26.11.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 421/1


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2021/2061

tal-11 ta’ Novembru 2021

dwar l-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd skont il-Protokoll dwar l-Implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija fil-qasam tas-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Iżlamika tal-Mauritania (2021–2026)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Ftehim ta’ Sħubija dwar fil-qasam tas-Sajd Sostenibbli bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika Iżlamika tal-Mauritania (minn hawn ’il quddiem “il-Mauritania”), approvat permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1801/2006 (1), ġie applikat b’mod provviżorju mit-8 ta’ Awwissu 2008. Il-Protokoll tiegħu li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti minn dan il-Ftehim, li ġie applikat, b’mod provviżorju mill-istess jum, ġie sostitwit diversi drabi.

(2)

L-aħħar Protokoll tal-Ftehim fis-seħħ bħalissa jiskadi fil-15 ta’ Novembru 2021.

(3)

Fit-8 ta’ Lulju 2019, il-Kunsill adotta Deċiżjoni li tawtorizza lill-Kummissjoni biex tiftaħ negozjati mal-Mauritania sabiex jiġi konkluż ftehim ta’ sħubija ġdid fil-qasam tas-sajd sostenibbli kif ukoll protokoll ġdid li jimplimenta dak il-ftehim.

(4)

Bejn Settembru 2019 u Lulju 2021, twettqu tmien ċikli ta’ negozjati mal-Mauritania. Dawn in-negozjati ġew finalizzati u l-Ftehim ta’ Sħubija fil-qasam tas-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Iżlamika tal-Mauritania (minn hawn ’il quddiem “il-Ftehim ta’ Sħubija”) u l-Protokoll ta’ Implimentazzjoni tiegħu (minn hawn ’il quddiem “Protokoll”) ġew inizjalati fit-28 ta’ Lulju 2021.

(5)

F’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill ST 12392/21 (2), il-Ftehim ta’ Sħubija u l-Protokoll ġew iffirmati fil-15 ta’ Novembru 2021.

(6)

Jenħtieġ li l-opportunitajiet tas-sajd previsti fil-Protokoll jiġu allokati fost l-Istati Membri għall-perjodu kollu tal-applikazzjoni tiegħu.

(7)

Jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ malajr kemm jista’ jkun minħabba l-importanza ekonomika tal-attivitajiet tas-sajd tal-Unjoni fiż-żona tas-sajd tal-Mauritania u l-ħtieġa li jitnaqqas, jew li kemm jista’ jkun jiġi evitat, iż-żmien li dawk l-attivitajiet idumu interrotti, fejn rilevanti.

(8)

Il-Protokoll ser jibda japplika b’mod provviżorju mid-data tal-iffirmar tiegħu sabiex ikunu jistgħu jitkomplew l-attivitajiet tas-sajd tal-bastimenti tal-Unjoni. Għalhekk, jenħtieġ li dan ir-Regolament jibda japplika mill-istess data,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-opportunitajiet tas-sajd stabbiliti fil-Protokoll għandhom jitqassmu fost l-Istati Membri kif ġej:

(1)

Kategorija 1 — Bastimenti tas-sajd li jistadu għall-krustaċji ħlief għall-awwista u għall-granċ:

Spanja

4 150 tunnellata

L-Italja

600 tunnellata

Il-Portugall

250 tunnellata

F’din il-kategorija, fi kwalunkwe waqt jista’ jkun hemm għadd massimu ta’ 15-il bastiment fl-ilmijiet tal-Mauritania.

(2)

Kategorija 2 — Bastimenti tat-tkarkir (mingħajr friża) u bastimenti tas-sajd bil-konz tal-qiegħ għall-merluzz l-iswed:

Spanja

6 000 tunnellata

F’din il-kategorija, fi kwalunkwe waqt jista’ jkun hemm għadd massimu ta’ erba’ bastimenti fl-ilmijiet tal-Mauritania.

(3)

Kategorija 2a — Bastimenti tat-tkarkir (mgħammra bi friża) użati għas-sajd għall-merluzz l-iswed:

Spanja:

Merluzz iswed

3 500 tunnellata

Klamar

1 450 tunnellata

Siċċ

600 tunnellata

F’din il-kategorija, fi kwalunkwe waqt jista’ jkun hemm għadd massimu ta’ sitt bastimenti fl-ilmijiet tal-Mauritania.

(4)

Kategorija 3 — Bastimenti tas-sajd għall-ispeċijiet tal-ħut tal-qiegħ minbarra l-merluzz l-iswed, bi rkaptu ieħor mhux bix-xbieki tat-tkarkir:

Spanja

3 000 tunnellata

F’din il-kategorija, fi kwalunkwe waqt jista’ jkun hemm għadd massimu ta’ sitt bastimenti fl-ilmijiet tal-Mauritania.

(5)

Kategorija 4 — Bastimenti tas-sajd għat-tonn bit-tartaruni (14 000 tunnellata — tunnellaġġ ta’ referenza):

Spanja

17 -il liċenzja annwali

Franza

12 -il liċenzja annwali

(6)

Kategorija 5 — Bastimenti tas-sajd għat-tonn bil-qasba u bastimenti tas-sajd bil-konz (7 000 tunnellata — tunnellaġġ ta’ referenza):

Spanja

14 -il liċenzja annwali

Franza

liċenzja annwali waħda

(7)

Kategorija 6 — Bastimenti tat-tkarkir mgħammra bi friża użati għas-sajd għall-ħut pelaġiku:

Il-Ġermanja

13 038,4 tunnellati

Franza

2 714,6 tunnellati

Il-Latvja

55 966,6 tunnellati

Il-Litwanja

59 837,6 tunnellati

In-Netherlands

64 976,1 tunnellata

Il-Polonja

27 106,6 tunnellati

L-Irlanda

8 860,1 tunnellata

Matul il-perjodu ta’ applikazzjoni tal-Protokoll, l-Istati Membri għandu jkollhom l-għadd ta’ liċenzji ta’ tliet xhur li ġej:

Il-Ġermanja

4

Franza

2

Il-Latvja

20

Il-Litwanja

22

In-Netherlands

16

Il-Polonja

8

L-Irlanda

2

L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni jekk ċerti liċenzji jkunu jistgħu jitqiegħdu għad-dispożizzjoni ta’ Stati Membri oħrajn.

F’din il-kategorija, fi kwalunkwe waqt jista’ jkun hemm għadd massimu ta’ 19 bastimenti fl-ilmijiet tal-Mauritania.

(8)

Kategorija 7 — Bastimenti tas-sajd għall-ħut pelaġiku frisk:

L-Irlanda

15 000 tunnellata

F’każ li ma jintużawx, dawn l-opportunitajiet tas-sajd għandhom jiġu ttrasferiti għall-kategorija 6 skont il-metodu għall-allokazzjoni ta’ dik il-kategorija.

F’din il-kategorija, fi kwalunkwe waqt jista’ jkun hemm għadd massimu ta’ żewġ bastimenti fl-ilmijiet tal-Mauritania.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-15 ta’ Novembru 2021 (id-data tal-iffirmar tal-Protokoll).

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ Novembru 2021.

Għall-Kunsill

Il-President

Z. POČIVALŠEK


(1)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1801/2006 tat- 30 ta’ Novembru 2006 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija fis-settur tas-sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika Iżlamika tal-Mawritanja (ĠU L 343, 8.12.2006, p. 1).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill ST 12392/21 tal-11 ta’ Novembru 2021 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim ta’ Sħubija fil-qasam tas-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Iżlamika tal-Mauritania kif ukoll tal-Protokoll ta’ Implimentazzjoni tiegħu (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).