17.11.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 407/4


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/2003

tas-6 ta’ Awwissu 2021

li jissupplimenta d-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jistabbilixxi l-pjattaforma għall-iżvilupp rinnovabbli tal-Unjoni

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 8(3) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva (UE) 2018/2001 tistabbilixxi għadd ta’ mekkaniżmi biex tiġi ffaċilitata l-kisba tal-miri tal-Unjoni għall-enerġija rinnovabbli b’mod kosteffettiv, inklużi t-trasferimenti statistiċi tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli bejn l-Istati Membri. It-trasferimenti statistiċi li jsiru skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) u l-Artikolu 8 tad-Direttiva (UE) 2018/2001, jippermettu lill-Istati Membri li ma jilħqux il-miri tal-enerġija rinnovabbli tagħhom stabbiliti bid-Direttiva 2009/28/KE, jew il-kontribut tagħhom għas-sorsi rinnovabbli msemmi fl-Artikolu 3 tad-Direttiva (UE) 2018/2001, jixtru statistika tal-enerġija rinnovabbli minn Stati Membri oħra li jkunu qed jaqbżu l-mira jew il-kontribut tagħhom. It-trasferimenti statistiċi jistgħu jintużaw ukoll mill-Istati Membri biex jissodisfaw il-punti ta’ referenza tat-trajettorja indikattiva skont il-punt (e) tal-Artikolu 32(3) tar-Regolament (UE) 2018/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3).

(2)

Skont l-Artikolu 3(6) tad-Direttiva (UE) 2018/2001, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi pjattaforma faċilitattiva sabiex tappoġġa lill-Istati Membri li jużaw mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni biex jikkontribwixxu għall-mira ġenerali vinkolanti tal-Unjoni għall-enerġija rinnovabbli.

(3)

Sabiex jiġu ffaċilitati t-trasferimenti statistiċi bejn l-Istati Membri, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tistabbilixxi pjattaforma għall-iżvilupp rinnovabbli tal-Unjoni (“URDP”). Jenħtieġ li l-URDP tipprovdi ħarsa ġenerali lejn il-kisba tal-mira u tal-kontribut tal-Istati Membri, tinkludi informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri dwar il-provvista u d-domanda għal trasferimenti statistiċi tal-enerġija rinnovabbli, tippermetti lill-Istati Membri jindikaw ir-rieda tagħhom li jinvolvu ruħhom fi trasferimenti statistiċi u tiddeskrivi l-kundizzjonijiet possibbli għal trasferiment, tidentifika sħab potenzjali tat-trasferiment permezz ta’ mekkaniżmu ta’ tqabbil u tipprovdi punti ta’ kuntatt inkarigati mit-trasferimenti statistiċi fl-Istati Membri. L-URDP jenħtieġ ukoll li jkun fiha repożitorju b’dokumenti ta’ gwida u ħarsa ġenerali lejn l-informazzjoni disponibbli dwar l-arranġamenti ta’ trasferimenti statistiċi. L-użu tal-URDP jenħtieġ li jkun fuq bażi volontarja.

(4)

L-URDP jenħtieġ li tiffaċilita l-ftehimiet dwar it-trasferimenti statistiċi. It-trasferimenti potenzjali identifikati permezz tal-mekkaniżmu ta’ tqabbil jenħtieġ li ma jkunux legalment vinkolanti.

(5)

Id-data dwar il-kwantitajiet aggregati ta’ enerġija disponibbli għat-trasferimenti statistiċi użati għall-URDP jenħtieġ li tiġi minn valutazzjonijiet ta’ partijiet terzi, u mill-pjanijiet nazzjonali integrati dwar l-enerġija u l-klima, mill-pjanijiet nazzjonali integrati aġġornati dwar l-enerġija u l-klima, u mir-rapporti nazzjonali integrati ta’ progress dwar l-enerġija u l-klima, kif xieraq, ippreżentati mill-Istati Membri skont ir-Regolament (UE) 2018/1999. Jenħtieġ li l-Kummissjoni ddaħħal dik id-data fil-pjattaforma. Barra minn hekk, l-Istati Membri jenħtieġ li jkunu jistgħu jindikaw l-ammont ta’ trasferimenti statistiċi li huma interessati li jagħmlu, bħala xerrejja jew bejjiegħa, kif ukoll kwalunkwe kundizzjoni partikolari għat-trasferiment statistiku li huma interessati li jinkludu.

(6)

Sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tad-data sensittiva rilevanti għat-trasferimenti bejn l-Istati Membri, jenħtieġ li l-aċċess għall-URDP ikun limitat għal punti ta’ kuntatt speċifiċi identifikati mill-Istati Membri. Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) japplika fejn rilevanti.

