15.11.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 402/1


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1972

tal-11 ta’ Awwissu 2021

li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2021/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura u li jemenda r-Regolament (UE) 2017/1004 billi jistabbilixxi l-kriterji għall-kalkolu tal-ispejjeż addizzjonali li jġarrbu l-operaturi mis-sajd, mit-trobbija, mill-ipproċessar u mill-kummerċjalizzazzjoni ta’ ċerti prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura fir-reġjuni ultraperifiċi

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2021/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Lulju 2021 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura u li jemenda r-Regolament (UE) 2017/1004 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 36(6) tiegħu,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 24 tar-Regolament (UE) 2021/1139, il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura (il-FEMSA) jista’ jappoġġa l-kumpens tal-ispejjeż addizzjonali li jġarrbu l-operaturi mis-sajd, mit-trobbija, mill-ipproċessar u mill-kummerċjalizzazzjoni ta’ ċerti prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura fir-reġjuni ultraperifiċi msemmija fl-Artikolu 349 tat-Trattat.

(2)

Skont l-Artikolu 35 tar-Regolament (UE) 2021/1139, jenħtieġ li fil-pjan ta’ azzjoni msemmi f’dak l-Artikolu, l-Istat Membru kkonċernat jiddeskrivi l-metodoloġija li tintuża biex jiġi kkalkulat il-kumpens tal-ispejjeż addizzjonali għal kull reġjun ultraperifiku.

(3)

Skont l-Artikolu 36(6) tar-Regolament (UE) 2021/1139, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta l-atti delegati li jistabbilixxu l-kriterji biex jiġu kkalkulati l-ispejjeż addizzjonali li jirriżultaw mill-iżvantaġġi speċifiċi tar-reġjuni ultraperifiċi.

(4)

Sabiex jiġi previst trattament armonizzat u ugwali tar-reġjuni kollha kkonċernati, u biex jiġi evitat li jingħata kumpens żejjed tal-ispejjeż addizzjonali, jeħtieġ li jiġu stabbiliti l-kriterji għall-kalkolu tal-ispejjeż addizzjonali li jirriżultaw mill-iżvantaġġi speċifiċi tar-reġjuni ultraperifiċi tal-Unjoni. Il-kriterji komuni li jridu jintużaw jenħtieġ li jiżguraw li jintuża metodu omoġenju għall-kalkolu tal-ispejjeż addizzjonali għar-reġjuni kollha kkonċernati.

(5)

Sabiex jiġi evitat il-kumpens żejjed, jenħtieġ li jiġu stmati b’reqqa partikolari l-ispejjeż ta’ referenza għall-prodotti jew għall-kategoriji ta’ prodotti li jġarrbu l-operaturi fil-parti kontinentali tal-Istat Membru jew tat-territorju tal-Unjoni, li fuqhom jiġu kkalkulati l-ispejjeż addizzjonali.

(6)

Jeżistu prodotti jew kategoriji ta’ prodotti li għalihom ma hemmx kriterji ta’ tqabbil jew unitajiet ta’ kejl fil-parti kontinentali tat-territorju tal-Istat Membru kkonċernat. F’dawn il-każijiet, ir-referenza għall-kalkolu tal-ispejjeż addizzjonali għandha tiġi stabbilita skont l-ispejjeż imġarrba mill-operaturi fil-parti kontinentali tat-territorju tal-Unjoni għall-prodotti jew għall-kategoriji ta’ prodotti ekwivalenti.

(7)

Fid-dawl tal-kundizzjonijiet differenti tal-kummerċjalizzazzjoni fir-reġjuni ultraperifiċi, il-fluttwazzjonijiet fil-qbid u l-istokkijiet u d-domanda tas-suq, jenħtieġ li l-Istati Membri kkonċernati jitħallew jiddeterminaw il-prodotti jew il-kategoriji ta’ prodotti tas-sajd u l-akkwakultura eliġibbli għall-kumpens, il-kwantitajiet massimi rispettivi tagħhom u l-livelli tal-ammonti ta’ kumpens fl-allokazzjoni kumplessiva għal kull Stat Membru.

(8)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jistabbilixxu l-ammonti tal-kumpens f’livell li jippermetti t-tpaċija xierqa tal-ispejjeż addizzjonali li jirriżultaw mill-iżvantaġġi speċifiċi tar-reġjuni ultraperifiċi u li jevita l-kumpens żejjed. Għal dak il-għan, jenħtieġ li l-ammont tal-kumpens iqis ukoll tipi oħra ta’ interventi pubbliċi li għandhom impatt fuq l-ispejjeż addizzjonali, inkluż kull għajnuna mill-Istat innotifikata skont l-Artikolu 108(3) tat-Trattat u l-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) 2021/1139.

