|
23.11.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 416/80 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/2037
tat-22 ta’ Novembru 2021
li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-eżenzjonijiet mill-obbligi tar-reġistrazzjoni tal-istabbilimenti tal-akkwakultura u ż-żamma tar-rekords tal-operaturi
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mard trasmissibbli tal-annimali u li jemenda u jħassar ċerti atti fil-qasam tas-saħħa tal-annimali (“Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali”) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 175(2) u l-Artikolu 190 tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament (UE) 2016/429 jistabbilixxi r-regoli li jikkonċernaw l-obbligu tal-operaturi li jirreġistraw l-istabbilimenti tal-akkwakultura u l-obbligi taż-żamma tar-rekords għall-operaturi tal-istabbilimenti tal-akkwakultura u għat-trasportaturi tal-annimali akkwatiċi. Barra minn hekk, dak ir-Regolament jipprevedi li l-Kummissjoni tista’ tistabbilixxi regoli ta’ implimentazzjoni li jikkonċernaw it-tipi ta’ stabbilimenti tal-akkwakultura, li l-Istati Membri jistgħu jeżentawhom mir-rekwiżit li jkunu reġistrati, għaliex jippreżentaw riskju insinifikanti ta’ tixrid tal-mard elenkat jew emerġenti, kif ukoll regoli ta’ implimentazzjoni dwar it-tipi ta’ stabbilimenti tal-akkwakultura u trasportaturi ta’ annimali akkwatiċi li l-Istati Membri jistgħu jeżentawhom mir-rekwiżit li jżommu ċerti tipi ta’ rekords. Għalhekk, huwa xieraq li dawn ir-regoli jiġu stabbiliti f’dan ir-Regolament. Minbarra dan, billi r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/691 (2) ġie adottat fi ħdan il-qafas tar-Regolament (UE) 2016/429, u jistabbilixxi regoli dwar l-annimali akkwatiċi, jenħtieġ li d-definizzjonijiet stabbiliti f’dak ir-Regolament Delegat japplikaw ukoll għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament. |
|
(2) |
Id-definizzjoni ta’ “stabbiliment” stipulata fil-punt (27) tal-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2016/429 hija wiesgħa hekk kif inhi d-definizzjoni ta’ “akkwakultura” li hija stipulata fil-punt (6) ta’ dak l-Artikolu. Għalhekk huwa xieraq li s-setgħa mogħtija lill-Kummissjoni bl-Artikolu 175(2) ta’ dak ir-Regolament, jenħtieġ li tintuża biex tippermetti lill-Istati Membri jeżentaw ċerti tipi ta’ stabbilimenti tal-akkwakultura li jippreżentaw riskju insinifikanti, mir-rekwiżit li jiġu rreġistrati mill-awtorità kompetenti. |
|
(3) |
Ċerti stabbilimenti tal-akkwakultura li huma faċilitajiet magħluqa jew li ma jarmux effluwenti direttament fl-ilmijiet naturali, jippreżentaw riskju baxx li jikkontaminaw l-ilmijiet miftuħa. Meta jitqiesu fatturi addizzjonali bħall-movimenti ta’ annimali akkwatiċi lejn l-istabbiliment tal-akkwakultura u minnu u l-ispeċijiet, il-kategoriji, u l-kwantità ta’ annimali miżmuma hemmhekk, uħud minn dawn l-istabbilimenti tal-akkwakultura jistgħu jitqiesu li jippreżentaw riskju insinifikanti ta’ tixrid ta’ mard u għalhekk l-Istati Membri jistgħu jeżentawhom mir-rekwiżit tar-reġistrazzjoni. |
|
(4) |
Annimali akkwatiċi ornamentali spiss jinżammu bħala annimali domestiċi fi stabbilimenti li mhumiex unitajiet domestiċi. Stabbilimenti bħal dawn huma koperti bid-definizzjoni ta’ “stabbiliment” kif stipulata fil-punt (27) tal-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2016/429. Bl-istess mod, l-istabbilimenti fejn l-annimali tal-akkwakultura jinżammu għall-kura tas-saħħa u għal skopijiet simili oħra, huma koperti bid-definizzjoni ta’ “stabbiliment”. Spiss, l-annimali tal-akkwakultura jinżammu wkoll għall-wiri fir-ristoranti filwaqt li jistennew li jinxtraw biex jiġu kkunsmati mill-bniedem, u xi kultant jinżammu wkoll f’għadajjar jew tankijiet fl-unitajiet domestiċi, bl-intenzjoni li jiġu kkunsmati mill-bniedem. Jekk stabbilimenti tal-akkwakultura bħal dawn ikunu faċilitajiet magħluqa jew ma jarmux effluwenti direttament fl-ilmijiet naturali u ma jċaqalqux annimali tal-akkwakultura, jkunu ta’ riskju insinifikanti, u għalhekk jenħtieġ li l-Istati Membri jitħallew jeżentawhom mir-rekwiżit tar-reġistrazzjoni. |