(7)

Sabiex tassisti lill-Istati Membri fil-konklużjoni ta’ trasferimenti statistiċi tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli, jenħtieġ li l-Kummissjoni tipprovdi materjal ta’ gwida dwar l-URDP, inkluż manwal għall-utenti u mudelli kif ukoll informazzjoni rilevanti dwar il-ftehimiet ta’ trasferimenti statistiċi konklużi.

(8)

Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni immedjata tal-miżuri previsti f’dan ir-Regolament, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-pjattaforma għall-iżvilupp rinnovabbli tal-Unjoni (“URDP”) biex jiġu ffaċilitati t-trasferimenti statistiċi għall-finijiet tad-Direttiva (UE) 2018/2001, u biex tiġi ffaċilitata l-kisba tal-mira tal-Unjoni stabbilita fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva (UE) 2018/2001 u tal-kontribut ta’ kull Stat Membru għal dik il-mira f’konformità mal-Artikolu 3(2) ta’ dik id-Direttiva.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“trasferiment statistiku” tfisser it-trasferiment tal-valur statistiku, mingħajr il-ħtieġa ta’ trasferiment fiżiku, ta’ ammont speċifikat ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli kif irrappurtat skont il-punt 5 tal-Anness B tar-Regolament (KE) Nru 1099/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) minn Stat Membru għal Stat Membru ieħor, liema ammont jitnaqqas mill-ammont ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli li jitqies fil-kalkolu tas-sehem tal-enerġija rinnovabbli tal-Istat Membru li jagħmel it-trasferiment u jiżdied mal-ammont tal-enerġija rinnovabbli li jitqies fil-kalkolu tas-sehem tal-enerġija rinnovabbli tal-Istat Membru li jaċċetta t-trasferiment;

(2)

“Stat Membru xerrej” tfisser Stat Membru li jidħol fi ftehim ta’ trasferimenti statistiċi biex jixtri ċerta kwantità statistika ta’ enerġija rinnovabbli minn Stat Membru ieħor li tiżdied mal-ammont ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli li jitqies fil-kalkolu tas-sehem tal-enerġija rinnovabbli tal-ewwel Stat Membru skont l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva (UE) 2018/2001;

(3)

“Stat Membru bejjiegħ” tfisser Stat Membru li jidħol fi ftehim ta’ trasferimenti statistiċi biex ibigħ ċerta kwantità statistika ta’ enerġija rinnovabbli minn Stat Membru ieħor li titnaqqas mill-ammont ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli li jitqies fil-kalkolu tas-sehem tal-enerġija rinnovabbli tal-ewwel Stat Membru skont l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva (UE) 2018/2001;

(4)

“kundizzjonijiet addizzjonali” tfisser kriterji, minbarra ż-żmien, il-prezz u l-volum ta’ trasferiment statistiku, li l-Istati Membri jistgħu jagħżlu li jehmżu ma’ ftehim ta’ trasferimenti statistiċi;

(5)

“enerġija minn sorsi rinnovabbli” jew “enerġija rinnovabbli” tfisser enerġija minn sorsi rinnovabbli jew enerġija rinnovabbli kif definit fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva (UE) 2018/2001;

(6)

“volum tat-trasferimenti statistiċi” jew “volum” tfisser il-volum trasferit ta’ enerġija rinnovabbli li għandu jitnaqqas mill-kontijiet statistiċi tal-Istat Membru bejjiegħ u jiżdied ma’ dawk tal-Istat Membru xerrej skont l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva (UE) 2018/2001.

Artikolu 3

Objettivi

1.   L-URDP għandha l-għan li tiffaċilita t-trasferimenti statistiċi tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli għall-finijiet tad-Direttiva (UE) 2018/2001, u tiffaċilita l-kisba tal-mira tal-Unjoni stabbilita fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva (UE) 2018/2001 u tal-kontribut ta’ kull Stat Membru għal dik il-mira f’konformità mal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva (UE) 2018/2001.