(9)

Sabiex tiġi prevista preżentazzjoni armonizzata tal-ispejjeż addizzjonali, jeħtieġ li dawn l-ispejjeż addizzjonali jiġu espressi f’tunnellati ta’ piż ħaj, iddeterminati f’konformità mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 (2) u mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 404/2011 (3), li jistabbilixxi l-kodiċijiet għall-preżentazzjoni tal-prodott għall-ħut ipproċessat u fatturi ta’ konverżjoni tal-Unjoni Ewropea għall-ħut frisk u għall-ħut frisk immellaħ sabiex il-piż tal-ħut maħżun jew ipproċessat jiġi kkonvertit f’piż ta’ ħut ħaj għall-finijiet tal-monitoraġġ tal-qabdiet.

(10)

Sabiex tkun tista’ ssir fil-pront l-applikazzjoni tal-miżuri previsti f’dan ir-Regolament, billi n-nefqa diġà ilha eliġibbli għall-FEMSA mill-1 ta’ Jannar 2021, f’konformità mal-Artikolu 63(2) tar-Regolament (UE) 2021/1060 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-kriterji biex jiġu kkalkulati l-ispejjeż addizzjonali li ġarrbu l-operaturi waqt il-perjodu tal-eliġibbiltà ddefinit fl-Artikolu 63(2) tar-Regolament (UE) 2021/1060, mis-sajd, mit-trobbija, mill-ipproċessar u mill-kummerċjalizzazzjoni ta’ ċerti prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura fir-reġjuni ultraperifiċi tal-Unjoni msemmija fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 349 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, minħabba l-iżvantaġġi speċifiċi ta’ dawk ir-reġjuni ultraperifiċi.

Artikolu 2

(1)   L-ispejjeż addizzjonali msemmija fl-Artikolu 1 għandhom jiġu kkalkulati separatament għal kull waħda mill-attivitajiet li ġejjin:

(a)

is-sajd;

(b)

it-trobbija;

(c)

l-ipproċessar;

(d)

il-kummerċjalizzazzjoni.

(2)   F’kull attività msemmija fil-paragrafu 1, l-ispejjeż addizzjonali għandhom jiġu kkalkulati skont il-partiti tan-nefqa għal kull prodott jew kull kategorija ta’ prodotti identifikati mill-Istat Membru bħala eliġibbli għall-kumpens.

(3)   L-ispejjeż addizzjonali għandhom jiġu kkalkulati għal kull partita tan-nefqa bħala d-differenza bejn l-ispejjeż imġarrba mill-operaturi fir-reġjuni ultraperifiċi kkonċernati, li minnhom jitnaqqas kull tip ta’ intervent pubbliku li jaffettwa l-livell tal-ispejjeż addizzjonali u l-ispejjeż komparabbli mġarrba mill-operaturi kontinentali tal-Istat Membru kkonċernat.

(4)   Għall-partiti tan-nefqa speċifiċi għal prodotti jew għal kategoriji ta’ prodotti li ma jeżistux kriterji ta’ tqabbil jew unitajiet ta’ kejl għalihom fil-parti kontinentali tat-territorju tal-Istat Membru, l-ispejjeż addizzjonali għandhom jiġu ddeterminati bi tqabbil mal-ispejjeż komparabbli għall-prodotti jew il-kategoriji ta’ prodotti ekwivalenti li jġarrbu l-operaturi fil-parti kontinentali tat-territorju tal-Unjoni.

(5)   Il-kalkolu tal-ispejjeż addizzjonali għandu jqis kull intervent pubbliku, inkluż kull għajnuna mill-Istat innotifikata skont l-Artikolu 108(3) tat-Trattat u skont l-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) 2021/1139.

Artikolu 3

(1)   Il-kalkolu tal-ispejjeż addizzjonali għandu jkun ibbażat biss fuq l-ispejjeż li jirriżultaw min-nuqqasijiet speċifiċi tar-reġjuni ultraperifiċi.

(2)   Il-kalkolu tal-ispejjeż addizzjonali għandu jkun ibbażat fuq medja annwali ta’ prezzijiet irreġistrati.

(3)   L-ispejjeż addizzjonali għandhom jingħataw f’euro għal kull tunnellata ta’ piż ħaj u fejn ikun jeħtieġ, l-elementi tal-ispejjeż kollha tat-total tal-ispejjeż addizzjonali għandhom jinqalbu f’euro għal kull tunnellata ta’ piż ħaj. Għal dan l-għan għandhom jintużaw il-fatturi ta’ konverżjoni stabbiliti fl-Annessi XIII u XIV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 404/2011.

Artikolu 4

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ Awwissu 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  (ĠU L 247, 13.7.2021, p. 1).

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 847/96, (KE) Nru 2371/2002, (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 768/2005, (KE) Nru 2115/2005, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007, (KE) Nru 676/2007, (KE) Nru 1098/2007, (KE) Nru 1300/2008, (KE) Nru 1342/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1627/94 u (KE) Nru 1966/2006 (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 404/2011 tat-8 ta’ April 2011 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd (ĠU L 112, 30.4.2011, p. 1).

(4)  Ir-Regolament (UE) 2021/1060 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2021 li jistipula dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew Plus, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura u r-regoli finanzjarji għalihom u għall-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, il-Fond għas-Sigurtà Interna u l-Istrument għall-Appoġġ Finanzjarju għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u l-Politika dwar il-Viżi (ĠU L 231, 30.6.2021, p. 159).