|
(5) |
F’ċerti każijiet, skont it-tip ta’ faċilità tal-akkwakultura inkwistjoni, jenħtieġ li jkunu ssodisfati wkoll rekwiżiti addizzjonali sabiex ir-riskji tal-mard jiġu mitigati u jkun possibbli ssir l-eżenzjoni mir-reġistrazzjoni. Pereżempju, il-ħwienet bl-imnut li jbigħu speċijiet ornamentali lil indokraturi ta’ annimali domestiċi, jew faċilitajiet ta’ rikreazzjoni jew unitajiet domestiċi fejn l-annimali tal-akkwakultura jinżammu barra f’għadajjar jew tankijiet bħala d-destinazzjoni finali tagħhom, jenħtieġ li jkunu fornuti direttament minn stabbiliment tal-akkwakultura approvat f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/429, sabiex l-Istati Membri jeżentawhom mir-rekwiżit tar-reġistrazzjoni. |
|
(6) |
L-istabbilimenti tal-akkwakultura li jkunu magħmulin minn gaġeġ bix-xibka jew strutturi oħra fejn annimali akkwatiċi li kienu selvaġġi jinżammu temporanjament f’ilmijiet naturali, fl-istess unità epidemjoloġika bħal dik li jkunu nqabdu fiha, filwaqt li jistennew il-ħsad għall-konsum mill-bniedem, ukoll jippreżentaw riskju ta’ mard insinifikanti u l-Istati Membri jistgħu jeżentawhom mir-rekwiżit li jiġu rreġistrati. |
|
(7) |
Iż-żamma tar-rekords hija importanti għat-traċċabbiltà tal-annimali tal-akkwakultura. Madankollu, f’ċerti ċirkostanzi, jistgħu jingħataw eżenzjonijiet mir-rekwiżit li l-operaturi jżommu rekords bħal dawn meta r-riskju assoċjat ma’ tip partikolari ta’ stabbiliment tal-akkwakultura jkun baxx. L-istabbilimenti tal-akkwakultura rreġistrati f’konformità mal-Artikolu 173 tar-Regolament (UE) 2016/429, li ma jċaqilqux l-annimali tal-akkwakultura lejn stabbilimenti tal-akkwakultura oħrajn jew jeħilsuhom fl-ambjent naturali tagħhom, jippreżentaw livell aktar baxx ta’ riskju minn dawk li jridu jiġu approvati f’konformità mal-Artikoli 176 jew 177 ta’ dak ir-Regolament. Għalhekk, l-Istati Membri jistgħu jeżentaw lill-istabbilimenti tal-akkwakultura rreġistrati bħal dawn mir-rekwiżit li jżommu ċerti rekords. |
|
(8) |
L-Istati Membri jistgħu jeżentaw ukoll lit-trasportaturi ta’ ċerti kategoriji ta’ annimali akkwatiċi, li huma trasportati b’mod bijosigur, mir-rekwiżit li jżommu ċerti rekords. Il-kategoriji ta’ annimali akkwatiċi u d-dettalji tal-kundizzjonijiet li skonthom iridu jiġu ttrasportati, kif ukoll ir-rekords li minnhom huma eżentati, jenħtieġ li jiġu stabbiliti f’dan ir-Regolament. |
|
(9) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni
Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli li jikkonċernaw:
|
(a) |
it-tipi ta’ stabbilimenti tal-akkwakultura li jippreżentaw riskju insinifikanti, li l-Istati Membri jistgħu jeżentawhom mir-rekwiżit tar-reġistrazzjoni f’konformità mal-Artikolu 174 tar-Regolament (UE) 2016/429; |
|
(b) |
it-tipi ta’ stabbilimenti tal-akkwakultura u ta’ trasportaturi li jippreżentaw riskju baxx għat-tixrid tal-mard elenkat jew emerġenti, li l-Istati Membri jistgħu jeżentawhom mir-rekwiżiti taż-żamma tar-rekords previsti fl-Artikoli 186 u 188 tar-Regolament (UE) 2016/429. |
Artikolu 2
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2 tar-Regolament Delegat (UE) 2020/691.
