġġetti għal projbizzjoni fuq l-operat fl-Unjoni fir-rigward tat-trasportaturi tal-ajru mill-Każakistan.

(54)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jkomplu jivverifikaw il-konformità effettiva tat-trasportaturi tal-ajru ċċertifikati fil-Każakistan mal-istandards tas-sikurezza internazzjonali rilevanti permezz tal-prijoritizzazzjoni tal-ispezzjonijiet fir-rampa ta’ dawk it-trasportaturi tal-ajru kollha, skont ir-Regolament (UE) Nru 965/2012.

(55)

Meta kwalunkwe informazzjoni rilevanti dwar is-sikurezza turi riskji imminenti għas-sikurezza minħabba nuqqas ta’ konformità mal-istandards tas-sikurezza internazzjonali, jista’ jkun li tkun meħtieġa azzjoni ulterjuri mill-Kummissjoni, f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 2111/2005.

Trasportaturi tal-ajru mil-Libja

(56)

F’Diċembru 2014, it-trasportaturi tal-ajru mil-Libja ġew inklużi fl-Anness A tar-Regolament (KE) Nru 474/2006, bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1318/2014 (10).

(57)

Permezz ta’ ittra tat-2 ta’ Ġunju 2021, l-Awtorità tal-Avjazzjoni Ċivili Libjana (“LYCAA”) pprovdiet informazzjoni dwar l-istruttura, is-sistema ta’ sorveljanza u l-attivitajiet tagħha, inklużi l-manwali tal-proċeduri tal-ispetturi interni, l-istruzzjonijiet lill-organizzazzjonijiet tal-avjazzjoni ċivili, il-formoli għall-professjonisti u l-organizzazzjonijiet tal-avjazzjoni, il-miżuri ta’ infurzar li ttieħdu mill-2019, kif ukoll il-lista attwali tad-detenturi tal-AOC u tal-inġenji tal-ajru rreġistrati.

(58)

L-informazzjoni pprovduta tindika li l-LYCAA iċċertifikat żewġ trasportaturi tal-ajru ġodda, jiġifieri Berniq Airways (AOC 032/21) u Hala Airlines (AOC 033/21), u li Global Aviation and Services bidlet isimha għal Global Air Transport. Peress li l-LYCAA ma wrietx li kellha kapaċità suffiċjenti biex timplimenta u tinforza l-istandards rilevanti tas-sikurezza, il-ħruġ ta’ AOC għal dawn it-trasportaturi tal-ajru ġodda ma jiggarantix konformità biżżejjed mal-istandards tas-sikurezza internazzjonali.

(59)

Fl-1 ta’ Settembru 2021, fuq talba tal-Libja u bħala parti mill-attivitajiet ta’ monitoraġġ kontinwu, il-Kummissjoni, l-Aġenzija, l-Istati Membri u r-rappreżentanti tal-LYCAA kellhom laqgħa teknika. Matul dik il-laqgħa, l-LYCAA pprovdiet ħarsa ġenerali lejn l-organizzazzjoni u l-funzjonijiet tagħha, inklużi l-prinċipji bażiċi tat-twettiq tagħha tas-sorveljanza tas-sikurezza. Informazzjoni oħra pprovduta mil-LYCAA inkludiet ħarsa ġenerali aġġornata tal-iżviluppi u s-sitwazzjoni attwali tal-azzjonijiet tagħhom li jindirizzaw ir-rakkomandazzjonijiet li jirriżultaw mill-proġett ta’ assistenza teknika lil-LYCAA, ipprovduta mill-Aġenzija fl-2019. L-LYCAA pprovdiet ukoll informazzjoni dwar ir-riżultati tal-Awditu fuq il-Bażi ta’ Dokumenti tas-USOAP CMA tal-ICAO, li twettaq fl-2020.

(60)

Filwaqt li l-LYCAA wriet progress limitat fl-implimentazzjoni tal-istandards internazzjonali tas-sikurezza, il-Kummissjoni u l-Kumitat tas-Sikurezza tal-Ajru tal-UE kkonkludew, abbażi tal-informazzjoni u d-dokumentazzjoni pprovduti mil-LYCAA, inkluża l-informazzjoni pprovduta mil-LYCAA fil-laqgħa teknika tal-1 ta’ Settembru 2021, li l-LYCAA ma rnexxilhiex turi konformità effettiva mal-istandards internazzjonali rilevanti tas-sikurezza, u l-implimentazzjoni tagħhom.

(61)

F’konformità mal-kriterji komuni stabbiliti fl-Anness tar-Regolament (KE) Nru 2111/2005, il-Kummissjoni tqis li l-lista tat-trasportaturi tal-ajru mil-Libja li huma soġġetti għal projbizzjoni operattiva fl-Unjoni jenħtieġ li tiġi emendata biex Berniq Airways u Hala Airlines jiġu inklużi fl-Anness A tar-Regolament (KE) Nru 474/2006.

(62)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jkomplu jivverifikaw il-konformità effettiva tat-trasportaturi tal-ajru ċċertifikati fil-Libja mal-istandards tas-sikurezza internazzjonali rilevanti permezz tal-prijoritizzazzjoni tal-ispezzjonijiet fir-rampa ta’ dawk it-trasportaturi tal-ajru kollha, skont ir-Regolament (UE) Nru 965/2012.

Trasportaturi tal-ajru mill-Messiku

(63)

Qatt ma ġew inklużi trasportaturi tal-ajru mill-Messiku fl-Anness A jew B tar-Regolament (KE) Nru 474/2006.

(64)

Wara aċċident fatali tat-trasportatur tal-ajru Messikana Global Air (Aerolíneas Damojh, S.A. de C.V.) f’Kuba fit-18 ta’ Mejju 2018, il-Kummissjoni kkuntattjat lil Dirección General de Aeronáutica Civil tal-Messiku (“DGAC Mexico”) u talbet informazzjoni dettaljata. Fis-16 ta’ Ottubru 2018, il-Kummissjoni, l-Aġenzija, u DGAC Mexico fetħu konsultazzjonijiet formali, inkluża laqgħa teknika.

(65)

Abbażi tal-konsultazzjonijiet li saru, l-informazzjoni pprovduta u d-data mill-programmi SAFA u TCO tal-UE, li dak iż-żmien ma wrewx problemi serji jew sistemiċi, il-Kummissjoni qieset li s-sitwazzjoni tas-sikurezza tal-avjazzjoni fil-Messiku ma qajmitx tħassib urġenti dwar is-sikurezza.

(66)

Fil-25 ta’ Mejju 2021, l-Amministrazzjoni Federali tal-Avjazzjoni tal-Istati Uniti (“FAA”) tat klassifikazzjoni tal-Kategorija 2 lil DGAC Mexico fil-qafas tal-programm tagħha tal-Valutazzjoni tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni Internazzjonali (“IASA”), peress li qieset li DGAC Mexico ma kienx jissodisfa l-istandards internazzjonali tas-sikurezza.

(67)

Fit-23 ta’ Ġunju 2021, il-Kummissjoni bagħtet ittra lil DGAC Mexico li permezz tagħha esprimiet tħassib li tqajjem bid-deċiżjoni meħuda mill-FAA, u talbet kwalunkwe informazzjoni rilevanti li tindika l-firxa tat-tħassib dwar is-sikurezza stabbilit mill-FAA.

(68)

Fl-20 ta’ Settembru 2021, DGAC Mexico pprovda lill-Kummissjoni b’informazzjoni dwar in-nuqqasijiet identifikati mill-FAA fir-rigward tal-Elementi Kritiċi tal-ICAO u dwar il-programmi u l-attivitajiet ta’ assistenza teknika mwettqa biex dawk il-kwistjonijiet jiġu indirizzati kif suppost.

(69)

Abbażi tal-informazzjoni disponibbli, inkluża l-informazzjoni pprovduta minn DGAC Mexico fil-laqgħa tal-20 ta’ Settembru 2021, il-Kummissjoni tqis li f’dan l-istadju, DGAC Mexico għandu l-kapaċità u r-rieda meħtieġa biex jindirizza n-nuqqasijiet tas-sikurezza meta dawn jiġu identifikati.

(70)

F’konformità mal-kriterji komuni stabbiliti fl-Anness tar-Regolament (KE) Nru 2111/2005, il-Kummissjoni tqis li bħalissa ma hemm l-ebda raġuni biex tiġi emendata l-lista tat-trasportaturi tal-ajru li huma soġġetti għal projbizzjoni fuq l-operat fl-Unjoni fir-rigward tat-trasportaturi tal-ajru mill-Messiku.