2.   L-URDP għandha:

(a)

tidentifika opportunitajiet potenzjali għal trasferimenti statistiċi fost l-Istati Membri billi tipprovdi informazzjoni aggregata dwar:

(i)

Stati Membri li jkunu qabżu jew li huma mistennija jaqbżu l-kontribut jew il-mira tal-enerġija rinnovabbli tagħhom u li għalhekk għandhom eċċess ta’ ammonti statistiċi ta’ enerġija rinnovabbli li jistgħu jiġu trasferiti lil Stat Membru ieħor;

(ii)

Stati Membri li naqsu jew li huma mistennija jonqsu milli jilħqu l-kontribut jew il-mira tal-enerġija rinnovabbli tagħhom u li għalhekk potenzjalment jista’ jkollhom defiċit ta’ ammonti statistiċi ta’ enerġija rinnovabbli;

(b)

tinkludi informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri dwar il-provvista u d-domanda għal trasferimenti statistiċi tal-enerġija rinnovabbli, inkluż il-volum, il-prezz u l-perjodu ta’ żmien kif ukoll kwalunkwe kundizzjoni addizzjonali għat-trasferiment;

(c)

tiffaċilita l-ftehimiet dwar it-trasferimenti statistiċi bejn l-Istati Membri permezz ta’ mekkaniżmu ta’ tqabbil mhux vinkolanti tad-domanda għal trasferimenti statistiċi bejn l-Istati Membri u tal-provvista tagħhom u billi tipprovdi punti ta’ kuntatt fl-Istati Membri biex jidħlu f’diskussjonijiet dwar il-ftehimiet;

(d)

tipprovdi aċċess għal materjal ta’ gwida li jassisti l-Istati Membri biex jikkonkludu trasferimenti statistiċi;

(e)

iżżid it-trasparenza dwar il-ftehimiet ta’ trasferimenti statistiċi konklużi billi tipprovdi informazzjoni ewlenija dwar dawk it-trasferimenti, inkluż informazzjoni dwar il-volumi, il-prezzijiet u l-perjodu ta’ żmien, kif ukoll id-dokumenti tal-ftehimiet ta’ trasferimenti statistiċi, fejn dawn ikunu disponibbli għall-pubbliku.

3.   Minbarra l-objettivi stabbiliti fil-paragrafu 2, l-URDP tista’ tipprovdi kwalunkwe funzjonalità oħra relatata mal-proċess tat-trasferimenti statistiċi tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli biex tikkontribwixxi għall-objettiv stabbilit fil-paragrafu 1.

Artikolu 4

Identifikazzjoni tal-kwantitajiet ta’ enerġija disponibbli għat-trasferimenti statistiċi

1.   L-URDP għandha tiffaċilita l-konklużjoni bejn l-Istati Membri ta’ ftehimiet ta’ trasferimenti statistiċi billi tidentifika l-opportunitajiet potenzjali għal trasferimenti statistiċi abbażi tal-kwantitajiet aggregati tal-enerġija disponibbli għal trasferimenti statistiċi.

2.   Dawk l-opportunitajiet potenzjali jistgħu jiġu identifikati abbażi ta’ stima tal-kwantitajiet tal-enerġija mistennija li jkunu disponibbli għat-trasferimenti statistiċi għal kull pajjiż sal-2030 derivati mill-informazzjoni disponibbli għall-pubbliku, inkluż il-pjanijiet nazzjonali integrati dwar l-enerġija u l-klima, l-aġġornamenti tagħhom u r-rapporti ta’ progress nazzjonali integrati dwar l-enerġija u l-klima ppreżentati mill-Istati Membri skont ir-Regolament (UE) 2018/1999 u l-valutazzjonijiet ta’ partijiet terzi.

Artikolu 5

Talbiet ta’ xiri jew bejgħ mill-Istati Membri

1.   L-Istati Membri jistgħu, fuq bażi volontarja, jippreżentaw lill-URDP data annwali li tindika l-kwantitajiet tal-provvista u d-domanda tagħhom għat-trasferimenti statistiċi ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli, inkluż:

(a)

il-volum tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli li huma jixtiequ jixtru jew ibigħu mingħand Stat Membru ieħor permezz ta’ trasferiment statistiku, inkluż, kif applikabbli, kwalunkwe komponent ta’ volum fiss jew flessibbli;

(b)

l-indikazzjoni ta’ prezz jew firxa ta’ prezzijiet li biha huma jaċċettaw li jixtru jew ibigħu kwalunkwe produzzjoni żejda ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli minn Stat Membru ieħor permezz ta’ trasferiment statistiku, inkluż kif applikabbli, kwalunkwe komponent ta’ prezz fiss jew flessibbli;

(c)

il-perjodu ta’ żmien li għalih jista’ jiġi konkluż trasferiment statistiku, inkluż, kif applikabbli, sena waħda jew diversi snin, is-sena preċedenti jew kurrenti jew snin futuri oħra;

(d)

kwalunkwe kundizzjoni jew prijorità addizzjonali li għandha tiżdied mat-trasferiment statistiku.