Artikolu 3
Tipi ta’ stabbilimenti tal-akkwakultura li l-Istati Membri jistgħu jeżentawhom mir-rekwiżit li jkunu reġistrati
it-tipi ta’ stabbilimenti tal-akkwakultura li l-Istati Membri jistgħu jeżentawhom mir-rekwiżit tar-reġistrazzjoni f’konformità mal-Artikolu 174 tar-Regolament (UE) 2016/429 għandhom ikunu dawn li ġejjin:
|
(a) |
stabbilimenti tal-akkwakultura li huma faċilitajiet magħluqa jew li ma jarmux effluwenti direttament fl-ilmijiet naturali, u li ma jmexxux l-annimali tal-akkwakultura lejn stabbilimenti tal-akkwakultura oħrajn jew jeħilsuhom fl-ambjent naturali tagħhom, u huma wieħed mit-tipi ta’ stabbilimenti tal-akkwakultura li ġejjin:
|
|
(b) |
stabbilimenti tal-akkwakultura li huma magħmula minn gaġeġ bix-xibka jew strutturi oħra fejn annimali akkwatiċi li kienu selvaġġi jinżammu temporanjament f’ilmijiet naturali, fl-istess unità epidemjoloġika bħal dik li jkunu nqabdu fiha, filwaqt li jistennew il-ħsad għall-konsum mill-bniedem. |
Artikolu 4
Tipi ta’ stabbilimenti tal-akkwakultura u ta’ trasportaturi li l-Istati Membri jistgħu jeżentawhom minn ċerti rekwiżiti taż-żamma tar-rekords
1. It-tipi ta’ stabbilimenti tal-akkwakultura li, f’konformità mal-Artikolu 186(2) tar-Regolament (UE) 2016/429, l-Istati Membri jistgħu jeżentawhom mir-rekwiżit taż-żamma tar-rekords tal-informazzjoni kollha jew parti minnha elenkat fil-punti (c), (d) u (e) tal-Artikolu 186(1) ta’ dak ir-Regolament għandhom ikunu dawk l-istabbilimenti tal-akkwakultura jew il-gruppi ta’ stabbilimenti tal-akkwakultura, li jikkonformaw mal-kundizzjonijiet li ġejjin:
|
(a) |
ikunu ġew irreġistrati mill-awtorità kompetenti f’konformità mal-Artikolu 173 tar-Regolament (UE) 2016/429; kif ukoll |
|
(b) |
ma jmexxux l-annimali tal-akkwakultura lejn stabbilimenti tal-akkwakultura oħrajn jew jeħilsuhom fl-ambjent naturali tagħhom. |
2. It-trasportaturi li, f’konformità mal-Artikolu 188(2) tar-Regolament (UE) 2016/429, l-Istati Membri jistgħu jeżentawhom mir-rekwiżit taż-żamma tar-rekords tal-informazzjoni kollha jew parti minnha elenkat fl-Artikolu 188(1) ta’ dak ir-Regolament għandhom ikunu trasportaturi tal-kategoriji ta’ annimali akkwatiċi li ġejjin, dment li l-annimali akkwatiċi jiġu mċaqilqa f’kontenituri ssiġillati, reżistenti għat-tnixxija li jibqgħu magħluqin u intatti minn meta jitgħabbew sa meta jinħattu fid-destinazzjoni finali tagħhom:
|
(a) |
annimali tal-akkwakultura li huma intiżi għal skopijiet ornamentali; |
|
(b) |
bajd u gameti ta’ annimali akkwatiċi li huma intiżi għal skopijiet ta’ akkwakultura jew biex jinħelsu fl-ambjent naturali tagħhom. |
Artikolu 5
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Novembru 2021.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(2) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/691 tat-30 ta’ Jannar 2020 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-regoli għal stabbilimenti tal-akkwakultura u trasportaturi ta’ annimali akkwatiċi (ĠU L 174, 3.6.2020, p. 345).