(71)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jkomplu jivverifikaw il-konformità effettiva tat-trasportaturi tal-ajru ċċertifikati fil-Messiku mal-istandards tas-sikurezza internazzjonali rilevanti permezz tal-prijoritizzazzjoni tal-ispezzjonijiet fir-rampa ta’ dawk it-trasportaturi tal-ajru kollha, skont ir-Regolament (UE) Nru 965/2012.

(72)

Meta kwalunkwe informazzjoni rilevanti dwar is-sikurezza turi riskji imminenti għas-sikurezza minħabba nuqqas ta’ konformità mal-istandards tas-sikurezza internazzjonali, tista’ tkun meħtieġa azzjoni ulterjuri mill-Kummissjoni, f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 2111/2005.

Trasportaturi tal-ajru mill-Moldova

(73)

F’April 2019, it-trasportaturi kollha tal-ajru mill-Moldova, ħlief Air Moldova, Fly One u Aerotranscargo ġew inklużi fl-Anness A tar-Regolament (KE) Nru 474/2006, bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/618 (11).

(74)

Bħala segwitu għad-deliberazzjonijiet tal-Kumitat għas-Sikurezza tal-Ajru tal-UE ta’ Mejju 2021, l-esperti mill-Kummissjoni, l-Aġenzija u l-Istati Membri wettqu żjara ta’ valutazzjoni tal-Unjoni fuq il-post fil-Moldova bejn l-20 u l-24 ta’ Settembru 2021 għand l-Awtorità tal-Avjazzjoni Ċivili tal-Moldova (“CAAM”), kif ukoll kampjunar ta’ tliet trasportaturi tal-ajru ċċertifikati fil-Moldova, jiġifieri Terra Avia, Fly Pro u HiSky.

(75)

Ir-rapport taż-żjara ta’ valutazzjoni jindika li s-CAAM kisbet titjib konsiderevoli f’għadd ta’ oqsma minn meta saret iż-żjara ta’ valutazzjoni tal-Unjoni fuq il-post fl-2019. Punt ta’ rilevanza partikolari kien l-istabbiltà li ntlaħqet s-CAAM f’termini tal-abbozzar tar-regolamenti nazzjonali dwar l-avjazzjoni u l-maturità ppreżentata fit-twettiq ta’ sorveljanza xierqa u effettiva. Ġie nnutat li s-CAAM għamlet sforzi konsiderevoli biex taġġorna l-maġġoranza tar-regolamenti nazzjonali, u biex tiżviluppa oħrajn ġodda. Is-CAAM qed taħdem fuq il-produzzjoni ta’ materjal ta’ gwida adegwat biex tappoġġa lill-persunal tagħha fil-kompiti ta’ sorveljanza tagħha.

(76)

Is-CAAM żviluppat Sistema tal-Ġestjoni tal-Kwalità b’saħħitha. Il-pjan tal-awditjar għall-2021 ġie segwit, u l-awditi u l-ispezzjonijiet twettqu skont l-iskeda. Is-sejbiet li tqajmu bħala riżultat ta’ din l-attività ġew, jew qed jiġu, indirizzati mill-persunal responsabbli.

(77)

L-attivitajiet ta’ liċenzjar jitwettqu mis-CAAM f’konformità mal-istandards internazzjonali tas-sikurezza. Madankollu, it-tim ta’ valutazzjoni ddetermina oqsma fejn kien meħtieġ aktar titjib, b’mod partikolari l-finalizzazzjoni tas-sistema tal-eżamijiet teoretiċi għall-bdoti privati u l-eżaminaturi mediċi maħtura, u t-tisħiħ tas-superviżjoni tal-eżaminaturi tat-titjir minn spettur tas-CAAM.

(78)

Il-programm ta’ sorveljanza kontinwa huwa komprensiv f’termini ta’ oqsma u għadd ta’ awditi, u l-kwalifiki u l-esperjenza tal-ispetturi huma indirizzati kif xieraq fit-taħriġ ippjanat eżistenti u futur. L-awditi mwettqa jiġu ddokumentati u mmonitorjati kif xieraq, b’mod partikolari f’termini ta’ azzjonijiet meħuda mit-trasportaturi tal-ajru, inklużi azzjonijiet korrettivi u analiżi tal-kawżi ewlenin. Madankollu, hija meħtieġa standardizzazzjoni ulterjuri tal-proċeduri ta’ spezzjoni, speċjalment fir-rigward tar-reġistrazzjoni tas-sejbiet li jkunu saru matul l-attivitajiet ta’ spezzjoni.

(79)

Is-CAAM tista’ tattira biżżejjed persunal, proporzjonat mad-daqs u l-kamp ta’ applikazzjoni attwali tal-industrija tal-avjazzjoni li fuqha titwettaq is-sorveljanza. Il-persunal intervistat kollu kien ikkwalifikat u nstab li kellu għarfien tajjeb. Il-programmi u l-pjanijiet ta’ taħriġ teoretiku kienu xierqa.

(80)

It-tim ikkonkluda li s-CAAM għandha l-kapaċitajiet biex tissorvelja l-attivitajiet tal-avjazzjoni fil-Moldova, u biex iżżomm sistema regolatorja soda, u timplimenta u tinforza r-regolamenti tal-avjazzjoni eżistenti sabiex tindirizza n-nuqqasijiet tas-sikurezza li jirriżultaw. Is-sistema tas-sorveljanza tas-sikurezza hija stabbilita sew fil-Moldova, għalkemm għad hemm xi attivitajiet għaddejjin li huma mmirati lejn it-titjib ulterjuri tas-sistema, u li għandhom l-għan li s-sistema tibqa’ dejjem aġġornata mal-emendi reċenti li jsiru fl-istandards internazzjonali tas-sikurezza.

(81)

Terra Avia ġie stabbilit fl-2005 bħala trasportatur tal-ajru privat, u qed jopera Boeing 747 għal titjiriet skedati tal-merkanzija, kif ukoll inġenju tal-ajru Airbus A320 għal titjiriet charter tal-passiġġieri. It-trasportatur tal-ajru għandu CMS u SMS li jiffunzjonaw. Matul il-valutazzjoni tal-SMS tat-trasportatur tal-ajru, it-tim identifika xi oqsma li jeħtieġu aktar titjib. It-trasportatur tal-ajru wera attitudni pożittiva ħafna lejn it-titjib ulterjuri tas-sistemi tas-sikurezza.

(82)

Il-ġestjoni tal-Kontinwità tal-Ajrunavigabbiltà titwettaq minn żewġ strutturi differenti: waħda li tinsab fil-Moldova, u oħra li tinsab f’Sharjah (fl-Emirati Għarab Magħquda). It-tim ta’ valutazzjoni kkonkluda li t-trasportatur tal-ajru kellu bżonn itejjeb is-sistema tiegħu taż-żamma tar-rekords tal-attivitajiet differenti ta’ manutenzjoni mwettqa fil-postijiet differenti tal-inġenji tal-ajru tiegħu.

(83)

Il-Manwal tal-Operazzjonijiet ta’ UAE jirrifletti l-operazzjonijiet imwettqa, u huwa abbozzat f’konformità mar-regolamenti applikabbli fil-Moldova, għalkemm huwa meħtieġ aġġornament biex jinkludi politika dwar oġġetti perikolużi.

(84)

Fly Pro jopera żewġ inġenji tal-ajru tal-merkanzija Boeing 747. Is-CMS u l-SMS huma żviluppati u implimentati bis-sħiħ, għalkemm il-Manwal tal-Ġestjoni tas-Sikurezza u l-Manwal tal-Monitoraġġ tal-Konformità jenħtieġ li jiġu emendati sabiex l-akkontabilità u r-responsabbiltajiet tal-Maniġer tas-Sikurezza u l-Maniġer tal-Monitoraġġ tal-Konformità jiġu allinjati. Fil-qasam tal-monitoraġġ tad-data dwar it-titjiriet, Fly Pro għandu programm stabbilit sew, li jinkludi sistema attiva ta’ feedback.

(85)

Fly Pro għandu sistema robusta fis-seħħ għall-kontinwità tal-ajrunavigabbiltà, u jaġixxi b’mod kunfidenti fir-rwoli differenti tiegħu, għalkemm il-proċess tad-dokumentazzjoni tal-attivitajiet imwettqa jista’ jittejjeb.