2.   Il-volumi ta’ trasferimenti statistiċi għandhom jiġu pprovduti f’“ktoe” (elf tunnellata tal-ekwivalenti taż-żejt), “GWh” (siegħa Gigawatt), “TJ” (Terajoules) jew unità ta’ enerġija ekwivalenti oħra. Meta sseħħ konverżjoni mill-massa jew mill-volum, il-valur kalorifiku korrispondenti għandu jiġi inkluż ukoll. Il-kwantità ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli soġġetta għat-trasferiment statistiku għandha titqarreb għal tliet punti deċimali.

3.   Id-data pprovduta minn Stat Membru ma għandha tikkostitwixxi l-ebda obbligu legali fuq dan l-Istat Membru biex jidħol fi ftehim ma’ Stat Membru ieħor. Għandha sservi biss għal finijiet ta’ informazzjoni biex tiffaċilita n-negozjati bejn l-Istati Membri. Id-data għandha tkun disponibbli biss fuq l-URDP għal Stati Membri oħra u għall-Kummissjoni.

4.   L-URDP għandha tinkludi mekkaniżmu ta’ tqabbil għall-finijiet tat-tqabbil tal-provvista mad-domanda kif indikat mill-Istati Membri u l-identifikazzjoni ta’ trasferimenti potenzjali tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli ma’ Stati Membri oħra.

5.   Kwalunkwe trasferiment potenzjali identifikat mill-mekkaniżmu ta’ tqabbil tal-URDP ma għandux ikun vinkolanti u għandu jservi biss għal finijiet tal-konklużjoni ta’ ftehimiet ta’ trasferimenti statistiċi bejn l-Istati Membri.

Artikolu 6

Aċċess għall-URDP u punti ta’ kuntatt tal-Istati Membri

1.   L-Istati Membri għandhom jispeċifikaw lill-Kummissjoni, il-persuni awtorizzati li jkollhom aċċess għall-URDP. L-aċċess għandu jiġi miċħud biss għal dawk il-persuni fejn jitqies ġustifikat f’termini ta’ numri jew tal-funzjoni ta’ tali persuni.

2.   L-Istati Membri għandhom jaħtru punt ta’ kuntatt inkarigat mit-trasferimenti statistiċi tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli, jippreżentaw informazzjoni lill-URDP u jaġġornawha kif meħtieġ. L-URDP għandha tagħmel disponibbli l-informazzjoni dwar il-punti ta’ kuntatt għal kull Stat Membru.

Artikolu 7

Gwida u informazzjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha tipprovdi materjal ta’ gwida dwar l-URDP u l-użu tagħha biex tgħin lill-Istati Membri jikkonkludu trasferimenti statistiċi, inkluż manwal għall-utenti dwar it-trasferimenti statistiċi.

2.   Fuq l-URDP, il-Kummissjoni tista’ tipprovdi aċċess għal riżorsi u informazzjoni addizzjonali relatata mal-URDP, inkluż mudell tal-ftehim, artikli u rapporti fil-qasam tat-trasferimenti statistiċi tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli.

3.   Il-Kummissjoni għandha tagħmel disponibbli fuq l-URDP informazzjoni dwar il-ftehimiet ta’ trasferimenti statistiċi konklużi dwaru, inkluż iż-żmien, il-volum, il-prezz, kundizzjonijiet addizzjonali u l-ftehim relatat ta’ trasferimenti statistiċi, u informazzjoni dwar il-perjodu ta’ żmien, il-volum u l-Istati Membri involuti fir-rigward tal-ftehimiet ta’ trasferimenti statistiċi konklużi abbażi tal-Artikolu 8 tad-Direttiva (UE) 2018/2001 kif ukoll abbażi tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2009/28/KE barra mill-pjattaforma.

Artikolu 8

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-6 ta’ Awwissu 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 328, 21.12.2018, p. 82.

(2)  Id-Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttivi 2001/77/KE u 2003/30/KE (ĠU L 140, 5.6.2009, p. 16).

(3)  Ir-Regolament (UE) 2018/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u tal-Azzjoni Klimatika, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 663/2009 u (KE) Nru 715/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi 94/22/KE, 98/70/KE, 2009/31/KE, 2009/73/KE, 2010/31/UE, 2012/27/UE u 2013/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 2009/119/KE u (UE) 2015/652 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 328, 21.12.2018, p. 1).

(4)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

(5)  Ir- Regolament (KE) Nru 1099/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2008 dwar l-istatistika dwar l-enerġija (ĠU L 304, 14.11.2008, p. 1).