26.11.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 421/28


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/2069

tal-25 ta’ Novembru 2021

li jemenda l-Anness VI tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2072 fir-rigward tal-introduzzjoni fl-Unjoni ta’ patata għall-konsum mill-Bożnija-Ħerzegovina, mill-Montenegro u mis-Serbja u li jħassar id-Deċiżjonijiet ta’ Implimentazzjoni 2012/219/UE u (UE) 2015/1199

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2016 dwar il-miżuri protettivi kontra pesti tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 228/2013, (UE) Nru 652/2014 u (UE) Nru 1143/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 69/464/KEE, 74/647/KEE, 93/85/KEE, 98/57/KE, 2000/29/KE, 2006/91/KE u 2007/33/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 40(2) tiegħu,

Billi:

(1)

L-entrata 17 tal-Anness VI tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2072 (2) tipprojbixxi l-introduzzjoni fl-Unjoni ta’ tuberi tal-ispeċi Solanum L. u l-ibridi tagħhom, minbarra dawk speċifikati fl-entrati 15 u 16 tiegħu, inklużi tuberi tas-Solanum tuberosum L. (il-“pjanta speċifikata”) li joriġinaw f’ċerti pajjiżi terzi.

(2)

Dik il-projbizzjoni ma tapplikax għal pajjiżi terzi Ewropej u żoni speċifiċi elenkati fl-entrata 17, ir-raba’ kolonna, il-punt (b) tal-Anness VI tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2072, jekk huma rikonoxxuti bħala ħielsa mill-Clavibacter sepedonicus (Spieckermann u Kotthoff) Nouioui et al. (“il-pest speċifikat”), li jikkawża l-marda tat-tħassir ċirkulari fil-patata, jew jekk il-leġiżlazzjoni tagħhom hija rikonoxxuta bħala ekwivalenti għar-regoli tal-Unjoni dwar il-protezzjoni kontra dak il-pest.

(3)

Mill-informazzjoni pprovduta mill-Montenegro u relatata mal-kampanji ta’ stħarriġ annwali bejn l-2010 u l-2020, u mill-informazzjoni miġbura matul awditu tal-Kummissjoni dwar is-settur tal-patata mwettaq f’dak il-pajjiż f’Novembru 2019, jidher li l-pest speċifikat ma kienx preżenti fil-Montenegro. Dak il-pajjiż żviluppa pjan ta’ azzjoni ta’ segwitu sodisfaċenti b’reazzjoni għar-rakkomandazzjonijiet tar-rapport finali tal-awditu fir-rigward tat-titjib tal-kontrolli tas-saħħa tal-pjanti fis-settur tal-patata. Għalhekk jixraq li l-Montenegro jiġi rikonoxxut bħala ħieles mill-Clavibacter sepedonicus (Spieckermann u Kotthoff) Nouioui et al. u li tkun permessa l-introduzzjoni fl-Unjoni tal-patata għall-konsum mill-Montenegro, peress li titqies ħielsa mill-pest speċifikat.

(4)

Id-Deċiżjonijiet ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2012/219/UE (3) u (UE) 2015/1199 (4) irrikonoxxew lis-Serbja u lill-Bożnija-Ħerzegovina, rispettivament, bħala ħielsa mill-pest speċifikat.

(5)

Peress li, abbażi tar-riżultati u tal-awditi rispettivi tal-istħarriġ, is-sitwazzjoni ma nbidlitx fil-Bożnija-Ħerzegovina u fis-Serbja mill-adozzjoni ta’ dawk id-Deċiżjonijiet ta’ Implimentazzjoni, dawk il-pajjiżi terzi għadhom meqjusa bħala ħielsa mill-pest speċifikat u l-patata tal-konsum prodotta fit-territorji tagħhom jenħtieġ li titħalla tiġi introdotta fl-Unjoni.

(6)

Sabiex jiġi żgurat li l-Bożnija-Ħerzegovina, il-Montenegro, is-Serbja u r-Renju Unit jibqgħu ħielsa mill-pest speċifikat, dawk il-pajjiżi terzi jenħtieġ li jippreżentaw lill-Kummissjoni, sat-30 ta’ April ta’ kull sena, ir-riżultati tal-istħarriġ tas-sena ta’ qabel li jikkonfermaw li l-pest speċifikat mhuwiex preżenti fit-territorji tagħhom, għaliex dan jiżgura l-aktar perjodu ta’ żmien xieraq għall-ġbir u l-preżentazzjoni xierqa ta’ dawk ir-riżultati.