(86)

Il-Manwal tal-Operazzjonijiet ta’ Fly Pro jirrifletti l-operazzjonijiet imwettqa, u huwa abbozzat f’konformità mar-regolamenti applikabbli fil-Moldova. It-trasportatur tal-ajru jenħtieġ li jtejjeb il-metodoloġija amministrattiva li biha jirreġistra l-attivitajiet kollha relatati mat-titjir, bħal pereżempju r-reġistri tal-vjaġġi. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-Lista tat-Tagħmir Minimu tat-trasportatur tal-ajru tiġi adattata aħjar għall-inġenju tal-ajru li tapplika għalih, u jenħtieġ li tkun soġġetta għal kontroll regolari u xieraq.

(87)

HiSky twaqqaf f’Settembru 2019, u jopera inġenju tal-ajru Airbus A319 waħdu, filwaqt li bl-istess mod għandu inġenju tal-ajru wieħed disponibbli skont arranġament ta’ kiri bl-ekwipaġġ mat-trasportatur tal-ajru HiSky Europe iċċertifikat fir-Rumanija.

(88)

HiSky żviluppa u implimenta SMS solida li tiġġenera data utli għat-trasportatur tal-ajru. Is-CMS hija robusta u funzjonali, iżda għad hemm bżonn titjib żgħir f’termini tal-abbozzar tal-akkontabilità u tar-responsabbiltajiet tal-Maniġer tas-Sikurezza u tal-Maniġer tal-Monitoraġġ tal-Konformità. Il-maniġment superjuri tal-kumpanija għandu fehim tajjeb ta’ dawn is-sistemi u jużahom biex jidentifika r-riskji u biex jieħu miżuri xierqa biex itaffi l-ogħla riskji għal livelli aċċettabbli.

(89)

HiSky żviluppa l-manwali meħtieġa li jinkludu l-politiki u li jiddeskrivu l-proċeduri assoċjati, li huma approvati mis-CAAM. Il-persunal li jiċċertifika huwa mħarreġ sew fuq it-tipi ta’ inġenji tal-ajru operati. Il-Manwal tal-Operazzjonijiet approvat bħalissa jirrifletti l-operazzjonijiet imwettqa, u huwa abbozzat f’konformità mar-regolamenti applikabbli fil-Moldova.

(90)

L-operazzjonijiet ta’ HiSky huma appoġġati minn persunal tekniku kwalifikat u minn stazzjonijiet bil-linja b’kapaċità ta’ manutenzjoni. It-trasportatur tal-ajru stabbilixxa sistema għall-monitoraġġ tat-taħriġ u l-verifika tal-validità, u biex tiġi żgurata t-traċċabbiltà taċ-ċertifikati tat-taħriġ u tal-formoli ta’ verifika mimlija.

(91)

Abbażi tal-eżitu taż-żjara ta’ valutazzjoni tal-Unjoni fuq il-post, il-Kummissjoni stiednet lis-CAAM u lit-trasportaturi tal-ajru Terra Avia, Fly Pro u HiSky għal seduta quddiem il-Kumitat għas-Sikurezza tal-Ajru tal-UE fl-10 ta’ Novembru 2021.

(92)

F’dik is-seduta, is-CAAM ippreżentat lill-Kummissjoni u lill-Kumitat għas-Sikurezza tal-Ajru tal-UE s-sistema fis-seħħ biex tiġi żgurata s-sorveljanza tas-sikurezza tat-trasportaturi tal-ajru ċċertifikati fil-Moldova. Spjegat li l-progress fl-implimentazzjoni effettiva tal-istandards internazzjonali tas-sikurezza kien ir-riżultat ta’ serje ta’ azzjonijiet li ttieħdu mill-2019 ’l hawn. Filwaqt li enfasizzat l-impenn tagħha għal titjib kontinwu, is-CAAM ipprovdiet lill-Kummissjoni u lill-Kumitat għas-Sikurezza tal-Ajru tal-UE b’ħarsa ġenerali komprensiva u dettaljata tal-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni korrettiva li ġie żviluppat b’rispons għar-riżultati taż-żjara ta’ valutazzjoni tal-Unjoni fuq il-post ta’ Settembru 2021. Dan inkluda l-objettivi strateġiċi ddefiniti għall-futur, bħal emendi għall-qafas legali tal-Moldova, il-manwali u l-proċeduri tas-CAAM, il-kontinwazzjoni tat-titjib tas-sistema tal-ġestjoni tal-kwalità, u t-titjib ulterjuri tal-implimentazzjoni effettiva tal-istandards internazzjonali tas-sikurezza.

(93)

Barra minn hekk, is-CAAM infurmat lill-Kummissjoni u lill-Kumitat għas-Sikurezza tal-Ajru tal-UE dwar il-pjanijiet ta’ azzjoni korrettiva żviluppati mit-trasportaturi tal-ajru Terra Avia, Fly Pro u HiSky, b’rispons għar-riżultati taż-żjara ta’ valutazzjoni tal-Unjoni fuq il-post ta’ Settembru 2021. Dawk il-pjanijiet ta’ azzjoni korrettiva ġew ikkoordinati mas-CAAM u ġew approvati minnha, u ġew integrati fl-attivitajiet ta’ sorveljanza tas-CAAM.

(94)

Matul is-seduta, is-CAAM impenjat ruħha li żżomm lill-Kummissjoni infurmata dwar l-azzjonijiet ulterjuri meħuda fir-rigward tal-bqija tal-osservazzjonijiet li kienu saru matul iż-żjara ta’ valutazzjoni tal-Unjoni fuq il-post fl-2021. Barra minn hekk, is-CAAM impenjat ruħha li twettaq djalogu kontinwu dwar is-sikurezza, inkluż permezz tal-provvista ta’ informazzjoni rilevanti dwar is-sikurezza u permezz ta’ laqgħat addizzjonali, jekk u meta l-Kummissjoni tqis li dan huwa meħtieġ.

(95)

Il-Kummissjoni enfasizzat, u l-awtoritajiet tal-Moldova rrikonoxxew, kemm hu importanti għalihom li jiżguraw stabbiltà u indipendenza kontinwa għat-tmexxija tas-CAAM, peress li kien ċar li dan kien fattur importanti fit-titjib li ntwera, speċjalment matul is-sena li għaddiet.

(96)

Abbażi tal-informazzjoni kollha disponibbli bħalissa, inkluż ir-riżultati taż-żjara ta’ valutazzjoni tal-Unjoni fuq il-post ta’ Settembru 2021 u s-seduta fil-Kumitat għas-Sikurezza tal-Ajru tal-UE, huwa meqjus li hemm biżżejjed evidenza ta’ konformità mal-istandards tas-sikurezza internazzjonali applikabbli min-naħa tas-CAAM u t-trasportaturi tal-ajru ċċertifikati fil-Moldova.

(97)

F’konformità mal-kriterji komuni stabbiliti fl-Anness tar-Regolament (KE) Nru 2111/2005, il-Kummissjoni tikkunsidra li fir-rigward tat-trasportaturi tal-ajru mill-Moldova, jenħtieġ li l-lista tat-trasportaturi tal-ajru li huma soġġetti għal projbizzjoni fuq l-operat fi ħdan l-Unjoni stabbilita fl-Anness A tar-Regolament (KE) Nru 474/2006 tiġi emendata biex jitneħħew it-trasportaturi tal-ajru kollha mill-Moldova.

(98)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jkomplu jivverifikaw il-konformità effettiva tat-trasportaturi tal-ajru ċċertifikati fil-Moldova mal-istandards tas-sikurezza internazzjonali rilevanti permezz tal-prijoritizzazzjoni tal-ispezzjonijiet fir-rampa ta’ dawk it-trasportaturi tal-ajru kollha, skont ir-Regolament (UE) Nru 965/2012.

(99)

Meta kwalunkwe informazzjoni rilevanti dwar is-sikurezza turi riskji imminenti għas-sikurezza minħabba nuqqas ta’ konformità mal-istandards tas-sikurezza internazzjonali, tista’ tkun meħtieġa azzjoni ulterjuri mill-Kummissjoni, f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 2111/2005.

Trasportaturi tal-ajru mill-Pakistan

(100)

F’Marzu 2007, Pakistan International Airlines ġie inkluż fl-Anness B tar-Regolament (KE) Nru 474/2006 bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 235/2007 (12), u sussegwentement tneħħa minn dak l-Anness f’Novembru 2007 bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1400/2007 (13).

(101)

Fl-24 ta’ Ġunju 2020, wara l-aċċident tat-22 ta’ Mejju 2020 li fih kien involut inġenju tal-ajru tal-Pakistan International Airlines, stqarrija mill-Ministru Federali għall-Avjazzjoni tal-Pakistan ddikjarat li għadd kbir ta’ liċenzji tal-ekwipaġġi tat-titjira, maħruġa mill-Awtorità tal-Avjazzjoni Ċivili tal-Pakistan (“PCAA”), inkisbu permezz ta’ mezzi frodulenti.

(102)

Dak l-avveniment, u n-nuqqas apparenti ta’ sorveljanza tas-sikurezza effettiva mill-PCAA, wasslu biex l-Aġenzija tissospendi l-awtorizzazzjonijiet tat-TCO ta’ Pakistan International Airlines u ta’ Vision Air b’effett mill-1 ta’ Lulju 2020. Din is-sitwazzjoni għadha għaddejja, peress li, bħalissa, l-Aġenzija tqis li mhumiex issodisfati l-kundizzjonijiet kollha meħtieġa għat-tneħħija tas-sospensjoni.

(103)

Organizzazzjonijiet internazzjonali oħra tas-sikurezza tal-avjazzjoni wkoll irreaġixxew għal din is-sitwazzjoni fil-Pakistan. Fil-15 ta’ Lulju 2020, l-FAA naqqset il-grad tal-Pakistan għal klassifikazzjoni tal-Kategorija 2 bħala parti mill-programm tagħha tal-IASA. Fi Frar 2021, l-ICAO ippubblikat Tħassib Sinifikanti dwar is-Sikurezza (SSC) fil-qasam tal-liċenzjar u t-taħriġ tal-persunal fir-rigward tal-proċess ta’ liċenzjar għall-ekwipaġġ tat-titjira fil-Pakistan.

(104)

Fl-1 ta’ Lulju 2020, il-Kummissjoni fetħet konsultazzjonijiet mal-PCAA skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 473/2006. F’dak il-kuntest, il-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mal-Aġenzija u l-Istati Membri, organizzat għadd ta’ laqgħat tekniċi mal-PCAA fid-9 ta’ Lulju u l-25 ta’ Settembru 2020, fil-15 u s-16 ta’ Marzu 2021, u fil-15 ta’ Ottubru 2021.

(105)

Matul dawk il-laqgħat ġew diskussi diversi kwistjonijiet, b’mod partikolari s-sorveljanza tat-trasportaturi tal-ajru ċċertifikati mill-Pakistan, inkluż l-SMS tagħhom. Il-Kummissjoni talbet informazzjoni u evidenza biex tivverifika jekk sitwazzjoni simili mhijiex prevalenti f’oqsma oħra li wkoll huma soġġetti għas-sorveljanza tas-sikurezza tal-PCAA, bħaċ-ċertifikazzjoni tal-ekwipaġġ tal-kabina, il-liċenzjar tal-inġiniera tal-manutenzjoni, jew iċ-ċertifikazzjoni tat-trasportaturi tal-ajru.

(106)

Il-PCAA ipprovdiet informazzjoni rilevanti li ġiet ivvalutata mill-Kummissjoni u mill-esperti tal-Aġenzija. Matul il-laqgħa tal-15 ta’ Ottubru 2021, il-PCAA infurmat dwar l-azzjonijiet ulterjuri li ttieħdu biex jiġi indirizzat it-tħassib identifikat mill-Kummissjoni. Dawk in-nuqqasijiet jinkludu nuqqasijiet ta’ maniġġjar tal-kwalità tal-proċeduri dokumentati, nuqqas ta’ gwida għall-ispetturi, proċess mhux konformi għall-kwalifikazzjoni tal-Liċenzji tal-Bdoti tat-Trasport bl-Ajru (“ATPL”), ftit li xejn jew l-ebda traċċar ta’ azzjonijiet korrettivi bħala riżultat tas-sejbiet, u nuqqas ta’ kapaċitajiet proprji tal-analiżi tal-kawżi ewlenin. F’dak ir-rigward, u konxja wkoll dwar il-verifika tal-USOAP tal-ICAO li ġiet skedata bejn id-29 ta’ Novembru u l-10 ta’ Diċembru 2021, il-PCAA infurmat dwar ir-rieżami estensiv tal-manwali u l-proċeduri tagħhom, b’mod partikolari dwar il-bidliet fil-proċess ta’ liċenzjar tal-PCAA, kif ukoll dwar il-kontrolli interni biex tiġi vverifikata l-konformità mal-istandards internazzjonali tas-sikurezza u biex jissolva l-SSC tal-ICAO.

(107)

Il-Kummissjoni talbet lill-PCAA tibgħat aktar informazzjoni dwar il-bidliet fis-sistema ta’ liċenzjar tagħha, il-manwali u l-proċeduri ġodda u/jew riveduti, ir-riżultati jew ir-rapporti tal-kontrolli interni, u n-notifika ta’ differenza lill-ICAO dwar it-test tal-ħiliet tal-ATPL.

(108)

Abbażi tal-informazzjoni disponibbli u l-iskambji mal-PCAA, il-Kummissjoni tirrikonoxxi l-isforzi tal-PCAA b’rabta mal-adozzjoni ta’ azzjonijiet korrettivi biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet tas-sikurezza identifikati. Madankollu, il-Kummissjoni, bl-għajnuna tal-Aġenzija u l-Istati Membri, ma setgħetx tiddetermina b’mod ċar l-effettività u l-implimentazzjoni ta’ tali miżuri korrettivi biex in-nuqqasijiet identifikati tas-sikurezza jittaffew b’mod sostenibbli. Abbażi ta’ dan, il-Kummissjoni, għall-fini li tiddetermina jekk hijiex meħtieġa azzjoni ulterjuri skont ir-Regolament (KE) Nru 2111/2005, se tkompli timpenja ruħha mal-PCAA u timmonitorja l-miżuri ulterjuri adottati u l-azzjonijiet meħuda biex tiġi indirizzata s-sitwazzjoni fil-Pakistan, inkluż permezz tal-eżitu tal-awditjar ippjanat tal-USOAP tal-ICAO, kif ukoll permezz ta’ żjara ta’ valutazzjoni tal-Unjoni fuq il-post fil-Pakistan.

(109)

F’konformità mal-kriterji komuni stabbiliti fl-Anness tar-Regolament (KE) Nru 2111/2005, il-Kummissjoni tqis li bħalissa ma hemm l-ebda raġuni biex tiġi emendata l-lista tat-trasportaturi tal-ajru li huma soġġetti għal projbizzjoni fuq l-operat fl-Unjoni fir-rigward tat-trasportaturi tal-ajru mill-Pakistan.

(110)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jkomplu jivverifikaw il-konformità effettiva tat-trasportaturi tal-ajru ċċertifikati fil-Pakistan mal-istandards tas-sikurezza internazzjonali rilevanti permezz tal-prijoritizzazzjoni tal-ispezzjonijiet fir-rampa ta’ dawk it-trasportaturi tal-ajru kollha, skont ir-Regolament (UE) Nru 965/2012.

(111)

Meta kwalunkwe informazzjoni rilevanti dwar is-sikurezza turi riskji imminenti għas-sikurezza minħabba nuqqas ta’ konformità mal-istandards tas-sikurezza internazzjonali, tista’ tkun meħtieġa azzjoni ulterjuri mill-Kummissjoni, f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 2111/2005.

Trasportaturi tal-ajru mir-Russja

(112)

Il-Kummissjoni, l-Aġenzija u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri komplew jimmonitorjaw mill-qrib il-prestazzjoni tas-sikurezza tat-trasportaturi tal-ajru ċċertifikati fir-Russja u li joperaw fl-Unjoni, inkluż permezz tal-prijoritizzazzjoni tal-ispezzjonijiet fir-rampa li twettqu fuq ċerti trasportaturi tal-ajru Russi, skont ir-Regolament (UE) Nru 965/2012.

(113)

Fil-31 ta’ Awwissu 2020, it-trasportatur tal-ajru SKOL Airline LLC, iċċertifikat fir-Russja, applika għand l-Aġenzija għal awtorizzazzjoni ta’ TCO. L-Aġenzija vvalutat dik l-applikazzjoni f’konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 452/2014, u qajmet tħassib fundamentali dwar is-sikurezza fir-rigward tan-nuqqas ta’ SKOL Airline LLC li juri konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 3 ta’ dak ir-Regolament, b’mod partikolari l-istandards li jinsabu fl-Annessi tal-Konvenzjoni ta’ Chicago dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali. Wara skambji estensivi mal-Aġenzija, SKOL Airline LLC iddeċieda li jirtira l-applikazzjoni tiegħu fit-12 ta’ Frar 2021.