(7)

Għalhekk, jeħtieġ li l-entrata 17, ir-raba’ kolonna, il-punti (b) u (c) tal-Anness VI tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2072 tiġi emendata skont dan, sabiex tikkonċerna wkoll lill-Bożnija-Ħerzegovina, lill-Montenegro, lis-Serbja u lir-Renju Unit.

(8)

Għal raġunijiet ta’ ċarezza ġuridika, id-Deċiżjonijiet ta’ Implimentazzjoni 2012/219/UE u (UE) 2015/1199 jenħtieġ li jitħassru.

(9)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness VI tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2072 huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Id-Deċiżjonijiet ta’ Implimentazzjoni 2012/219/UE u (UE) 2015/1199 huma b’dan imħassrin.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Novembru 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 317, 23.11.2016, p. 4.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2072 tat-28 ta’ Novembru 2019 li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward il-miżuri protettivi kontra l-pesti tal-pjanti, u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 690/2008 u jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2019 (ĠU L 319, 10.12.2019, p. 1).

(3)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2012/219/UE tal-24 ta’ April 2012 li tirrikonoxxi s-Serbia bħala ħielsa mill-Clavibacter michiganensis ssp. sepedonicus (Spieckerman et Kotthoff) Davis et al. (ĠU L 114, 26.4.2012, p. 28).

(4)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1199 tas-17 ta’ Lulju 2015 li tirrikonoxxi lill-Bożnija-Ħerzegovina bħala ħielsa mill-Clavibacter michiganensis ssp. sepedonicus (Spieckerman u Kotthoff) Davis et al. (ĠU L 194, 22.7.2015, p. 42).


ANNESS

Fir-raba’ kolonna tal-entrata 17 tal-Anness VI tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2072, it-test jinbidel b’dan li ġej:

“Pajjiżi terzi jew reġjuni għajr:

(a)

l-Alġerija, l-Eġittu, l-Iżrael, il-Libja, il-Marokk, is-Sirja, l-Iżvizzera, it-Tuneżija u t-Turkija;

jew

(b)

dawk li jissodisfaw dan li ġejjin:

(i)

ikunu wieħed minn dawn li ġejjin:

l-Albanija, Andorra, l-Armenja, l-Ażerbajġan, il-Belarussja, il-Gżejjer Kanarji, il-Gżejjer Faeroe, il-Georgia, l-Iżlanda, il-Liechtenstein, il-Moldova, Monaco, il-Maċedonja ta’ Fuq, in-Norveġja, ir-Russja (il-partijiet li ġejjin biss: id-Distrett Federali Ċentrali (Tsentralny federalny okrug), id-Distrett Federali tal-Majjistral (Severo-Zapadny federalny okrug), id-Distrett Federali tan-Nofsinhar (Yuzhny federalny okrug), id-Distrett Federali Kawkasu tat-Tramuntana (Severo-Kavkazsky federalny okrug) u d-Distrett Federali ta’ Volga (Privolzhsky federalny okrug)), San Marino, u l-Ukrajna;

kif ukoll

(ii)

jissodisfaw waħda minn dawn li ġejjin:

ikunu rikonoxxuti bħala ħielsa mill-Clavibacter sepedonicus (Spieckermann u Kotthoff) Nouioui et al., f’konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 107 tar-Regolament (UE) 2016/2031, jew

il-leġiżlazzjoni tagħhom tkun rikonoxxuta bħala ekwivalenti mar-regoli tal-Unjoni li jikkonċernaw protezzjoni kontra l-Clavibacter sepedonicus (Spieckermann u Kotthoff) Nouioui et al. f’konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 107 tar-Regolament (UE) 2016/2031,

jew

(c)

Il-Bożnija-Ħerzegovina, il-Montenegro, is-Serbja u r-Renju Unit (*1), dejjem jekk tiġi ssodisfata l-kundizzjoni li ġejja: is-sottomissjoni minn dawk il-pajjiżi terzi lill-Kummissjoni, sat-30 ta’ April ta’ kull sena, tar-riżultati tal-istħarriġ tas-sena ta’ qabel li jikkonfermaw li l-Clavibacter sepedonicus (Spieckermann and Kotthoff) Nouioui et al. mhijiex preżenti fit-territorji tagħhom.


(*1)  F’konformità mal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b’mod partikolari l-Artikolu 5(4) tal-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq flimkien mal-Anness 2 ta’ dak il-Protokoll, għall-finijiet ta’ dan l-Anness, ir-referenzi għar-Renju Unit ma jinkludux l-Irlanda ta’ Fuq.”.”