(114)

Fil-25 ta’ Marzu 2021, it-trasportatur tal-ajru SKOL Airline LLC, applika mill-ġdid għand l-Aġenzija għal awtorizzazzjoni ta’ TCO. L-Aġenzija vvalutat dik l-applikazzjoni f’konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 452/2014, u reġgħet qajmet tħassib fundamentali dwar is-sikurezza fir-rigward tan-nuqqas ta’ SKOL Airline LLC li juri konformità mar-rekwiżiti applikabbli stabbiliti fl-Artikolu 3 ta’ dak ir-Regolament, b’mod partikolari l-istandards li jinsabu fl-Annessi tal-Konvenzjoni ta’ Chicago dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali. L-Aġenzija kkonkludiet li SKOL Airline LLC ma ssodisfax dawk ir-rekwiżiti. Għalhekk, fid-19 ta’ Lulju 2021, l-Aġenzija rrifjutat l-applikazzjoni minħabba raġunijiet ta’ sikurezza. It-trasportatur tal-ajru SKOL Airline LLC ma għamilx użu mid-dritt li jappella kontra din id-deċiżjoni f’konformità mal-Artikoli 108 sa 114 tar-Regolament (UE) 2018/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14).

(115)

Fl-20 ta’ Ottubru 2021, ir-rappreżentanti mill-Kummissjoni, mill-Aġenzija u mill-Istati Membri ltaqgħu ma’ rappreżentanti mill-Aġenzija Federali Russa tat-Trasport bl-Ajru (“FATA”) biex jirrieżaminaw il-prestazzjoni tas-sikurezza tat-trasportaturi bl-ajru ċċertifikati fir-Russja abbażi ta’ spezzjonijiet fir-rampa li twettqu fil-perjodu mill-24 ta’ Marzu 2021 sal-1 ta’ Ottubru 2021, u biex jidentifikaw f’liema każijiet l-FATA jenħtieġ li ssaħħaħ l-attivitajiet ta’ sorveljanza tagħha.

(116)

Ir-rieżami tal-ispezzjonijiet fir-rampa tas-SAFA tat-trasportaturi tal-ajru ċċertifikati fir-Russja ma żvela l-ebda nuqqas tas-sikurezza sinifikanti jew rikorrenti. Matul il-laqgħa ġew ippreżentati wkoll ir-riżultati tal-programm ta’ monitoraġġ, implimentat mill-Aġenzija f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 452/2014, tat-trasportaturi tal-ajru ċċertifikati fir-Russja li għandhom awtorizzazzjoni ta’ TCO. Il-Kummissjoni nnutat li anki r-riżultati ta’ dan il-programm ta’ monitoraġġ ma żvelawx nuqqasijiet sinifikanti jew rikorrenti tas-sikurezza.

(117)

Wara r-rifjut tal-applikazzjoni ta’ TCO tat-trasportatur tal-ajru SKOL Airline LLC minħabba raġunijiet ta’ sikurezza, fit-22 ta’ Ottubru 2021 it-trasportatur tal-ajru SKOL Airline LLC ġie mistieden għal seduta mill-Kummissjoni u mill-Kumitat tas-Sikurezza tal-Ajru skedata għad-9 ta’ Novembru 2021. Fit-28 ta’ Ottubru 2021, it-trasportatur tal-ajru SKOL Airline LLC ikkonferma l-parteċipazzjoni tiegħu fis-seduta ppjanata.

(118)

Fit-28 ta’ Ottubru 2021, l-FATA infurmat lill-Kummissjoni dwar projbizzjoni imposta fuq it-trasportatur tal-ajru SKOL Airline LLC li tipprojbixxi lit-trasportatur tal-ajru milli jopera titjiriet lil hinn mill-fruntiera tal-istat tar-Russja u talbet lill-Kummissjoni terġa’ tikkunsidra l-ħtieġa għas-seduta tat-trasportatur tal-ajru SKOL Airline LLC peress li abbażi tad-deċiżjoni tal-FATA, SKOL Airline LLC ma jkunx jista’ jopera fl-Unjoni.

(119)

Fit-3 ta’ Novembru 2021, il-Kummissjoni infurmat lill-FATA li SKOL Airline LLC ġie mistieden għas-seduta minħabba n-nuqqas tiegħu li juri konformità mal-istandards li jinsabu fl-Annessi tal-Konvenzjoni ta’ Chicago dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali, u għal dik ir-raġuni hija żammet l-istedina għas-seduta.

(120)

Is-seduta tat-trasportatur tal-ajru SKOL Airline LLC saret fid-9 ta’ Novembru 2021. Fuq talba tagħha stess, l-FATA ukoll ipparteċipat fis-seduta. Matul dik is-seduta, it-trasportatur tal-ajru SKOL Airline LLC irrintraċċa l-attivitajiet relatati maż-żewġ applikazzjonijiet għal awtorizzazzjoni ta’ TCO. Enfasizza d-diffikultajiet li t-trasportatur tal-ajru ltaqa’ magħhom matul il-proċess biex juri l-konformità mar-rekwiżiti tar-Regolament (UE) Nru 452/2014. Filwaqt li rrikonoxxa s-sejbiet kollha mqajma mill-Aġenzija, ma pprovda l-ebda informazzjoni dwar il-miżuri meħuda biex dawk is-sejbiet jiġu solvuti. Lanqas ma pprovda evidenza dwar l-istatus attwali tal-implimentazzjoni tal-azzjonijiet korrettivi għal dawk is-sejbiet. Abbażi tal-informazzjoni pprovduta mit-trasportatur tal-ajru SKOL Airline LLC qabel u waqt is-seduta, it-trasportatur tal-ajru ma jistax jidentifika nuqqasijiet ta’ konformità fil-proċessi, fil-proċeduri u fl-attivitajiet operattivi tiegħu.

(121)

L-FATA ddikjarat li ma kinitx appoġġat l-applikazzjoni mill-ġdid tal-25 ta’ Marzu 2021 tat-trasportatur tal-ajru SKOL Airline LLC għal awtorizzazzjoni ta’ TCO. L-FATA infurmat ukoll lill-Kummissjoni u lill-Kumitat għas-Sikurezza tal-Ajru tal-UE li kienet se twettaq awditi ad hoc addizzjonali ta’ SKOL Airline LLC f’każ li t-trasportatur tal-ajru sussegwentement jerġa’ jinvolvi ruħu mal-Aġenzija għal awtorizzazzjoni ta’ TCO.

(122)

Abbażi tal-informazzjoni kollha disponibbli bħalissa, inkluż b’mod partikolari r-rifjut tal-applikazzjoni ta’ TCO mill-Aġenzija minħabba raġunijiet ta’ sikurezza fit-19 ta’ Lulju 2021, u l-informazzjoni pprovduta matul is-seduta, il-Kummissjoni u l-Kumitat tas-Sikurezza tal-Ajru tal-UE kkonkludew li t-trasportatur tal-ajru SKOL Airline LLC naqas milli juri konformità mal-istandards internazzjonali tas-sikurezza.

(123)

F’konformità mal-kriterji komuni stabbiliti fl-Anness tar-Regolament (KE) Nru 2111/2005, il-Kummissjoni tqis li l-lista tat-trasportaturi tal-ajru li huma soġġetti għal projbizzjoni operattiva fl-Unjoni jenħtieġ li tiġi emendata biex it-trasportatur tal-ajru SKOL Airline LLC jiġi inkluż fl-Anness A tar-Regolament (KE) Nru 474/2006.

(124)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jkomplu jivverifikaw il-konformità effettiva tat-trasportaturi tal-ajru ċċertifikati mir-Russja mal-istandards tas-sikurezza internazzjonali rilevanti permezz tal-prijoritizzazzjoni tal-ispezzjonijiet fir-rampa ta’ dawk it-trasportaturi tal-ajru kollha, skont ir-Regolament (UE) Nru 965/2012.

(125)

Meta dawk l-ispezzjonijiet jidentifikaw riskju imminenti għas-sikurezza minħabba nuqqas ta’ konformità mal-istandards tas-sikurezza internazzjonali, il-Kummissjoni tista’ timponi projbizzjoni fuq l-operat fuq it-trasportaturi tal-ajru ċċertifikati fir-Russja kkonċernati u tinkludihom fl-Anness A jew B tar-Regolament (KE) Nru 474/2006.

Trasportaturi tal-ajru mis-Sudan t’Isfel

(126)

Qatt ma ġew inklużi trasportaturi tal-ajru mis-Sudan t’Isfel fl-Anness A jew B tar-Regolament (KE) Nru 474/2006.

(127)

F’dawn l-aħħar tliet snin, seħħew disa’ aċċidenti u inċidenti serji fis-Sudan t’Isfel, inkluż it-tiġrif, fit-2 ta’ Marzu 2021, ta’ inġenju tal-ajru Let-410 bir-reġistrazzjoni HK-4274, operat minn South Sudan Supreme Airlines, li rriżulta f’10 fatalitajiet, u t-tiġrif reċenti, fit-2 ta’ Novembru 2021, ta’ inġenju tal-ajru Antonov AN-26 bir-reġistrazzjoni TR-NGT, li rriżulta f’ħames fatalitajiet. Fiż-żewġ każijiet, l-awtentiċità tal-marki tar-reġistrazzjoni ġiet ikkontestata, peress li dawn jidhru li ma għadhomx validi, u konsegwentement jista’ jkun li ntużaw fuq l-inġenji tal-ajru involuti bħala marki tar-reġistrazzjoni foloz. Iċ-ċirkostanzi li fihom seħħew dawk l-avvenimenti qajmu tħassib dwar il-kapaċitajiet tal-Awtorità tal-Avjazzjoni Ċivili tas-Sudan t’Isfel (“SSCAA”) li twettaq sorveljanza xierqa tas-sikurezza tat-trasportaturi tal-ajru li jinsabu taħt ir-responsabbiltà tagħha.

(128)

Fis-26 ta’ Marzu 2021, il-Kummissjoni indirizzat ittra lill-SSCAA li biha esprimiet it-tħassib tagħha dwar is-sitwazzjoni tas-sikurezza tal-avjazzjoni fis-Sudan t’Isfel, u talbet dokumenti li jiddeskrivu l-istruttura u l-organizzazzjoni tal-SSCAA, is-sistema ta’ ċertifikazzjoni u ta’ sorveljanza tagħha, u l-attivitajiet ta’ sorveljanza mwettqa fuq it-trasportaturi tal-ajru ċċertifikati fis-Sudan t’Isfel. Intalbet ukoll informazzjoni fir-rigward tal-istatus tad-detenturi attwali tal-AOC, l-inġenji tal-ajru rreġistrati fis-Sudan t’Isfel, l-organizzazzjonijiet tal-manutenzjoni, u l-liċenzji tal-ekwipaġġ tat-titjira.

(129)

Fit-23 ta’ Lulju 2021, l-SSCAA wieġbet għall-mistoqsijiet tal-Kummissjoni, u għarrfet li l-AOC ta’ South Sudan Supreme Airlines ġie sospiż. Barra minn hekk, għarrfet lill-Kummissjoni li, minħabba suspetti relatati mar-reġistrazzjoni tal-inġenji tal-ajru involuti f’dawk l-inċidenti, l-SSCAA kienet qed twettaq rieżami tal-operaturi tal-inġenji tal-ajru u tal-AOCs kollha fil-pajjiż. Barra minn hekk, l-SSCAA ikkomunikat li kienu għaddejjin azzjonijiet ta’ titjib fl-oqsma tar-Regolamenti, tal-Manwali u tat-Taħriġ. Madankollu, l-SSCAA naqset milli tipprovdi s-sett ta’ dokumenti mitlub.

(130)

Fil-5 ta’ Ottubru 2021, il-Kummissjoni bagħtet ittra oħra lill-SSCAA fejn tenniet it-talba tagħha li d-dokumenti msemmija hawn fuq jiġu ppreżentati sa mhux aktar tard mit-18 ta’ Ottubru 2021. Fl-ittra, il-Kummissjoni ċċarat ukoll li n-nuqqas li l-informazzjoni mitluba tiġi pprovduta fil-ħin jitqies bħala nuqqas ta’ kooperazzjoni mill-SSCAA, meta tqajjem tħassib dwar is-sistema ta’ sorveljanza tas-sikurezza tas-Sudan t’Isfel.

(131)

Fil-5 ta’ Novembru 2021, id-Delegazzjoni tal-UE f’Juba, is-Sudan t’Isfel, iltaqgħet mal-kap tal-SSCAA, li kkonferma li l-ittra tal-5 ta’ Ottubru 2021 kienet waslet. L-SSCAA impenjat ruħha li tibgħat tweġibiet għall-mistoqsijiet sal-aħħar ta’ Novembru, u pprovdiet żewġ dokumenti li jinkludu informazzjoni dwar il-Programm ta’ Spezzjoni, Sorveljanza u Verifika tal-SSCAA, kif ukoll rapporti dwar ir-reviżjonijiet ta’ ċerti trasportaturi tal-ajru u dwar inġenji tal-ajru rreġistrati barra l-pajjiż li joperaw fis-Sudan t’Isfel. Il-Kummissjoni se tistudja bir-reqqa d-dokumentazzjoni li se tingħata, biex tiddeċiedi jekk l-SSCAA hijiex se tiġi mistiedna għal-laqgħa li jmiss tal-Kumitat tas-Sikurezza tal-Ajru tal-UE.

(132)

F’konformità mal-kriterji komuni stabbiliti fl-Anness tar-Regolament (KE) Nru 2111/2005, u fid-dawl tal-konsultazzjonijiet li għaddejjin mal-SSCAA li nbdew skont l-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 473/2006, il-Kummissjoni tqis li bħalissa ma hemm l-ebda raġuni biex tiġi emendata l-lista tat-trasportaturi tal-ajru li huma soġġetti għal projbizzjoni fuq l-operat fl-Unjoni fir-rigward tat-trasportaturi tal-ajru mis-Sudan t’Isfel.

(133)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jkomplu jivverifikaw il-konformità effettiva tat-trasportaturi tal-ajru ċċertifikati fis-Sudan t’Isfel mal-istandards tas-sikurezza internazzjonali rilevanti permezz tal-prijoritizzazzjoni tal-ispezzjonijiet fir-rampa ta’ dawk it-trasportaturi tal-ajru kollha, skont ir-Regolament (UE) Nru 965/2012.

(134)

Meta kwalunkwe informazzjoni rilevanti dwar is-sikurezza turi riskji imminenti għas-sikurezza minħabba nuqqas ta’ konformità mal-istandards tas-sikurezza internazzjonali, tista’ tkun meħtieġa azzjoni ulterjuri mill-Kummissjoni, f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 2111/2005.

(135)

Għalhekk jenħtieġ li r-Regolament (KE) Nru 474/2006 jiġi emendat skont dan.

(136)

Minħabba l-implikazzjonijiet tas-sikurezza, l-Artikoli 5 u 6 tar-Regolament (KE) Nru 2111/2005 jirrikonoxxu l-bżonn li jittieħdu deċiżjonijiet malajr u, meta jkun xieraq, b’urġenza. Għaldaqstant, huwa essenzjali li, sabiex jiġu mħarsa l-informazzjoni sensittiva kif ukoll il-pubbliku li jivvjaġġa, kwalunkwe deċiżjonijiet fil-kuntest tal-aġġornament tal-lista tat-trasportaturi tal-ajru li huma soġġetti għal projbizzjoni jew restrizzjoni tal-operat fl-Unjoni jiġu ppubblikati u jidħlu fis-seħħ minnufih wara l-adozzjoni tagħhom.

(137)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat għas-Sikurezza tal-Ajru tal-UE stabbilit bl-Artikolu 15 tar-Regolament (KE) Nru 2111/2005,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 474/2006 huwa emendat kif ġej:

(1)

L-Anness A huwa sostitwit bit-test fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament;

(2)

L-Anness B huwa sostitwit bit-test fl-Anness II ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Novembru 2021.

Għall-Kummissjoni

F’isem il-President,

Adina VĂLEAN

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 344, 27.12.2005, p. 15.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 474/2006 tat-22 ta’ Marzu 2006 li jistabbilixxi l-lista Komunitarja ta’ kumpaniji tal-ajru li huma soġġetti għal projbizzjoni fuq l-operat fil-Komunità skont il-Kapitolu II tar-Regolament (KE) Nru 2111/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 84, 23.3.2006, p. 14).

(3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 473/2006 tat-22 ta’ Marzu 2006 li jistabbilixxi regoli ta’ implimentazzjoni għal-lista Komunitarja ta’ trasportaturi tal-ajru li huma soġġetti għal projbizzjoni fuq l-operat fil-Komunità kif jissemma fil-Kapitolu II tar-Regolament (KE) Nru 2111/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 84, 23.3.2006, p. 8).

(4)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 452/2014 tad-29 ta’ April 2014 li jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi u proċeduri amministrattivi relatati mal-operazzjonijiet tal-ajru ta’ pajjiżi terzi skont ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, (ĠU L 133, 6.5.2014, p. 12).

(5)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 965/2012 tal-5 ta’ Ottubru 2012 li jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi u proċeduri amministrattivi relatati mal-operazzjonijiet bl-ajru skont ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 296, 25.10.2012, p. 1).

(6)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/736 tat-2 ta’ Ġunju 2020 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 474/2006 fir-rigward tal-lista ta’ kumpaniji tal-ajru li huma pprojbiti milli joperaw jew li huma soġġetti għal restrizzjonijiet operattivi fl-Unjoni (ĠU L 172, 3.6.2020, p. 7).

(7)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1543/2006 tat-12 ta’ Ottubru 2006 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 474/2006 filwaqt li jistabbilixxi l-lista Komunitarja ta’ kumpaniji tal-ajru li huma soġġetti għal projbizzjoni fuq l-operat fil-Komunità skont il-Kapitolu II tar-Regolament (KE) Nru 2111/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 910/2006 (ĠU L 283, 14.10.2006, p. 27).

(8)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2322 tal-10 ta’ Diċembru 2015 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 474/2006 li jistabbilixxi l-lista Komunitarja ta’ kumpaniji tal-ajru li huma soġġetti għal projbizzjoni fuq l-operat fil-Komunità (ĠU L 328, 12.12.2015, p. 67).

(9)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/2214 tat-8 ta’ Diċembru 2016 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 474/2006 fir-rigward tal-lista ta’ kumpaniji tal-ajru li huma soġġetti għal projbizzjoni fuq l-operat fl-Unjoni (ĠU L 334, 9.12.2016, p. 6).

(10)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1318/2014 tal-11 ta’ Diċembru 2014 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 474/2006 li jistabbilixxi l-lista Komunitarja ta’ kumpaniji tal-ajru li huma soġġetti għal projbizzjoni fuq l-operat fil-Komunità (ĠU L 355, 12.12.2014, p. 8).

(11)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/618 tal-15 ta’ April 2019 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 474/2006 fir-rigward tal-lista ta’ kumpaniji tal-ajru li huma pprojbiti milli joperaw jew li huma soġġetti għal restrizzjonijiet operattivi fl-Unjoni (ĠU L 106, 17.4.2019, p. 1).

(12)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (KE) Nru 235/2007 tal-5 ta’ Marzu 2007 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 474/2006 li jistabbilixxi l-lista Komunitarja ta’ kumpaniji tal-ajru li huma soġġetti għal projbizzjoni fuq l-operat fil-Komunità (ĠU L 66, 6.3.2007, p. 3).

(13)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (KE) Nru 1400/2007 tat-28 ta’ Novembru 2007 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 474/2006 li jistabbilixxi l-lista Komunitarja ta’ trasportaturi bl-ajru li huma suġġetti għal projbizzjoni fuq l-operat fi ħdan il-Komunità (ĠU L 311, 29.11.2007, p. 12).

(14)  Ir-Regolament (UE) 2018/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2018 dwar regoli komuni fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili u li jistabbilixxi Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 2111/2005, (KE) Nru 1008/2008, (UE) Nru 996/2010, (UE) Nru 376/2014 u d-Direttivi 2014/30/UE u 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 552/2004 u (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3922/91 (ĠU L 212, 22.8.2018, p. 1).


ANNESS I

“Anness A

LISTA TA’ KUMPANIJI TAL-AJRU LI HUMA PPROJBITI MILLI JOPERAW FL-UNJONI, B’XI EĊĊEZZJONIJIET (1)

Isem l-entità legali tal-kumpanija tal-ajru kif muri fuq l-AOC tagħha (u l-isem kummerċjali tagħha, jekk dan ikun differenti)

In-numru taċ-Ċertifikat tal-Operatur tal-Ajru (“l-AOC”) jew tal-Liċenzja tal-Operat

Deżinjatur bi tliet ittri tal-ICAO

L-Istat tal-Operatur

AVIOR AIRLINES

ROI-RNR-011

ROI

il-Venezwela

BLUE WING AIRLINES

SRBWA-01/2002

BWI

is-Suriname

IRAN ASEMAN AIRLINES

FS-102

IRC

l-Iran

IRAQI AIRWAYS

001

IAW

l-Iraq

MED-VIEW AIRLINE

MVA/AOC/10-12/05

MEV

in-Niġerja

AIR ZIMBABWE (PVT)

177/04

AZW

iż-Żimbabwe

SKOL AIRLINE LLC

228

CDV

ir-Russja

Il-kumpaniji tal-ajru kollha ċċertifikati mill-awtoritajiet tal-Afganistan responsabbli għas-sorveljanza regolatorja, fosthom

 

 

l-Afganistan

ARIANA AFGHAN AIRLINES

AOC 009

AFG

l-Afganistan

KAM AIR

AOC 001

KMF

l-Afganistan

It-trasportaturi tal-ajru kollha ċċertifikati mill-awtoritajiet tal-Angola responsabbli għas-sorveljanza regolatorja, ħlief TAAG Angola Airlines u Heli Malongo, fosthom

 

 

l-Angola

AEROJET

AO-008/11-07/17 TEJ

TEJ

l-Angola

GUICANGO

AO-009/11-06/17 YYY

Mhux magħruf

l-Angola

AIR JET

AO-006/11-08/18 MBC

MBC

l-Angola

BESTFLYA AIRCRAFT MANAGEMENT

AO-015/15-06/17YYY

Mhux magħruf

l-Angola

HELIANG

AO 007/11-08/18 YYY

Mhux magħruf

l-Angola

SJL

AO-014/13-08/18YYY

Mhux magħruf

l-Angola

SONAIR

AO-002/11-08/17 SOR

SOR

l-Angola

It-trasportaturi tal-ajru kollha ċċertifikati mill-awtoritajiet tal-Armenja responsabbli għas-sorveljanza regolatorja, inklużi

 

 

l-Armenja

AIRCOMPANY ARMENIA

AM AOC 065

NGT

l-Armenja

ARMENIA AIRWAYS

AM AOC 063

AMW

l-Armenja

ARMENIAN HELICOPTERS

AM AOC 067

KAV

l-Armenja

FLYONE ARMENIA

AM AOC 074

 

l-Armenja

NOVAIR

AM AOC 071

NAI

l-Armenja

SHIRAK AVIA

AM AOC 072

SHS

l-Armenja

SKYBALL

AM AOC 073

N/A

l-Armenja

It-trasportaturi tal-ajru kollha ċċertifikati mill-awtoritajiet tal-Kongo (Brazzaville) responsabbli għas-sorveljanza regolatorja, inklużi

 

 

il-Kongo (Brazzaville)

CANADIAN AIRWAYS CONGO

CG-CTA 006

TWC

il-Kongo (Brazzaville)

EQUAFLIGHT SERVICES

CG-CTA 002

EKA

il-Kongo (Brazzaville)

EQUAJET

RAC06-007

EKJ

il-Kongo (Brazzaville)

TRANS AIR CONGO

CG-CTA 001

TSG

il-Kongo (Brazzaville)

SOCIETE NOUVELLE AIR CONGO

CG-CTA 004

Mhux magħruf

il-Kongo (Brazzaville)

Il-kumpaniji tal-ajru kollha ċċertifikati mill-awtoritajiet tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo (RDK) responsabbli għas-sorveljanza regolatorja, fosthom

 

 

ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (RDK)

AIR FAST CONGO

AAC/DG/OPS-09/03

Mhux magħruf

ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (RDK)

AIR KATANGA

AAC/DG/OPS-09/08

Mhux magħruf

ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (RDK)

BUSY BEE CONGO

AAC/DG/OPS-09/04

Mhux magħruf

ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (RDK)

COMPAGNIE AFRICAINE D’AVIATION (CAA)

AAC/DG/OPS-09/02

Mhux magħruf

ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (RDK)

CONGO AIRWAYS

AAC/DG/OPS-09/01

Mhux magħruf

ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (RDK)

KIN AVIA

AAC/DG/OPS-09/10

Mhux magħruf

ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (RDK)

MALU AVIATION

AAC/DG/OPS-09/05

Mhux magħruf

ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (RDK)

SERVE AIR CARGO

AAC/DG/OPS-09/07

Mhux magħruf

ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (RDK)

SWALA AVIATION

AAC/DG/OPS-09/06

Mhux magħruf

ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (RDK)

MWANT JET

AAC/DG/OPS-09/09

Mhux magħruf

ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo

(RDC)

Il-kumpaniji tal-ajru kollha ċċertifikati mill-awtoritajiet tal-Djibouti responsabbli għas-sorveljanza regolatorja, fosthom

 

 

il-Djibouti

DAALLO AIRLINES

Mhux magħruf

DAO

il-Djibouti

Il-kumpaniji tal-ajru kollha ċċertifikati mill-awtoritajiet tal-Guinea Ekwatorjali responsabbli għas-sorveljanza regolatorja, fosthom

 

 

il-Guinea Ekwatorjali

CEIBA INTERCONTINENTAL

2011/0001/MTTCT/DGAC/SOPS

CEL

il-Guinea Ekwatorjali

CRONOS AIRLINES

2011/0004/MTTCT/DGAC/SOPS

Mhux magħruf

il-Guinea Ekwatorjali

Il-kumpaniji tal-ajru kollha ċċertifikati mill-awtoritajiet tal-Eritrea responsabbli għas-sorveljanza regolatorja, fosthom

 

 

l-Eritrea

ERITREAN AIRLINES

AOC Nru 004

ERT

l-Eritrea

NASAIR ERITREA

AOC Nru 005

NAS

l-Eritrea

It-trasportaturi tal-ajru kollha ċċertifikati mill-awtoritajiet tal-Kirgiżistan responsabbli għas-sorveljanza regolatorja, inklużi

 

 

il-Kirgiżistan

AEROSTAN

08

BSC

il-Kirgiżistan

AIR COMPANY AIR KG

50

Mhux magħruf

il-Kirgiżistan

AIR MANAS

17

MBB

il-Kirgiżistan

AVIA TRAFFIC COMPANY

23

AVJ

il-Kirgiżistan

FLYSKY AIRLINES

53

FSQ

il-Kirgiżistan

HELI SKY

47

HAC

il-Kirgiżistan

KAP.KG AIRCOMPANY

52

KGS

il-Kirgiżistan

SKY KG AIRLINES

41

KGK

il-Kirgiżistan

TEZ JET

46

TEZ

il-Kirgiżistan

VALOR AIR

07

VAC

il-Kirgiżistan

Il-kumpaniji tal-ajru kollha ċċertifikati mill-awtoritajiet tal-Liberja responsabbli għas-sorveljanza regolatorja.

 

 

il-Liberja

Il-kumpaniji tal-ajru kollha ċċertifikati mill-awtoritajiet tal-Libja responsabbli għas-sorveljanza regolatorja, fosthom

 

 

il-Libja

AFRIQIYAH AIRWAYS

007/01

AAW

il-Libja

AIR LIBYA

004/01

TLR

il-Libja

AL MAHA AVIATION

030/18

Mhux magħruf

il-Libja

BERNIQ AIRWAYS

032/21

BNL

il-Libja

BURAQ AIR

002/01

BRQ

il-Libja

GLOBAL AIR TRANSPORT

008/05

GAK

il-Libja

HALA AIRLINES

033/21

HTP

il-Libja

LIBYAN AIRLINES

001/01

LAA

il-Libja

LIBYAN WINGS AIRLINES

029/15

LWA

il-Libja

PETRO AIR

025/08

PEO

il-Libja

Il-kumpaniji tal-ajru kollha ċċertifikati mill-awtoritajiet tan-Nepal responsabbli għas-sorveljanza regolatorja, fosthom

 

 

in-Nepal

AIR DYNASTY HELI. S.

035/2001

Mhux magħruf

in-Nepal

ALTITUDE AIR

085/2016

Mhux magħruf

in-Nepal

BUDDHA AIR

014/1996

BHA

in-Nepal

FISHTAIL AIR

017/2001

Mhux magħruf

in-Nepal

SUMMIT AIR

064/2010

Mhux magħruf

in-Nepal

HELI EVEREST

086/2016

Mhux magħruf

in-Nepal

HIMALAYA AIRLINES

084/2015

HIM

in-Nepal

KAILASH HELICOPTER SERVICES

087/2018

Mhux magħruf

in-Nepal

MAKALU AIR

057 A/2009

Mhux magħruf

in-Nepal

MANANG AIR PVT

082/2014

Mhux magħruf

in-Nepal

MOUNTAIN HELICOPTERS

055/2009

Mhux magħruf

in-Nepal

PRABHU HELICOPTERS

081/2013

Mhux magħruf

in-Nepal

NEPAL AIRLINES CORPORATION

003/2000

RNA

in-Nepal

SAURYA AIRLINES

083/2014

Mhux magħruf

in-Nepal

SHREE AIRLINES

030/2002

SHA

in-Nepal

SIMRIK AIR

034/2000

Mhux magħruf

in-Nepal

SIMRIK AIRLINES

052/2009

RMK

in-Nepal

SITA AIR

033/2000

Mhux magħruf

in-Nepal

TARA AIR

053/2009

Mhux magħruf

in-Nepal

YETI AIRLINES

037/2004

NYT

in-Nepal

Il-kumpaniji tal-ajru kollha ċċertifikati mill-awtoritajiet ta’ São Tomé u Príncipe responsabbli għas-sorveljanza regolatorja, fosthom

 

 

São Tomé u Príncipe

AFRICA’S CONNECTION

10/AOC/2008

ACH

São Tomé u Príncipe

STP AIRWAYS

03/AOC/2006

STP

São Tomé u Príncipe

It-trasportaturi tal-ajru kollha ċċertifikati mill-awtoritajiet ta’ Sierra Leone responsabbli għas-sorveljanza regolatorja

 

 

Sierra Leone

Il-kumpaniji tal-ajru kollha ċċertifikati mill-awtoritajiet tas-Sudan responsabbli għas-sorveljanza regolatorja, fosthom

 

 

is-Sudan

ALFA AIRLINES SD

54

AAJ

is-Sudan

BADR AIRLINES

35

BDR

is-Sudan

BLUE BIRD AVIATION

11

BLB

is-Sudan

ELDINDER AVIATION

8

DND

is-Sudan

GREEN FLAG AVIATION

17

GNF

is-Sudan

HELEJETIC AIR

57

HJT

is-Sudan

KATA AIR TRANSPORT

9

KTV

is-Sudan

KUSH AVIATION CO.

60

KUH

is-Sudan

NOVA AIRWAYS

46

NOV

is-Sudan

SUDAN AIRWAYS CO.

1

SUD

is-Sudan

SUN AIR

51

SNR

is-Sudan

TARCO AIR

56

TRQ

is-Sudan


(1)  Il-kumpaniji tal-ajru mniżżlin fl-Anness B jistgħu jitħallew jeżerċitaw id-drittijiet tat-traffiku tagħhom billi jużaw inġenji tal-ajru mikrijin bl-ekwipaġġ mingħand kumpanija tal-ajru li mhijiex soġġetta għal projbizzjoni fuq l-operat, dejjem jekk jitħarsu l-istandards rilevanti tas-sikurezza.


ANNESS II

“ANNESS B

LISTA TA’ KUMPANIJI TAL-AJRU LI HUMA SOĠĠETTI GĦAL RESTRIZZJONIJIET OPERATTIVI FL-UNJONI (1)

Isem l-entità legali tal-kumpanija tal-ajru kif muri fuq l-AOC tagħha (u l-isem kummerċjali tagħha, jekk dan ikun differenti)

In-numru taċ-Ċertifikat tal-Operatur tal-Ajru (“AOC”)

Deżinjatur bi tliet ittri tal-ICAO

L-Istat tal-Operatur

It-tip ta’ inġenju tal-ajru soġġett għal restrizzjoni

Il-marka/i tar-reġistrazzjoni u, meta jkun(u) disponibbli, in-numru/i tas-serje tal-kostruzzjoni tal-inġenju tal-ajru soġġett għal restrizzjoni

L-Istat tar-reġistrazzjoni

IRAN AIR

FS100

IRA

L-Iran

L-inġenji tal-ajru kollha tat-tip Fokker F100 u tat-tip Boeing B747

L-inġenji tal-ajru tat-tip Fokker F100 kif jissemma fl-AOC; l-inġenji tal-ajru tat-tip Boeing B747 kif jissemma fl-AOC

L-Iran

AIR KORYO

GAC-AOC/KOR-01

KOR

Il-Korea ta’ Fuq

Il-flotta kollha ħlief: 2 inġenji tal-ajru tat-tip TU- 204.

Il-flotta kollha ħlief: P-632, P-633.

Il-Korea ta’ Fuq


(1)  Il-kumpaniji tal-ajru mniżżlin fl-Anness B jistgħu jitħallew jeżerċitaw id-drittijiet tat-traffiku tagħhom billi jużaw inġenji tal-ajru mikrijin bl-ekwipaġġ mingħand kumpanija tal-ajru li mhijiex soġġetta għal projbizzjoni fuq l-operat, dejjem jekk jitħarsu l-istandards rilevanti tas-sikurezza.